EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0012(01)

2012/386/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 3 ta’ Lulju 2012 li temenda d-Deċìżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2012/12)

OJ L 186, 14.7.2012, p. 38–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/09/2012; Imħassar b' 32012D0017(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/386/oj

14.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/38


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Lulju 2012

li temenda d-Deċìżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral

(BĊE/2012/12)

(2012/386/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-‘BĊNi’) jistgħu jmexxu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq fuq kollateral adegwat. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti f’Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1).

(2)

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE iqis illi huwa meħtieġ li tiġi rieżaminata l-eċċezzjoni mill-projbizzjoni ta’ rabtiet mill-qrib stabbilita f’Taqsima 6.2.3.2. ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 fir-rigward ta’ bonds tal-banek tal-kontropartijiet iggarantiti mill-gvern li huma maħruġin u użati minnhom stess bħala kollateral minn kontropartijiet.

(3)

Kontropartijiet li jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema għandhom jitħallew iżidu l-livelli kurrenti tal-użu proprju ta’ bonds tal-banek iggarantiti mill-gvern suġġetti għall-approvazzjoni ex ante tal-Kunsill Governattiv f’cirkostanzi eċċezzjonali.

(4)

It-talbiet ippreżentati lill-Kunsill Governattiv għall-approvazzjoni ex ante jeħtieġu li jkunu akkumpanjati minn pjan ta’ finanzjament.

(5)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2011/25 tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (2) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 4b li ġej huwa mdaħħal fid-Deċiżjoni BĊE/2011/25:

“Artikolu 4b

Aċċettazzjoni ta’ bonds tal-banek iggarantiti mill-gvern

1.   Kontropartijiet illi joħorġu bonds tal-banek eliġibbli li huma ggarantiti minn entità tas-settur pubbliku taż-ŻEE bid-dritt li timponi taxxi ma jistgħux jippreżentaw dawn il-bonds jew bonds simili maħruġin minn entitajiet b’rabiet mill-qrib bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema f’ammont li jeċċedi l-valur nominali ta’ dawn il-bonds diġa ppreżentati bħala kollateral fil-jum li tidħol fis-seħħ din id-Deċiżjoni.

2.   F’każijiet eċċezzjonali, il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi dwar derogi mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1. Talba għal deroga għandha tkun akkumpanjata minn pjan ta’ finanzjament.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 341, 22.12.2011, p. 65.


Top