EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0020

2013/362/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 21 ta’ Ġunju 2013 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro (BĊE/2013/20)

OJ L 187, 6.7.2013, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013D0031(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/362/oj

6.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/25


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta’ Ġunju 2013

dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro

(BĊE/2013/20)

(2013/362/UE)

IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 47 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri b’deroga (minn hawn ‘il quddiem "BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro") m’għandhomx għalfejn iħallsu l-kapital sottoskritt tagħhom sakemm il-Kunsill Ġenerali, li jaġixxi b’maġġoranza li tirrappreżenta mill-inqas żewġ terzi mill-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mill-inqas nofs l-azzjonisti, jiddeċiedi li persentaġġ minimu għandu jitħallas bħala kontribut għall-ispejjeż operattivi tal-BĊE.

(2)

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/28 tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħlas tal-kapital tal-BĊE mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona euro (1) jistipula li kull BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro jrid iħallas 3.75 % ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE b’effett mid-29 ta’ Diċembru 2010.

(3)

Minħabba d-dħul tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea u li l-bank ċentrali nazzjonali tagħha (BĊN), Hrvatska narodna banka, jingħaqad fis-SEBĊ fl-1 ta’ Lulju 2013, id-Deċiżjoni BĊE/2013/17 tal-21 ta’ Ġunju 2013 dwar l-ishma ta' persentaġġ tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (2) tistabbilixxi l-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE (minn hawn ‘il quddiem l-‘iskema tal-kapital’) skont l-Artikolu 29.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u tistabbilixxi, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013, l-ippeżar ġdid assenjat lil kull bank ċentrali tal-Unjoni fl-iskema tal-kapital (minn hawn ‘il quddiem l-‘ippeżar fl-iskema tal-kapital’).

(4)

Mill-1 ta’ Lulju 2013, il-kapital sottoskritt tal-BĊE ser ikun ta’ EUR 10 825 007 069,61.

(5)

L-iskema tal-kapital estiża teħtieġ l-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida tal-BĊE li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2010/28 b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013 u tiddetermina l-persentaġġ tal-kapital sottoskritt tal-BĊE li l-BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro huma obbligati jħallsu b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013.

(6)

B’konformità mal-Artikolu 3.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew (3), il-Gvernatur tal-Hrvatska narodna banka kellu l-opportunità jissottometti osservazzjonijiet fir-rigward ta’ din id-Deċiżjoni qabel l-adozzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ammont u forma ta’ kapital sottoskritt u mħallas

Kull BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro għandu jħallas 3.75 % ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013. Meta jiġi kkunsidrat l-ippeżar ġdid fl-iskema tal-kapital stipulat fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/17, kull BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro għandu jkollu kapital totali sottoskritt u mħallas tal-ammonti murija ħdejn ismu fit-tabella li ġejja:

(f’EUR)

BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro

Kapital sottoskritt fl-1 ta’ Lulju 2013

Kapital imħallas fl-1 ta’ Lulju 2013

Българска народна банка/Bank Nazzjonali Bulgaru

93 571 361,11

3 508 926,04

Česká národní banka

157 384 777,79

5 901 929,17

Danmarks Nationalbank

159 712 154,31

5 989 205,79

Hrvatska narodna banka

64 354 667,03

2 413 300,01

Latvijas Banka

29 682 169,38

1 113 081,35

Lietuvos bankas

44 306 753,94

1 661 503,27

Magyar Nemzeti Bank

148 735 597,14

5 577 584,89

Narodowy Bank Polski

525 889 668,45

19 720 862,57

Banca Națională a României

264 660 597,84

9 924 772,42

Sveriges riksbank

244 775 059,86

9 179 064,74

Bank of England

1 562 265 020,29

58 584 938,26

Artikolu 2

Aġġustament tal-kapital imħallas

1.   Peress illi kull BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro (ħlief għall-Hrvatska narodna banka) diġà ħallas 3,75 % ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2013 skont id-Deċiżjoni BĊE/2010/28, kull wieħed minnhom għandu jew jittrasferixxi ammont addizzjonali lill-BĊE, jew jirċievi lura ammont mingħand il-BĊE, kif xieraq, sabiex jintlaħqu l-ammonti murija fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Artikolu 1.

2.   Hrvatska narodna banka għandu jittrasferixxi lill-BĊE l-ammont muri ħdejn ismu fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Artikolu 1.

3.   It-trasferimenti kollha li jsiru bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru skont id-Deċiżjoni BĊE/2013/18 tal-21 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għal trasferimenti ta’ ishma fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew bejn il-banek ċentrali nazzjonali u għall-aġġustament tal-kapital imħallas (4).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u tħassir

1.   Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013.

2.   Id-Deċiżjoni BĊE/2010/28 hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013.

3.   Ir-referenzi għal Deċiżjoni BĊE/2010/28 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Frankfurt am Main, il-21 ta’ Ġunju 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 11, 15.1.2011, p. 56.

(2)  Ara paġna 15 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Id-Deċizjoni BĊE/2004/12 tas-17 ta’ Ġunju 2004 li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, ĠU L 230, 30.6.2004, p. 61.

(4)  Ara paġna 17 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top