EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0005(01)

2007/497/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 3 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti (BĊE/2007/5)

OJ L 184, 14.7.2007, p. 34–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 007 P. 34 - 48

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/04/2016; Revokat u sostitwit bi 32016D0002

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/497/oj

14.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 184/34


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Lulju 2007

li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti

(BĊE/2007/5)

(2007/497/KE)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 11.6 ta’ l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li adottat ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa impenjat li jħares il-prinċipju ta’ l-effiċjenza fl-infiq u jfittex l-aħjar valur għall-flus minfuqin biex jiġu akkwistati oġġetti, servizzi u xogħlijiet.

(2)

Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (2) (“id-Direttiva ta’ l-Akkwisti”) u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) (“ir-Regolament Finanzjarju”) ma japplikawx għall-BĊE.

(3)

Il-BĊE jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-akkwisti kif riflessi fid-Direttiva ta’ l-Akkwisti u r-Regolament Finanzjarju,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

REGOLI ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kuntratti” huma kuntratti għall-interess monetarju konklużi bil-miktub bejn il-BĊE ma’ fornitur wieħed jew iżjed u li għandhom bħala l-oġġett tagħhom l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi;

(b)

“kuntratti ta’ xogħlijiet” huma kuntratti li għandhom bħala oġġett tagħhom jew l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħlijiet. “Xogħol” ifisser ir-riżultat ta’ xogħlijiet ta’ bini jew ta’ inġinerija ċivili meħudin b’mod kumplessiv li huwa biżżejjed minnu nnifsu biex jaqdi funzjoni ekonomika jew teknika;

(ċ)

“kuntratti ta’ provvista” huma kuntratti, li m’humiex dawk imsemmijin fil-paragrafu b, li għandhom bħala l-oġġett tagħhom ix-xiri, il-kiri jew ix-xiri bin-nifs, b’għażla ta’ xiri jew mingħajrha, ta’ prodotti. Kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu l-provvista ta’ prodotti u li jkopri wkoll, inċidentalment, operazzjonijiet ta’ tqegħid u installazzjoni għandu jiġi kkunsidrat li huwa “kuntratt ta’ provvista”;

(d)

“kuntratti ta’ servizzi” huma kuntratti li m’humiex ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista li għandhom bħala oġġett tagħhom il-provvista ta’ servizzi. Kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu kemm prodotti kif ukoll servizzi għandu jiġi kkunsidrat li huwa “kuntratt ta’ servizz” jekk il-valur stmat tas-servizzi in kwistjoni jaqbeż dak tal-prodotti koperti mill-kuntratt. Kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu servizzi inklużi attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ xogħlijiet li huma biss inċidentali għall-oġġett prinċipali tal-kuntratt għandu jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ servizz;

(e)

“ftehim qafas” huwa ftehim bejn il-BĊE u fornitur wieħed jew iżjed, li għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jingħataw matul perjodu definit, partikolarment fir-rigward tal-prezz u, meta xieraq, il-kwantità maħsuba;

(f)

“fornitur” huwa persuna naturali jew legali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawn il-persuni u/jew korpi li joffru fis-suq, rispettivament, l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, prodotti jew servizzi;

Fornitur li jibgħat applikazzjoni biex jipparteċipa fi proċedura ristretta jew innegozjata jew djalogu kompetittiv għandu jissejjaħ “kandidat”. Fornitur li jibgħat offerta għandu jissejjaħ “min jagħmel offerta”;

(ġ)

“proċedura miftuħa” hija proċedura ta’ offerta fejn il-fornitur interessat jista’ jagħmel offerta;

(g)

“proċedura ristretta” tfisser proċedura fejn kull fornitur jista’ jitlob li jipparteċipa u fejn dawk il-kandidati mistednin biss mill-BĊE jistgħu jagħmlu offerta;

(h)

“proċedura nnegozjata” tfisser proċedura fejn kull fornitur BĊE jikkonsulta lill-fornituri ta’ l-għażla tiegħu u jinnegozja l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma’ wieħed minnhom jew iżjed;

(ħ)

“djalogu kompetittiv” hija proċedura fejn kull fornitur jista’ jitlob li jipparteċipa u fejn il-BĊE jkollu djalogu mal-kandidati ammessi f’dik il-proċedura, bil-għan li jiġu żviluppati alternattiva jew iżjed aktar xierqa li jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tiegħu;

(i)

“sistema ta’ xiri dinamika” huwa proċess kompletament elettroniku biex isir ix-xiri l-aktar komuni, li l-karatteristiċi tiegħu, kif jinsab ġeneralment fis-suq, jissodisfa lill-BĊE. Is-sistema hija limitata fiż-żmien u miftuħa matul il-validità tagħha għal kull fornitur li jissodisfa l-kriterji ta’ l-għażla u jkun bagħat offerta indikattiva li tikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjoni;

(j)

“irkant elettroniku” huwa proċess ripetittiv li jinvolvi tagħmir elettroniku għall-preżentazzjoni ta’ prezzijiet ġodda, li jiġu rriveduti ‘l isfel, u/jew valuri ġodda dwar ċerti elementi ta’ l-offerti, li jiġru wara valutazzjoni sħiħa eventwali ta’ l-offerti biex ikunu jistgħu jitpoġġew f’ordni bl-użu ta’ metodi ta’ valutazzjoni awtomatiċi;

(k)

“stedina għal offerta” hija l-istedina mibgħuta lill-kandidati jew ‘il-fornituri biex jibagħtu offerta u li tispeċifika l-proċedura, il-ħtiġijiet tal-BĊE u l-pattijiet u l-kundizzjonijiet kuntrattwali;

(l)

“miktub” jew “bil-miktub” ifisser kwalunkwe kliem li jikkonsisti fi kliem jew figuri li jistgħu jinqraw, jiġu riprodotti jew ikkommunikati wara. Jista’ jinkludi informazzjoni li tiġi trażmessa u maħżuna b’mezzi elettroniċi;

(m)

“jiem” tfisser jiem tal-kalendarju.

Artikolu 2

Għan

1.   Il-BĊE għandu jagħmel sejħiet għal offerti għal kuntratti ta’ provvista, servizzi u xogħlijiet għalih innifsu skond ir-regoli stabbiliti b’din id-Deċiżjoni.

2.   Il-BĊE jista’ jagħmel ukoll skond din id-Deċiżjoni proċeduri għal sejħa għal offerti konġunta f’ismu u f’isem bank ċentrali nazzjonali wieħed jew iżjed (BĊNi) u/jew istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali. F’dawn il-każijiet, il-BĊE għandu jispeċifika fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti liema awtoritajiet kuntrattwali oħrajn jipparteċipaw fil-proċedura tas-sejħa għal offerti u l-istruttura maħsuba tar-relazzjonijiet kuntrattwali.

