EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0015

2008/874/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ta’ l- 14 ta’ Novembru 2008 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament BĊE/2008/11 tat- 23 ta’ Ottubru 2008 dwar tibidliet temporanji għar-regoli relatati ma’ l-eliġibbilta' tal-garanziji (BĊE/2008/15)

OJ L 309, 20.11.2008, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/874/oj

20.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 309/8


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

ta’ l-14 ta’ Novembru 2008

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament BĊE/2008/11 tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar tibidliet temporanji għar-regoli relatati ma’ l-eliġibbilta' tal-garanziji

(BĊE/2008/15)

(2008/874/KE)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea u b’mod partikolari l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 105(2) u ta’ l-Artikolu 110,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u b’mod partikolari t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 34.1, flimkien ma’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.2,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tar-Regolament BĊE/2008/11 tat-23 t’Ottubru 2008 dwar tibdiliet temporanji għar-regoli dwar l-eliġibbilta' tal-garanziji,

Billi:

(1)

Fil-15 t’Ottubru 2008, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda biex jaċċetta temporanjament klejms ta’ kreditu li jqumu f’self sindakat irregolat bil-liġijiet ta’ l-Ingilterra u Wales bħala garanziji eliġibbli għall-finijiet ta’ l-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta’ l-Eurosistema. Fit-23 t’Ottubru 2008, il-Kunsill Governattiv ta effett lid-Deċiżjoni tiegħu billi adotta r-Regolament BĊE/2008/11 (1).

(2)

Skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament BĊE/2008/11, għal self sindakat irregolat bil-liġijiet ta’ l-Ingilterra u Wales, in-numru totali ta’ liġijiet governanti li japplikaw għall-mobilizzazzjoni ta’ dan is-self ma jistax jaqbeż tlieta. Il-kumplessitajiet legali inerenti fil-mobilizzazzjoni ta’ self sindakat, meta jistgħu japplikaw sa tliet liġijiet differenti governanti, jeħtieġu li jitwettqu valutazzjonijiet legali u ta’ riskju mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri li adottaw l-euro (minn issa l quddiem “il-BĊNi”) meta dawn jipprovdu likwidita' kontra dawn it-tip ta’ garanziji.

(3)

Il-kumplessita' legali involuta fil-mobilizzazzjoni tas-self t’hawn fuq teħtieġ l-adozzjoni tal-kriterji ta’ implimentazzjoni relatati ma’ l-aċċettazzjoni, bħala garanzija eliġibbli, ta’ self sindakat irregolat bil-liġijiet ta’ l-Ingilterra u Wales,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

“Dokumentazzjoni Ġenerali” tfisser l-Anness I mal-Linja Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja ta’ l-Eurosistema (2);

“self sindakat” tfisser klejms ta’ kreditu rrappreżentati b’ishma ta’ istituzzjonijiet membri tas-sindakat f’self sindakat, kif deskritti fil-Kapitolu 6.2.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali u rregolati bil-liġijiet ta’ l-Ingilterra u Wales.

Artikolu 2

Teknikalitajiet ta’ mobilizzazzjoni għal self sindakat

1.   BĊN għandu jimmobilizza self sindakat direttament mill-kontroparti rilevanti tiegħu skond il-proċeduri domestiċi rispettivi tiegħu għal klejms ta’ kreditu. Il-ftehim ta’ mobilizzazzjoni għandu jkun irregolat bil-liġi ta’ Stat Membru li jappartjeni għaż-żona ta’ l-euro.

2.   Il-Kapitolu 6.6 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali m’għandux japplika għall-mobilizzazzjoni ta’ self sindakat.