3.   Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal kuntratti għal:

(a)

l-għoti ta’ servizzi u l-provvista ta’ oġġetti mill-BĊNi lill-BĊE fit-twettiq tal-ħidmiet pubbliċi tagħhom fl-Eurosistema/SEBĊ;

(b)

proċeduri ta’ akkwisti organizzati mill-BĊNi jew l-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità jew organizzazzjoni internazzjonali fejn il-BĊE jipparteċipa iżda r-regoli li jikkonċernaw dawn il-proċeduri ta’ akkwisti għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-akkwisti;

(ċ)

kull ftehim ma’ istituzzjonijiet u korpi Komunitarji jew organizzazzjonijiet internazzjonali li l-BĊE jintrabat bih biex jissodisfa l-ħidmiet pubbliċi tiegħu;

(d)

l-akkwist tal-karti tal-flus irregolat mil-Linja ta’ Gwida BĊE/2004/18 tas-16 ta’ Settembru 2004 dwar l-akkwist ta’ karti tal-flus euro (4);

(e)

il-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta’ titoli jew strumenti finanzjarji oħrajn u servizzi finanzjarji marbutin ma’ dawn it-tranżazzjonijiet;

(f)

l-akkwist jew il-kiri, b’kull mezz finanzjarju, ta’ art, bini eżistenti jew proprjetà immobbli oħra jew dwar drittijiet marbutin magħhom;

(ġ)

kuntratti ta’ impjieg bejn il-BĊE u l-istaff tiegħu konklużi skond il-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg tal-BĊE;

(g)

servizzi ta’ arbitraġġ u konċiljazzjoni; u

(h)

servizzi ta’ riċerka u żvilupp sakemm il-benefiċċji relatati mas-servizzi ikunu esklużivament għall-BĊE għall-użu tiegħu u s-servizzi pprovduti jkunu mħallsin għal kollox mill-BĊE.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

Kull proċedura ta’ akkwisti għandha ssir skond il-prinċipji ġenerali tat-trasparenza u l-pubbliċità, aċċess ekwu u trattament ugwali, kif ukoll il-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta.

Artikolu 4

Limiti

1.   Kuntratti li l-valur stmat tagħhom, nett mill-VAT, huwa daqs jew jaqbeż il-limitu ta’ ammonti stabbilit fil-paragrafu 3, għandhom jitpoġġew għal sejħa għal offerti skond il-proċeduri preskritti fil-Kapitolu II.

2.   Kuntratti li l-valur stmat tagħhom, nett mill-VAT, huwa anqas mil-limitu ta’ ammonti, għandhom jitpoġġew għal sejħa għal offerti skond il-proċeduri preskritti fil-Kapitolu III.

3.   Għandhom japplikaw dawn il-limiti ta’ ammonti:

(a)

EUR 211 000 għal kuntratti ta’ provvista u servizz;

(b)

EUR 5 300 000 għal kuntratti ta’ xogħlijiet.

Artikolu 5

Kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt

1.   Il-kalkolu tal-valur tal-kuntratt għandu jkun ibbażat fuq l-ammont totali pagabbli, nett mill-VAT, kif stmat mill-BĊE. Il-kalkolu għandu jinkludi spejjeż anċillari, partikolarment spejjeż fir-rigward ta’ klawżoli fejn hemm għażliet, tiġdid ta’ kuntratti, ħlasijiet ta’ premiums, imgħax, kummissjoni, spejjeż ta’ l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni, premjijiet jew ħlasijiet lil kandidati jew min jagħmel l-offerta.

2.   L-istima għandha tkun valida fil-mument meta l-BĊE jiddeċiedi fuq il-proċedura ta’ akkwisti xierqa.

3.   L-ebda akkwist ma jista’ jinqasam bl-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-proċeduri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

4.   Il-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet għandu jikkunsidra l-ispejjeż totali relatati ma’ l-eżekuzzjoni tax-xogħol inkluż il-valur tal-provvisti meħtieġa biex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet u mpoġġijin għad-dispożizzjoni tal-kuntrattur mill-BĊE. L-ispejjeż relatati mad-disinn u l-ippjannar tax-xogħol għandhom ikunu inklużi wkoll jekk jiffurmaw parti mill-kuntratt tax-xogħlijiet.

5.   Fir-rigward ta’ kuntratt għall-provvista kontinwa ta’ oġġetti u servizzi, il-valur li għandu jittieħed bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt, meta jkun xieraq, għandu jkun:

(a)

fil-każ ta’ kuntratti b’terminu fiss: il-valur sħiħ għat-terminu kollu;

(b)

fil-każ ta’ kuntratti mingħajr terminu fiss: il-valur ta’ kull xahar immultiplikat bi 48.

6.   Fil-każ ta’ kuntratti ta’ provvista, servizz jew xogħlijiet suċċessivi ta’ l-istess tip il-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandu jkun ibbażat fuq il-valur totali attwali tal-kuntratti suċċessivi mogħtijin matul it-12-il xahar ta’ qabel. L-istima għandha tiġi aġġustata, jekk ikun possibbli biex jiġi kkunsidrat it-tibdil fil-kwantità u l-valur li huwa mistenni li jkun hemm matul it-12-il xahar wara l-kuntratt inizjali.

7.   Jekk kuntratt jinqasam f’diversi lottijiet, jew jekk diversi kuntratti li għandhom jingħataw huma interrelatati mill-qrib u għandhom l-istess ħidmiet bħall-għan tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat il-valur totali tal-lottijiet kollha jew il-kuntratti individwali. Jekk il-valur totali huwa daqs jew jaqbeż il-limitu ta’ ammonti stabbilit fl-Artikolu 4(3), il-proċeduri preskritti fil-Kapitolu II ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal-lottijiet u l-kuntratti kollha. Iżda l-BĊE jista’ japplika l-proċedura preskritta fl-Artikolu 29 jew, jekk japplika, fl-Artikolu 31 fir-rigward tal-lottijiet/kuntratti individwali li l-valur stmat tagħhom huwa anqas minn EUR 80 000, nett mill-VAT, għall-provvisti u servizzi u anqas minn EUR 1 miljun, nett mill-VAT, għal xogħlijiet, iżda l-valur stmat totali tal-lottijiet kollha eżentati m’għandhomx jaqbżu l-20 % tal-valur stmat totali tal-lottijiet kollha.

8.   Il-valur ta’ ftehim qafas għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-valur massimu stmat, nett mill-VAT, tal-kuntratti kollha maħsubin għat-terminu kollu tal-ftehim qafas.

Artikolu 6

Eċċezzjonijiet

1.   Fil-każijiet li ġejjin il-BĊE jista’ jagħti kuntratt direttament lil fornitur wieħed jew ma jsegwix l-obbligi proċedurali speċifiċi:

(a)

meta, għal raġunijiet obbligatorji, il-kuntratt jista’ jingħata biss lill-fornitur wieħed. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu ta’ natura teknika, artistika jew legali, imma mhux ekonomika;

(b)

meta għal raġunijiet ta’ urġenza kbira li tinqala’ minħabba ġrajjiet mhux previsti għall-BĊE, it-termini taż-żmien għall-proċeduri ta’ l-akkwisti ma jkunux jistgħu jitħarsu;

(ċ)

meta l-BĊE ikun ikklassifika l-kuntratt bħala sigriet jew meta l-eżekuzzjoni tal-kuntratt għandha tiġi akkumpanjata minn miżuri ta’ sigurtà speċjali, skond ir-regoli tal-BĊE dwar sigurtà jew meta l-protezzjoni ta’ l-interessi essenzjali tal-BĊE jkunu jeħtieġu hekk;

(d)

fl-każ ta’ provvisti meta l-prodotti involuti huma immanifatturati sempliċiment għall-iskop ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp; din id-dispożizzjoni ma testendix għall-produzzjoni fil-kwantità biex tiġi stabbilita l-vijabbiltà kummerċjali jew biex jinġabru l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp;

(e)

fil-każ ta’ xiri ta’ provvisti b’kundizzjonijiet vantaġġużi ħafna, jew minn fornitur li jkun qed jillikwida l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, jew ir-riċevituri jew l-istralċjarji f’falliment, arranġament mal-kredituri, jew proċedura simili skond il-liġijiet nazzjonali jew regolamenti.

2.   Irrispettivament mill-valur tal-kuntratt, il-BĊE jista’ jagħmel sejħa għal offerti għal kuntratt skond l-Artikolu 29 jekk l-oġġett prinċipali tal-kuntratt huwa wieħed mis-servizzi li ġejjin:

(a)

servizzi tal-lukandi u r-ristoranti;

(b)

servizzi legali;

(ċ)

l-ippostjar tal-persunal u servizzi ta’ provvista;

(d)

servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ sigurtà;

(e)

servizzi edukattivi u ta’ edukazzjoni vokazzjonali;

(f)

servizzi rikreattivi, kulturali u sportivi.

Artikolu 7

Perjodu ta’ żmien u estensjonijiet

1.   Bħala regola kuntratt m’għandux idum aktar minn erba’ snin ħlief f’każijiet ġustifikati.

2.   Jekk kuntratt jiġi konkluż għal terminu fiss, dan it-terminu jista’ jiġi estiż għal aktar mit-terminu inizjali bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-avviż ta’ kuntratt jew, fil-każ ta’ proċedura skond il-Kapitolu III it-talba għal proposta, kienu jaħsbu għall-possibbiltà ta’ estensjonijiet; u

(b)

l-estensjonijiet possibbli huma debitament ġġustifikati; u

(ċ)

l-estensjonijiet possibbli tqiesu meta ġie kkalkulat il-valur tal-kuntratt skond l-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

L-estensjonijiet kollha m’għandhomx jaqbżu t-terminu inizjali tal-kuntratt.

3.   Altrimenti, it-terminu ta’ kuntratt b’terminu fiss jista’ jiġi estiż biss skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6.

Artikolu 8

Provvisti, servizzi u xogħlijiet addizzjonali

1.   Il-BĊE jista’ jordna provvisti, servizzi u xogħlijiet addizzjonali mill-kuntrattur li inizjalment kien ingħata l-kuntratt iżda:

(a)

id-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti għandha taħseb għal provvisti, servizzi u xogħlijiet addizzjonali bħala għażla; u

(b)

il-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali kienu tqiesu meta ġie kkalkolat l-valur tal-kuntratt skond l-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Barra minn dan, il-BĊE jista’ jordna mingħand il-kuntrattur inizjali l-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali li jinqala’ l-bżonn tagħhom biex jintlaħaq l-iskop tal-kuntratt minħabba ċirkustanzi mhux previsti, iżda:

(a)

il-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali ma jkunux jistgħu teknikament jew ekonomikament jiġu separati mill-kuntratt inizjali mingħajr inkonvenjent kbir; jew

(b)

il-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali, għalkemm separabbli mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inizjali, huma strettament meħtieġa biex jitlesta.

Iżda, l-valur aggregat tal-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet m’għandux jaqbeż bħala regola l-50 % ta’ l-ammont tal-kuntratt inizjali.

3.   Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma jiġux sodisfatti, kuntratti għall-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali jistgħu jingħataw biss skond l-Artikoli 4 u 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

KAPITOLU II

PROĊEDURI TA’ SEJĦIET GĦAL OFFERTI PUBBLIĊI

TAQSIMA 1

Tipi ta’ proċeduri

Artikolu 9

Deskrizzjoni fil-qosor

1.   Il-BĊE għandu jagħti kuntratti li l-valur stmat tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ ammonti stabbiliti iktar ‘il fuq bi proċedura miftuħa. F’każijiet ġustifikati l-BĊE jista’ japplika proċedura ristretta, proċedura nnegozjata jew djalogu kompetittiv skond il-kundizzjonijiet ta’ hawn taħt.

2.   Il-BĊE jista’ jagħmel ukoll ftehim ta’ qafas jew sistemi ta’ xiri dinamiċi u jagħti kuntratti fuq dik il-bażi skond il-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt fl-Artikoli 15 u 16 rispettivament.

3.   Il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiżdiedu b’irkant elettroniku kif deskritt hawn isfel fl-Artikolu 17.

4.   Il-BĊE jista’ jniedi wkoll kompetizzjonijiet għal disinn. Il-proċedura għal kompetizzjoni għal disinji għandha tiġi stabbilita fl-avviż tal-kompetizzjoni u tikkonforma mal-prinċipji ġenerali tal-kompetizzjonijiet għal disinji.

Artikolu 10

Pubblikazzjoni ta’ opportunitajiet għal akkwisti

1.   Jekk il-BĊE jkun irid jagħmel proċedura għal sejħa għal offerti skond ir-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu II għandu jippubblika avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u permezz tal-websajt tal-BĊE. Kull meta jkun xieraq, il-BĊE jista’ jagħmel riklami fil-medja rilevanti oħra. L-avviżi fuq il-websajt u/jew medja oħrajn m’għandhomx jippreċedu l-pubblikazzjoni ta’ l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-każ ta’ diskrepanzi bejn il-verżjonijiet differenti ta’ l-avviż, il-verżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali hija awtentika u għandha tieħu preċedenza fuq il-verżjonijiet l-oħrajn.

2.   Il-BĊE jista’ jippubblika wkoll avviż ta’ informazzjoni minn qabel li jindika l-valur stmat totali tal-kuntratti, skond il-kategorija ta’ servizzi jew gruppi ta’ prodotti, u l-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratti tax-xogħol li fiħsiebu jagħti matul sena ta’ l-estimi. F’dan il-każ, it-termini biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet u l-offerti skond l-Artikolu 18(4) jistgħu jitqassru għall-akkwisti kollha indikati fl-avviż.

Artikolu 11

Proċedura miftuħa

1.   Mal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, il-fornituri kollha interessati jistgħu jitolbu l-konsenja ta’ l-istedina għal offerti jekk mhijiex disponibbli elettronikament. Il-BĊE għandu jipprovdi l-istedina għal offerti fi żmien sitt ijiem minn meta jirċievi t-talba iżda t-talba għandha issir fiż-żmien biżżejjed qabel it-terminu biex jintbagħtu l-offerti.

2.   Dawk interessati li jagħmlu l-offerta għandhom jibagħtu l-offerta tagħhom fit-termini ffissati mill-BĊE u jinkludu d-dokumentazzjoni kollha mitluba mill-BĊE.