Artikolu 3

Trasferibbilta’ tas-self

Għandu jkun eliġibbli biss self sindakat trasferibbli għal kollox. Għall-finijiet tar-raba’ inċiż ta’ l-Appendiċi 7 ta’ l-Anness I mad-Dokumentazzjoni Ġenerali, is-self sindakat m’għandux jitqies li huwa trasferibbli għal kollox u li jista’ jiġi mmobilizzat mingħajr restrizzjoni bħala garanzija għall-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema, sakemm il-ftehim ta’ self jippermetti bla ebda kundizzjoni li:

(i)

min jislef jippeża (to charge), jassenja jew inkella joħloq interess f’titoli (security interest) fi jew fuq id-drittijiet tiegħu biex jiżgura l-obbligi tiegħu lil BĊN; u

(ii)

il-BĊN rilevanti jinforza l-interess tiegħu f’titoli fuq dan is-self billi jiġbor ħlasijiet relatati mas-self, direttament jew indirettament mid-debitur, u billi jassenja jew jittrasferixxi s-self lil bank jew istituzzjoni finanzjarja jew lil trust fund jew entita' oħra li hija ngaġġata b’mod regolari fi, jew hija stabbilita għall-finijiet li tagħmel, tixtri jew tinvesti f’self, titoli jew assi finanzjarji oħra.

Artikolu 4

Notifika lid-debitur

1.   Il-kontroparti għandu jinħtieġ jinnotifika lid-debitur fi ftehim ta’ self sindakat dwar il-mobilizzazzjoni ta’ dan is-self sindakat bħala garanzija qabel jew immedjatament wara l-mobilizzazzjoni ta’ dan is-self. Din in-notifika għandha tingħata skond il-proċeduri applikabbli kif speċifikati fil-ftehim tas-self sindakat.

2.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-BĊN rilevanti biex jinnotifika lid-debitur.

Artikolu 5

Reġistrazzjoni taċ-ċertifikat

Il-kontropartijiet għandhom jipprovdu lill-BĊN rilevanti kopja tal-konferma li jkunu rċevew mir-Registrar of Companies of England and Wales li l-mobilizzazzjoni tas-self sindakat tkun ġiet irreġistrata f’Companies House.

Artikolu 6

Sottomissjoni mill-kontroparti ta’ ittra ta’ parir (diligence letter) minn konsulent legali estern

Qabel il-mobilizzazzjoni ta’ self sindakat, il-kontropartijiet għandhom jibagħtu lill-BĊN rilevanti ittra ta’ parir (diligence letter) minn konsulent legali estern li tindirizza, f’manjiera u f’forma sodisfaċenti għall-Eurosistema, ċerti kwistjonijiet ta’ diliġenza (diligence), billi dawn ikunu jistgħu jiġu elaborati minn żmien għal żmien mill-BĊE u ppubblikati fuq is-sit elettroniku tiegħu.

Artikolu 7

Vetturi bi skop speċjali bħala debituri

1.   Vettura bi skop speċjali (SPV) għandha tkun biss debitur eliġibbli f’self sindakat jekk (i) il-SPV hija l-benefiċjarju ta’ garanzija li tinħareġ minn korporazzjoni mhux finanzjarja eliġibbli bħala garanti fit-tifsira tal-Kapitolu 6.2.2. tad-Dokumentazzjoni Ġenerali; (ii) il-garanzija tikkonforma ma’ l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu 6.3.3. tad-Dokumentazzjoni Ġenerali; u (iii) il-BĊN rilevanti huwa ntitolat legalment jinforza l-garanzija wara l-mobilizzazzjoni tas-self sindakat.

2.   Klejms ta’ kreditu li jqumu f’self sindakat b’SPVs bħala debituri għandhom ikunu biss garanziji eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema jekk il-SPV u l-garanti huma stabbiliti fiż-żona ta’ l-euro.

3.   L-obbligu biex tingħata konferma legali, kif stabbilit fil-Kapitolu 6.3.3 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, għandu japplika wkoll fejn id-debitur huwa SPV li tibbenefika minn garanzija skond il-paragrafu 1.

Artikolu 8

Valuta tad-denominazzjoni

Għall-finijiet tal-Kapitolu 6.2.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, self sindakat għandu jitqies biss li huwa ddenominat fl-euro sakemm il-ftehim rilevanti tas-self ma jħallix lid-debitur jew lill-aġent tad-debitur, f’ismu, biex ivarja l-valuta li fiha s-self sindakat ikun iddenominat, jew pagabbli f’kull ħin qabel il-maturita’ ta’ l-operazzjoni ta’ kreditu rilevanti ta’ l-Eurosistema.