3.   Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil min jagħmel offerta li tissodisfa l-aħjar il-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt/l-istedina għal offerti.

Artikolu 12

Proċedura ristretta

1.   Il-BĊE jista’ japplika l-proċedura ristretta jekk:

(a)

il-ħtiġijiet tal-BĊE jistgħu jiġu ddefiniti f’tant dettall li s-sejħiet għal offerti jistgħu jitqabblu ma’ xulxin u l-kuntratt jista’ jingħata mingħajr aktar negozjati ma’ min jagħmel l-offerta; u

(b)

jkun meħtieġ li jiġi ristrett in-numru ta’ sejħiet għal offerti għal raġunijiet amministrattivi jew minħabba n-natura ta’ l-akkwist.

2.   Meta jiġi ppubblikat l-avviż ta’ kuntratt fornituri interessati jistgħu japplikaw għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ristretta. Għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fl-iskadenza speċifikata fl-avviż ta’ kuntratt u jipprovdu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.

3.   Il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikanti skond il-kriterji ta’ l-għażla stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt. Il-BĊE għandu jistieden ta’ l-anqas ħames kandidati eliġibbli li jissodisfaw l-kriterji ta’ l-għażla biex jibagħtu offerta, iżda għandu jkun hemm numru suffiċjenti ta’ kandidati li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla. L-istedina għal offerti għandha tintbagħat bil-miktub b’mod simultanju lill-kandidati kollha mistiedna biex jibagħtu offerta.

4.   Dawk mistiedna għandhom jibagħtu l-offerta tagħhom fit-terminu ffissat mill-BĊE u jinkludu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.

5.   Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil dak li jagħmel l-offerta li tissodisfa l-aħjar il-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-istedina għal offerta.

Artikolu 13

Proċedura nnegozjata

1.   Il-BĊE jista’ japplika proċedura nnegozjata fil-każijiet eċċezzjonali li ġejjin:

(a)

meta n-natura tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jew ir-riskji li hemm magħhom ma jippermettux li jkun hemm prezz globali minn qabel; jew

(b)

fejn in-natura tas-servizzi hija tali li l-ispeċifikazzjonijiet ma jistgħux ikunu stabbiliti bi preċiżjoni suffiċjenti biex il-kuntratt ikun jista’ jingħata bl-għażla ta’ l-aħjar offerta skond ir-regoli li jiggvernaw proċeduri miftuħin jew ristretti.

2.   Il-BĊE jista’ juża wkoll l-proċedura nnegozjata meta ma jkunu nkisbu l-ebda offerti aċċettabbli b’risposta għal proċedura miftuħa jew ristretta jew djalogu kompetittiv sakemm il-kundizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt ma jkunux inbidlu b’mod sostanzjali. Il-BĊE jista’ ma jippubblikax avviż ta’ kuntratt ġdid jekk jinkludi fil-proċedura nnegozjata esklużivament kull min għamel l-offerti u pparteċipa fil-proċedura ta’ qabel, issodisfa l-kriteri ta’ l-għazla u bagħat l-offerta tiegħu skond il-ħtiġijiet formali ta’ l-offerta. Jekk ma tkun inkisbet l-ebda offerta jew l-ebda offerta li tissodisfa l-ħtiġijiet formali tas-sejħa għal offerti l-BĊE jista’ jibda wkoll proċedura nnegozjata mingħajr avviż skond l-Artikolu 29.

3.   Meta jiġi ppubblikat avviż ta’ kuntratt, fornituri interessati jistgħu japplikaw għall-parteċipazzjoni fil-proċedura nnegozjata. Għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom sa l-iskadenza speċifikata fl-avviż ta’ kuntratt u jipprovdu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.

4.   Il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikazzjonijiet skond il-kriterji ta’ l-għażla stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt. Il-BĊE għandu jistieden mill-anqas tliet kandidati eliġibbli li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla biex jagħmlu offerta, iżda għandu jkun hemm numru biżżejjed ta’ kandidati li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla. L-istedina għal offerta għandha tintbagħat bil-miktub u b’mod simultanju lill-kandidati kollha mistiedna biex jibagħtu offerta.

5.   Wara l-valutazzjoni ta’ l-offerti, il-BĊE jista’ jinnegozja ma’ min jagħmel offerta biex l-offerta tiegħu tiġi konformi mal-ħtiġijiet tal-BĊE. Il-BĊE jista’ jibda negozjati jew:

(a)

ma’ min ikun għamel l-aħjar offerta. Jekk in-negozjati ma’ dan ifallu, il-BĊE jista’ jibda negozjati ma’ min ikun għamel it-tieni l-aħjar offerta; jew

(b)

b’mod simultanju ma’ kull min għamel offerta li essenzjalment tissodisfa il-ħtiġijiet tekniċi u kummerċjali tal-BĊE. F’dak il-każ, in-numru ta’ dawk li jkunu għamlu l-offerti li jiġu ammessi għan-negozjati jista’ jitnaqqas fi stadji suċċessivi bl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerta.

Qabel ma jibdew in-negozjati, il-BĊE għandu jinforma lil kull min għamel l-offerta fuq kif ser jitmexxew in-negozjati.

6.   L-ambitu tan-negozjati jista’ jinkludi l-offerti tekniċi ta’ min jagħmel l-offerta, offerti kummerċjali u l-pattijiet u l-kundizzjonijiet kuntrattwali iżda l-ambitu tal-proċedura tas-sejħa għal offerti m’għandux jinbidel b’mod sostanzjali. Il-BĊE jista’ jistieden ukoll lil min jagħmel offerta biex jibgħat offerta riveduta. Matul in-negozjati l-BĊE għandu jiżgura t-trattament ugwali ta’ kull min jagħmel offerta li jiġi mistieden għan-negozjati.

7.   Meta jagħlqu n-negozjati, il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil min ikun issodisfa l-aħjar il-kriterji ta’ l-għoti fl-offerta tiegħu kif stabbilit fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerti.

Artikolu 14

Djalogu kompetittiv

1.   Il-BĊE jista’ jagħmel djalogu kompetittiv fil-każ ta’ kuntratti partikolarment kumplessi meta ma jkunx possibbli li jiġu definiti l-ħtiġijiet tal-BĊE b’mod li l-kuntratt jista’ jingħata permezz ta’ proċedura miftuħa jew ristretta.

2.   Mal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, fornituri interessati jistgħu japplikaw għall-parteċipazzjoni fid-djalogu. Għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom sa l-iskadenza speċifikata fl-avviż ta’ kuntratt u jipprovdu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.

3.   Il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikazzjonijiet skond il-kriterji ta’ l-għażla stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt. Il-BĊE għandu jistieden mill-anqas tliet kandidati eliġibbli biex jipparteċipaw fid-djalogu u jipprovdihom b’talba għal proposta li tispjega l-ħtiġijiet tal-BĊE. L-għan tad-djalogu huwa biex tiġi identifikata s-soluzzjoni li hija l-aktar xierqa biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-BĊE. Il-BĊE jista’ jiddiskuti l-aspetti kollha tal-kuntratt mal-kandidati magħżulin.

4.   Matul id-djalogu, il-BĊE għandu jiżgura trattament ugwali mal-kandidati kollha. Barra minn hekk, il-BĊE m’għandux jiżvela lill-kandidati l-oħrajn soluzzjonijiet proposti jew informazzjoni konfidenzjali oħra kkommunikata minn kandidat li jipparteċipa fid-djalogu mingħajr il-ftehim tagħhom bil-miktub.

5.   Il-BĊE għandu jkompli d-djalogu sakemm ikun jista’ jidentifika s-soluzzjoni jew soluzzjonijiet, jekk meħtieġ wara li jqabbilhom, li jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tiegħu. Jekk ikun pprovdut hekk fl-avviż ta’ kuntratt jew it-talba għal proposta, il-BĊE jista’ jagħmel id-djalogu fi stadji suċċessivi biex inaqqas in-numru ta’ soluzzjonijiet li jiġu diskussi matul l-istadju tad-djalogu. Il-BĊE għandu jagħżel soluzzjonijiet biex jiġu kkunsidrati billi jiġu applikati l-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew it-talba għal proposta.

6.   Meta jiddikjara li d-djalogu ġie konkluż, il-BĊE għandu jistaqsi lill-kandidati parteċipanti fid-djalogu biex jibagħtu l-offerti finali fuq il-bażi tas-soluzzjonijiet ppreżentanti u speċifikati matul id-djalogu.

7.   Il-BĊE għandu jivvaluta l-offerti li jirċievi skond l-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew it-talba għal proposta. Il-BĊE jista’ jitlob lil kull min jagħmel offerta biex jikkjarifika jew jispeċifika ċerti aspetti ta’ l-offerta tagħhom jew biex jiġu kkonfermati impenji li jinsabu fl-offerta iżda dan m’għandux ikollu l-effett li jimmodifika aspetti sostanzjali ta’ l-offerta jew jgħawweġ il-kompetizzjoni jew jikkawża d-diskriminazzjoni. Meta titlesta l-valutazzjoni, il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil dak li jkun għamel l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament.

Artikolu 15

Ftehim qafas

1.   Il-BĊE jista’ juża ftehim qafas f’każijiet fejn b’mod regolari jikkonkludi kuntratti għal provvisti, servizzi jew xogħlijiet simili, mingħajr ma jkun jista’ jiddefinixxi l-ħinijiet ta’ konsenja eżatti u/jew il-ħtiġijiet ddettaljati.

2.   Għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt li huwa ftehim qafas, il-BĊE għandu jsegwi l-proċeduri msemmijin iktar ‘il fuq għall-fażijiet kollha sakemm jingħata l-ftehim qafas. Jekk il-BĊE ikun irid jikkonkludi ftehim qafas ma’ diversi fornituri għandu jagħti ta’ l-anqas tliet ftehim iżda għandu jkun hemm numru suffiċjenti ta’ fornituri li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla u ta’ għoti. L-avviż ta’ kuntratt għandu jispeċifika l-firxa u n-numru ta’ ftehim qafas li għandu jingħata.

Il-kuntratti ibbażati fuq il-ftehim qafas għandhom jingħataw skond il-proċeduri stabbiliti f’dan l-Artikolu.

3.   Meta ftehim qafas jiġi konkluż ma’ fornitur wieħed, kuntratti bbażati fuq dak il-ftehim għandhom jingħataw fil-limiti tat-termini stabbiliti fil-ftehim qafas. Safejn ikun meħtieġ, il-BĊE jista’ jitlob lill-fornitur bil-miktub biex jissupplimenta l-offerta inizjali tiegħu. Dawn l-offerti supplimentari m’għandhomx iġibu bidliet sostanzjali għall-pattijiet u l-kundizzjonijiet preskritti fil-ftehim qafas.

4.   Meta ftehim qafas jiġi konkluż ma’ diversi fornituri, il-kuntratti jistgħu jingħataw jew:

(a)

bl-applikazzjoni ta’ kriterji stabbiliti fil-ftehim qafas mingħajr ma jerġa’ jkun hemm kompetizzjoni; jew

(b)

meta kriterji bħal dawn ma jkunux definiti, il-BĊE jista’ jerġa’ jniedi kompetizzjoni fost il-fornituri li magħhom ikun hemm ftehim qafas.

Fl-aħħar każ, il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt skond il-proċedura li ġejja:

il-BĊE għandu jistieden lill-fornituri bil-miktub biex jibagħtu offerta qabel it-terminu speċifikat fit-talba għal proposta. It-talba għal proposta għandha tispeċifika wkoll il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom ser jingħata l-kuntratt, u

il-fornituri għandhom jibagħtu l-offerti tagħhom bil-miktub fit-terminu stabbilit tal-BĊE, u

il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil min ikun għamel l-aħjar offerta fuq il-bażi tal-kriterji ta’ l-għoti stabbilit fit-talba għal proposta.

Artikolu 16

Sistemi ta’ xiri dinamiċi

1.   Il-BĊE jista’ jakkwista oġġetti, servizzi u xogħlijiet użati b’mod komuni permezz ta’ sistemi ta’ xiri dinamiċi. Sakemm ma jkunx speċifikat xort’oħra f’dan l-Artikolu, il-proċedura għandha ssegwi r-regoli tal-proċedura miftuħa.

2.   Għall-finijiet tat-twaqqif ta’ sistema ta’ xiri dinamika, il-BĊE għandu:

(a)

jippubblika avviż ta’ kuntratt li jgħid li qed tintuża sistema ta’ xiri dinamika u jkun fih referenza għall-indirizz fuq l-Internet fejn jistgħu jinstabu l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerta; u

(b)

joffri b’mezzi elettroniċi, mal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż u sa ma tiskadi s-sistema, aċċess bla restrizzjonijiet, dirett u sħiħ għall-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti u kull dokument addizzjonali ieħor; u

(ċ)

jindika fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, fost affarijiet oħrajn, il-kriterji ta’ l-għażla u ta’ għoti, in-natura tax-xiri maħsub taħt dik is-sistema, kif ukoll l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar is-sistema tax-xiri, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti tal-konnessjoni teknika u l-ispeċifikazzjonijiet.

3.   Kemm iddum miftuħa s-sistema għandha tkun disponibbli għall-kwalunkwe fornitur li jissodisfa l-kriterji ta’ l-għażla u jkun bagħat offerta indikattiva li tikkonforma mal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Min jagħmel offerta jista’ f’kull ħin itejjeb l-offerta indikattiva tiegħu iżda għandu jibqa’ jikkonforma mal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. L-ebda drittijiet m’għandhom jintalbu mingħand min jagħmel offerta.

4.   Meta jirċievi l-offerti indikattivi, il-BĊE għandu jivverifika fi żmien raġonevoli l-eliġibbiltà u l-konformità ta’ min jagħmel offerta mal-kriterji ta’ l-għażla. Għandu jivverifika wkoll jekk l-offerti indikattivi jissodisfawx il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Il-BĊE għandu jinforma lil min jagħmel offerta ma’ l-ewwel opportunità li jkun ġie ammess fis-sistema ta’ xiri dinamika jew li jkun ġie miċħud.