Artikolu 9

L-ebda set-off jew kontrotalba

Self sindakat għandu jikkostitwixxi biss garanzija eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema jekk il-ftehim rilevanti tas-self sindakat jinkludi dispożizzjoni ċara liema skond il-ħlasijiet kollha li għandhom isiru mid-debitur isiru ħielsa minn kull tnaqqis għal set-off jew kontrotalba.

Artikolu 10

Restrizzjonijiet dwar il-likwidita' tal-garanziji

1.   Self sindakat li jinkludi dispożizzjonijiet kuntrattwali u li jeħtieġu maġġoranza ta’ persuni li jsellfu biex jadottaw deċiżjonijiet dwar is-sindikat fir-rigward tad-debitur, għandu jkun garanzija eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema.

2.   Ftehim ta’ self sindakat li jinkludu dispożizzjonijiet kuntrattwali li jawtorizzaw ċerti termini tal-ftehim rilevanti tas-self sindakat biex jiġu emendati jew irrinunzjati bil-kunsens ta’ maġġoranza ta’ persuni li jsellfu, għandhom ikunu garanziji eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema; bil-kundizzjoni li l-ftehim tas-self għal dan it-tip ta’ self ma jipprovdix li jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet b’maġġoranza fir-rigward ta’: (i) estensjoni sad-data tal-ħlas ta’ kull ammont dovut skond il-ftehim; jew (ii) tnaqqis fil-marġni jew fl-ammont ta’ kull ħlas ta’ kapital jew imgħax; jew (iii) bidla fil-prinċipju li l-obbligi ta’ kull persuna li ssellef skond il-ftehim huma diversi.

3.   Self sindakat li jinvolvi aġent tal-faċilita’ għall-ġbir u d-distribuzzjoni tal-ħlasijiet għandu jkun biss garanzija eliġibbli għal operazzjonjiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema meta l-aġent tal-faċilita’ huwa istituzzjoni ta’ kreditu b’rating minimu għal żmien twil ta’ “A-” minn Fitch jew Standard & Poor’s, “A3” minn Moody’s jew ta’ “AL” minn DBRS.

Artikolu 11

Sostituzzjoni ta’ klawsoli dwar min isellef

Self sindakat li jinkludi dispożizzjonijiet kuntrattwali li jippermettu lid-debitur biex jissostitwixxi lil min isellef bi skambju għal self dovut (outstanding loan), għandu biss jikkostitwixxi garanzija eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema fejn, qabel il-mobilizzazzjoni, il-kontroparti tipprovdi lill-BĊN rilevanti b’interess f’titoli nfurzabbli fi jew fuq id-dritt tal-kontroparti li tirċievi flus kontanti fir-rigward ta’ dan l-iskambju.

Artikolu 12

Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali

Self sindakat għandu jikkostitwixxi biss garanzija eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema jekk il-ftehim tas-self sindakat jippermetti lil min isellef biex jiżvela informazzjoni kunfidenzjali lil bank ċentrali ta’ l-Eurosistema, b’konnessjoni ma’ kull piż (charge), ċessjoni jew interess f’titoli maħluqa minn min isellef fi jew fuq id-drittijiet tiegħu skond il-ftehim, biex jiżgura l-obbligi tiegħu lil bank ċentrali ta’ l-Eurosistema.

Artikolu 13

Tassazzjoni u Indennizz

1.   Self sindakat għandu jkunu biss garanzija eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema jekk il-kontroparti jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-kontroparti għandha tagħti konferma minn konsulent tat-taxxa tar-Renju Unit sabiex jew: (a) id-debitur ma jintalabx iżomm it-taxxa minn ras il-għajn tar-Renju Unit b’riżultat ta’ kull trasferiment, jew taħt il-liġi Ingliża jew taħt kull liġi oħra, tal-beneficial ownership ta’ l-attiv tas-self lill-BĊN; jew (b) id-debitur jintalab iżomm it-taxxa minn ras il-għajn tar-Renju Unit b’riżultat ta’ dan it-trasferiment tal-beneficial ownership lill-BĊN, imma li l-BĊN għandu jkun eliġibbli biex jibbenefika mit-trattat tat-taxxa bejn ir-Renju Unit u l-ġurisdizzjoni tal-BĊN, tali li ladarba tkun ingħatat direzzjoni minn Her Majesty’s Revenue & Customs (HMRC) skond it-trattat rilevanti, id-debitur jkun intitolat jagħmel ħlasijiet ta’ imgħax lill-BĊN mingħajr ma jżomm taxxa tar-Renju Unit u l-BĊN jkun intitolat jirkupra taxxa miżmuma qabel; jew (ċ) id-debitur jintalab iżomm it-taxxa minn ras il-għajn tar-Renju Unit b’riżultat ta’ dan it-trasferiment ta’ beneficial ownership lill-BĊN u l-BĊN ma jkunx eliġibbli biex jibbenefika mit-trattat tat-taxxa bejn ir-Renju Unit u l-ġurisdizzjoni tal-BĊN, jew kull eżenzjoni oħra.