5.   Kull kuntratt speċifiku li l-valur tiegħu jaqbeż il-limiti ta’ l-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 4(3) għandu jkollu stedina għal offerta separata. Qabel ma toħroġ din l-istedina, il-BĊE għandu jippubblika avviż ta’ kuntratt simplifikat fil-Ġurnal Uffiċjali fejn jistieden il-fornituri kollha interessati biex jibagħtu offerta indikattiva, f’terminu li m’għandux ikun anqas minn 15-il jum mid-data meta jintbagħat l-avviż sempliċi. Il-BĊE m’għandux ikompli bis-sejħa għal offerti sakemm ma jkunx lesta l-valutazzjoni ta’ l-offerti kollha indikattivi li jkunu ġew irċevuti sa dak it-terminu.

6.   Meta titlesta l-valutazzjoni, il-BĊE għandu jistieden lil kull min għamel l-offerta li jkun ġie ammess fis-sistema biex jibgħat offerta fi żmien raġonevoli. Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil min ikun għamel l-aħjar offerta skond il-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt għat-twaqqif ta’ sistema ta’ xiri dinamika. Jekk ikun xieraq dawk il-kriterji jistgħu jiġu fformulati b’mod aktar preċiż fl-istedina għal offerti.

7.   Jekk il-valur ta’ kuntratt speċifiku huwa anqas mil-limitu ta’ ammonti stabbiliti fl-Artikolu 4(3) il-BĊE jista’ jistieden ħames jew tliet persuni li jkunu għamlu offerta ammessi fis-sistema skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

8.   Sistema ta’ xiri dinamika m’għandhiex tibqa’ għal aktar minn erba’ snin, ħlief f’każijiet debitament iġġustifikati.

Artikolu 17

Irkantijiet elettroniċi

1.   Ħlief għal djalogi kompetittivi, il-BĊE jista’ jissupplimenta l-proċeduri tas-sejħiet għal offerti imsemmijin iktar ‘il fuq b’irkant elettroniku iżda l-ispeċifikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu stabbiliti bi preċiżjoni.

L-irkant elettroniku għandu jkun ibbażat fuq:

(a)

jew il-prezzijiet biss meta l-kuntratt jingħata skond l-orħos prezz, jew

(b)

skond il-prezzijiet u/jew il-valuri l-ġodda tal-karatteristiċi tas-sejħa għal offerti indikati fis-sejħa għal offerti meta l-kuntratt jingħata lill-offerta li tkun l-aktar vantaġġuża ekonomikament.

2.   Jekk il-BĊE jkun irid jagħmel irkant elettroniku għandu jgħid dan fl-avviż ta’ kuntratt. Barra minn hekk, l-istedina għal offerti għandha tinkludi, fost l-oħrajn, id-dettalji li ġejjin:

(a)

il-karatteristiċi, li l-valuri għalihom ikunu s-suġġett ta’ l-irkant elettroniku, iżda dawk il-karatteristiċi għandhom ikunu kwantifikabbli u jistgħu jiġu mfissrin f’figuri jew perċentwali;

(b)

kull limitu fuq il-valuri li jistgħu jintbagħtu, kif jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet dwar is-suġġett tal-kuntratt;

(ċ)

l-informazzjoni li ssir disponibbli lil min jagħmel offerta matul l-irkant elettroniku u, meta jkun xieraq, meta tkun disponibbli għalihom;

(d)

l-informazzjoni rilevanti dwar il-proċess ta’ irkant elettroniku;

(e)

il-kundizzjonijiet li taħthom min jagħmel offerta jkun jista’ joffri u, b’mod partikolari, id-differenzi minimi li, meta jkun xieraq, ikunu meħtieġa meta ssir l-offerta tal-prezz;

(f)

l-informazzjoni rilevanti dwar it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-konnessjoni.

3.   L-irkant elettroniku għandu jinbeda biss wara li jintbagħtu l-offerti u ssir l-valutazzjoni inizjali. Kull min jagħmel offerta ammissibbli għandu jiġi mistieden simultanjament b’mezzi elettroniċi biex jibgħat prezzijiet u/jew valuri ġodda; l-istedina għandu jkollha l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-konnessjoni individwali mat-tagħmir elettroniku li qed jintuża u għandha ssemmi d-data u l-ħin ta’ l-irkant elettroniku. L-irkant elettroniku jista’ jsir f’numru ta’ fażijiet suċċessivi. L-irkant elettroniku ma jistax jibda qabel jumejn tax-xogħol wara d-data meta jkunu ħarġu l-istediniet.

4.   Meta l-kuntratt għandu jingħata fuq il-bażi ta’ l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, l-istedina għandha tkun akkumpanjata bl-eżitu tal-valutazzjoni sħiħa ta’ min ikun għamel l-offerta rilevanti. L-istedina għandha ssemmi ukoll il-formula matematika li għandha tintuża fl-irkant elettroniku għad-determinazzjoni tar-rikklassifikar awtomatiku fuq il-bażi tal-prezzijiet il-ġodda u/jew il-valuri ġodda mibgħutin. Dik il-formula għandha tinkorpora l-ippeżar tal-kriterji fissi kollha għad-determinazzjoni ta’ l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, kif indikat fl-avviż tal-kuntratt jew fid-dokumenti ta’ l-offerta; għal dak il-għan, kull medda għandha madankollu, titnaqqas minn qabel għal valur speċifikat. Meta jiġu awtorizzati varjanti għandha tiġi pprovduta formula separata għal kull varjant.

5.   Matul kull fażi ta’ irkant elettroniku l-BĊE għandu b’mod istantanju jikkomunika, ma’ kull min jagħmel offerta, ta’ l-anqas biżżejjed informazzjoni biex ikun jista’ jaċċerta l-ikklassifikar relattiv tiegħu f’kull mument. Jista’ jikkomunika wkoll informazzjoni oħra dwar prezzijiet jew valuri oħra sottomessi, bil-kundizzjoni li dak huwa stipulat fid-dokumenti ta’ l-offerta. F’kull ħin jista’ wkoll iħabbar in-numru ta’ parteċipanti f’dik il-fażi ta’ l-irkant. Madankollu l-BĊE m’għandux jiżvela l-identità ta’ kull min jagħmel offerta matul kwalunkwe fażi ta’ l-irkant elettroniku.

6.   Il-BĊE għandu jagħlaq irkant elettroniku wara l-iskadenza tat-terminu indikat fl-istedina għall-parteċipazzjoni fl-irkant. It-terminu jista’ jingħata bħala data u ħin speċifiku jew bħala perjodu ta’ żmien li għandu jgħaddi wara s-sottomissjoni ta’ l-aħħar offerta bi prezzijiet jew valuri ġodda. Il-BĊE għandu jispeċifika fl-istedina l-orarju għall-irkantijiet li jsiru f’fażijiet.

7.   Wara li jagħlaq irkant elettroniku il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-irkant elettroniku.

Artikolu 18

Termini biex jiġu rċevuti l-applikazzjonijiet u biex jiġu rċevuti l-offerti

1.   Meta jiġu ffissati t-termini biex jiġu rċevuti l-offerti jew l-applikazzjonijiet, il-BĊE għandu jikkunsidra partikolarment il-kumplessità tal-kuntratt u l-ħin meħtieġ għat-tħejjija ta’ l-offerti, mingħajr preġudizzju għat-termini minimi ffissati minn dan l-Artikolu.

2.   Fil-każ ta’ proċeduri miftuħin, it-terminu minimu biex jiġu rċevuti l-offerti għandu jkun ta’ 52 jum mid-data meta jintbagħat l-avviż ta’ kuntratt.

3.   Fil-każ ta’ proċeduri ristretti, proċeduri nnegozjati u d-djalogu kompetittiv:

(a)

it-terminu minimu biex jiġu rċevuti l-applikazzjonijiet għandu jkun ta’ 37 jum mid-data meta jintbagħat l-avviż ta’ kuntratt; u

(b)

it-terminu biex jiġu rċevuti l-offerti għandu jkun ta’ 40 jum mid-data meta tintbagħat l-istedina għal offerti.

4.   Meta l-BĊE jkun ippubblika avviż ta’ informazzjoni minn qabel skond l-Artikolu 10(2), li jkun intbagħat mill-anqas 52 jum qabel l-avviż ta’ kuntratt, it-terminu minimu biex jiġu rċevuti l-offerti, bħala regola ġenerali, għandu jitqassar għal 36 jum, imma taħt l-ebda ċirkustanza għal anqas minn 22 jum.

5.   Meta avviżi ta’ kuntratt jitħejjew u jiġu trażmessi b’mezzi elettroniċi skond il-format u l-proċeduri għat-trażmissjoni preskritti mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej it-termini biex jiġu rċevuti l-offerti u l-applikazzjonijiet jistgħu jitqassru għal sebat ijiem.

6.   It-termini biex jiġu rċevuti l-offerti jistgħu jitnaqqsu b’ħamest ijiem jekk il-BĊE joffri aċċess mhux ristrett u dirett permezz ta’ mezzi elettroniċi għall-istedina għal offerta mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż ta’ kuntratt u jekk it-test ta’ l-avviż jispeċifika l-indirizz ta’ l-Internet fejn din id-dokumentazzjoni hija aċċessibbli. Dan it-tnaqqis jista’ jiżdied ma’ dak imsemmi fil-paragrafu 5.

7.   Jekk, fi proċedura miftuħa, l-istedina għal offerta, għalkemm mitluba fi żmien, ma ssirx f’sitt ijiem, jew meta l-offerti jistgħu jsiru biss wara żjara fil-post jew wara spezzjoni fil-post tad-dokumenti li jakkumpanjaw l-istedina għal offerti, it-termini biex jiġu rċevuti l-offerti għandhom jiġu estiżi biex il-fornituri kollha jkollhom biżżejjed żmien biex jippreparaw l-offerti.

8.   Fil-każ ta’ proċeduri ristretti u proċeduri nnegozjati, il-BĊE jista’ japplika proċedura aċċellerata, fejn minħabba l-urġenza t-termini stabbiliti f’dan l-Artikolu ma jkunux prattiċi. F’dak il-każ għandhom japplikaw it-termini li ġejjin:

(a)

terminu għall-irċevuta ta’ applikazzjonijiet li jistgħu ma jkunux anqas minn 15-il jum mid-data meta l-avviż ta’ kuntratt ikun intbagħat, jew inqas minn 10 ijiem jekk l-avviż intbagħat b’mezzi elettroniċi, skond il-format u l-proċedura biex jintbagħtu l-avviżi; u

(b)

terminu biex jiġu rċevuti l-offerti li m’għandux ikun anqas minn 10 ijiem mid-data ta’ meta tiġi rċevuta l-istedina għal-offerta.

9.   Qabel id-data ta’ l-iskadenza, il-BĊE jista’ jestendi t-termini stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew id-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti jekk jimmodifika d-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti jew f’każijiet oħrajn debitament iġġustifikati.

TAQSIMA 2

Kif titmexxa l-proċedura

Artikolu 19

Komunikazzjoni mal-kandidati u ma’ min jagħmel l-offerta

1.   Matul il-proċedura tas-sejħa għal offerti, il-kandidati u min jagħmel offerta għandhom jikkomunikaw biss mal-persuna(i) ta’ kuntatt indikati mill-BĊE. Il-BĊE għandu jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt u/jew stedina għal offerta l-mezz ta’ komunikazzjoni li għandu jintuża. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni għandhom ikunu disponibbli b’mod ġenerali u mhux diskriminatorji.

2.   Il-kandidati/min jagħmel offerta għandhom jibagħtu l-applikazzjonijiet/offerti tagħhom bil-miktub skond il-ħtiġijiet stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt/stedina għal offerta.

3.   Il-BĊE jista’ jagħmel proċeduri għal sejħa għal offerti elettroniċi skond il-ħtiġijiet ġenerali għall-akkwist elettroniku kif rifless fl-Artikolu 42 tad-Direttiva ta’ l-Akkwist fir-rigward ta’ l-Anness X. F’dan il-każ, l-avviż ta’ kuntratt għandu jispeċifika partikolarment il-ħtiġijiet formali li għandhom jiġu osservati mill-kandidati/min jagħmel offerta u kif isir l-aċċess għall-pjattaforma elettronika. Il-BĊE jista’ jiddetermina li jaċċetta biss applikazzjonijiet/offerti elettroniċi.

4.   Kandidati jew min jagħmel l-offerti jistgħu jibagħtu domandi bil-miktub dwar l-avviż ta’ kuntratt, l-istedina għal offerta jew id-dokumenti li jakkumpanjawhom lill-BĊE skond il-kundizzjonijiet preskritti fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerta. Il-BĊE għandu jirrispondi dawn id-domandi f’termini raġonevoli, u għandu jikkomunika r-risposti lill-kandidati/min jagħmel l-offerti fuq bażi anonima jekk huma ta’ rilevanza għalihom kollha.

5.   Il-BĊE għandu jiżgura li l-informazzjoni pprovduta mill-kandidati u minn min jagħmel offerta tiġi ttrattat u tinħażen skond il-prinċipju tal-kunfidenzjalità u, safejn tingħata data personali, skond ir-Regolament 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data  (5).

Artikolu 20

Talbiet għal aktar dokumentazzjoni u kjarifiki

Wara li l-BĊE jkun fetaħ l-applikazzjonijiet jew l-offerti, jista’ jitlob lil kandidati u min jagħmel offerta biex jissupplimentaw id-dokumentazzjoni pprovduta jew biex jiġu kkjarifikati punti speċifiċi. Dawn it-talbiet m’għandhomx jgħawġu l-kompetizzjoni ġusta bejn jew iwasslu għal trattament mhux ugwali bejn il-kandidati/min jagħmel offerta u m’għandhomx iwasslu għal bidla fit-termini ta’ l-applikazzjonijiet jew l-offerti.