3.   Meta l-konsulent tat-taxxa tar-Renju Unit jikkonferma li t-trasferiment tal-beneficial ownership ta’ l-attiv tas-self lill-BĊN jaqa’ taħt kategorija (b) jew (ċ) fil-paragrafu 2 hawn fuq, il-kontroparti jinħtieġ jidħol fi ftehim biex jindennizza lill-BĊN għal kull taxxa minn ras il-għajn tar-Renju Unit li tinżamm mid-debitur (u mhux ikkalkulata gross skond il-ftehim tas-self sindakat), u għall-konsegwenzi kollha ħżiena li jsegwu l-fluss tal-flus kontanti ta’ kull taxxa minn ras il-għajn tar-Renju Unit, liema taxxa l-ewwel tinżamm minn, u mbagħad tingħata lura lill-BĊN.

4.   Il-kontroparti għandha tassumi kull responsabbilta’ u r-responsabbilta’ sħiħa biex tinnotifika lid-debitur dwar kull trasferiment tal-beneficial ownership ta’ l-attiv tas-self lill-BĊN, li jirriżulta fid-debitur jintalab iżomm taxxa tar-Renju Unit (jew iżomm taxxa tar-Renju Unit b’rata differenti).

5.   Il-kontroparti għandha tħallas l-ispiża sħiħa ta’ kull bolla tar-Renju Unit (UK stamp duty) (kif ukoll kull penali u imgħax fuqha) li titħallas b’riżultat ta’ xi trasferiment, skond il-liġi Ingliża jew kull liġi oħra, tal-beneficial ownership ta’ l-attiv tas-self, u li l-BĊN jikkunsidra b’mod raġonevoli li jkollha titħallas sabiex il-BĊN jkun jista’ jippreżenta l-attiv tas-self bħala evidenza f’qorti Ingliża jew juża l-attiv tas-self għal xi fini oħra fir-Renju Unit. Il-kontroparti għandha tħallas ukoll l-ispiża sħiħa ta’ kull taxxa tar-riżerva tal-bolla tar-Renju Unit (UK stamp duty reserve tax) pagabbli bħala riżultat ta’ trasferiment ta’ dan it-tip, jekk applikabbli.

6.   Il-kontroparti għandha tipprovdi konferma minn konsulent xieraq tat-taxxa f’dawk il-ġurisdizzjonijiet li l-kontroparti tikkunsidra xierqa, sabiex id-debitur ma jkunx jinħtieġ iżomm taxxa minn ras il-għajn li ma tappartjenix għall-Ingilterra b’riżultat ta’ xi trasferiment, skond il-liġi Ingliża jew kull liġi oħra, tal-beneficial ownership ta’ l-attiv tas-self lill-BĊN, u li kull trasferiment ta’ dan it-tip ma jwassalx biex tkun dovuta xi bolla li ma tappartjenix għar-Renju Unit (non-UK stamp) jew boll tat-trasferiment.

7.   Il-kontroparti għandu jindennizza bis-sħiħ lill-BĊN rilevanti fir-rigward ta’ kull onorarji dovuti lill-aġent tal-faċilita’ jew dak li jħallas, jew kull onorarji jew spejjeż oħra relatati ma’ l-amministrazzjoni tas-self.

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-17 ta’ Novembru 2008.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Novembru 2008.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fl-14 ta’ Novembru 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 282, 25.10.2008, p. 17.

(2)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.


Top