Artikolu 21

Rettifika tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti

1.   Jekk il-BĊE jiskopri, qabel l-iskadenza tat-termini biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet jew l-offerti, żball, nuqqas ta’ preċiżjoni, ommissjoni jew xi tip ieħor ta’ żball fit-test ta’ l-avviż ta’ kuntratt, l-istedina għal offerta jew id-dokumenti li jakkumpanjawhom, għandu jirrettifika l-iżball u jinforma lill-kandidati jew lil min ikun għamel l-offerta b’mod xieraq.

2.   Jekk il-kandidati jew min jagħmel offerta jikkonsidraw li l-ħtiġijiet tal-BĊE preskritti fl-avviż ta’ kuntratt, l-istedina għal offerta jew id-dokumenti li jakkumpanjawhom m’humiex kompleti, m’humiex konsistenti jew huma illegali għandhom jinnotifikaw it-tħassib tagħhom lill-BĊE bil-miktub. Il-kandidat/min jagħmel offerta għandhom jinnotifikaw it-tħassib tagħhom mingħajr dewmien wara li jsiru jafu bl-irregolarità jew meta setgħu jsiru jafu biha. Il-BĊE mbagħad jew jikkoreġi jew jissupplimenta l-ħtiġijiet kif mitlub jew jiċħad it-talba u jindika r-raġunijiet għal dan. L-oġġezzjonijiet għall-ħtiġijiet tal-BĊE li ma jiġux ikkommunikati lill-BĊE mingħajr dewmien ma jistgħux jitqajmu fi stadju aktar tard.

Artikolu 22

Stedina għal offerta

1.   Bħala regola, l-istedina għal offerta għandu jkollha ta’ l-anqas:

(a)

referenza għall-avviż ta’ kuntratt ippubblikat;

(b)

il-ħtiġijiet formali tas-sejħa għal offerti, b’mod partikolari t-terminu biex jiġu rċevuti l-offerti, l-indirizz fejn iridu jintbagħtu l-offerti, il-lingwa jew lingwi li bihom iridu jkunu miktubin l-offerti u l-forma li fiha għandhom jintbagħtu l-offerti u l-perjodu li matulu għandha tibqa’ valida l-offerta; u

(ċ)

l-għażliet dwar ix-xogħlijiet, is-servizzi u l-provvisti supplimentari, kif ukoll in-numru ta’ tiġdid u estensjonijiet possibbli; u

(d)

il-lista ta’ dokumenti li għandhom jintbagħtu minn min jagħmel l-offerta; u

(e)

l-ippeżar relattiv tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratt jew, meta jkun xieraq, l-ordni dejjem tonqos fl-importanza ta’ dawn il-kriterji, jekk ma jingħatawx fl-avviż ta’ kuntratt.

2.   L-istedina għal offerta għandha tinkludi:

(a)

kopja ta’ l-ispeċifikazzjonijiet li tfisser il-ħtiġijiet tal-BĊE jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv, kopja ta’ talba għal proposta li tiddefinixxi l-ħtiġijiet tal-BĊE; u

(b)

kopja ta’ l-abbozz tal-kuntratt, tal-pattijiet u kundizzjonijiet ġenerali tal-BĊE jew tad-dokument li jispeċifika l-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt; u

(ċ)

kull dokumentazzjoni oħra li l-BĊE jikkonsidra ta’ rilevanza.

Jekk dawn id-dokumenti isiru disponibbli b’mezzi elettroniċi l-istedina għal offerta għandha tispeċifika kif min jagħmel offerta jista’ jkollu aċċess għalihom.

TAQSIMA 3

Valutazzjoni

Artikolu 23

Ġenerali

1.   Il-BĊE għandu jivvaluta l-offerti kollha skond il-kriterji ta’ l-għoti kif imsemmi fl-Artikolu 26 wara li jkun

ivverifika l-ħtiġijiet formali tas-sejħa għal offerti, u

ivverifika l-eliġibbiltà ta’ min jagħmel l-offerti kif imsemmi fl-Artikolu 24, u

ivvaluta jekk ġewx sodisfatti l-kriterji ta’ l-għażla msemmijin fl-Artikolu 25.

2.   Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil min jagħmel offerta li tissodisfa l-aħjar il-kriterji ta’ l-għoti.

3.   L-applikazzjonijiet u l-offerti m’għandhomx jinfetħu qabel l-iskadenza tad-data ta’ meta jridu jintbagħtu. L-applikazzjonijiet u l-offerti għandhom jinfetħu fil-preżenza ta’ mill-inqas żewġ membri ta’ l-istaff; il-ftuħ għandu jitniżżel f’minuti. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-kandidati jew min jagħmel offerta ma jistgħux jattendu l-ftuħ.

4.   Il-proċess ta’ valutazzjoni u l-eżitu għandu jiġi ddokumentat fir-rapport tal-valutazzjoni.

Artikolu 24

L-eliġibbiltà tal-kandidati/min jagħmel l-offerta

1.   Bla ħsara għall-paragrafi li ġejjin, il-persuni kollha naturali jew legali residenti jew li jinsabu fl-UE huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proċeduri tas-sejħa għal offerti. Il-proċeduri tas-sejħa għal offerti għandhom ikunu miftuħin ukoll b’kundizzjonijiet ugwali għall-persuni naturali u legali kollha residenti jew li jinsabu f’pajjiż terz li rratifika il-Ftehim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fuq l-Akkwisti mill-Gvern jew li kkonkludew ma’ l-UE ftehim bilaterali fuq l-akkwisti bil-kundizzjonijiet preskritti f’kull ftehim imsemmi. Fornituri minn pajjiżi terzi oħrajn jistgħu jiġu ammessi biex jipparteċipaw fid-diskrezzjoni tal-BĊE biss.

2.   Gruppi temporanji ta’ fornituri jistgħu jipparteċipaw fi proċeduri tas-sejħa għal offerti skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-istedina għal offerta. Il-BĊE jista’ jeżiġi li gruppi temporanji jadottaw forma legali speċifika jekk il-kuntratt jingħatalhom, jekk din il-forma tkun meħtieġa għall-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt.

3.   Il-BĊE għandu jeskludi kandidati jew min jagħmel offerta minn parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti jekk kellhom kontrihom sentenza li għaddiet in ġudikat għall-frodi, korruzzjoni, money laundering, involviment f’attività f’organizzazzjoni kriminali jew attività illegali oħra li hija ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, tal-BĊE jew tal-BĊNi.

4.   Il-BĊE jista’ jeskludi kandidati jew min jagħmel offerta mill-parteċipazzjoni f’kull ħin jekk:

(a)

huma falluti jew fi stralċ, jew huma taħt amministrazzjoni ġudizzjarja, daħlu f’arranġament mal-kredituri, issospendew l-attivitajiet tan-negozju, huma suġġetti għal proċeduri fuq dawn l-affarijiet, jew qegħdin f’kull sitwazzjoni analoga li tiġi minn proċedura bħal din irregolata minn leġiżlazzjoni jew regolamenti nazzjonali;

(b)

instabu ħatjin ta’ reat dwar l-aġir professjonali tagħhom b’sentenza li għandha forza ta’ ġudikat;

(ċ)

kienu ħatjin ta’ mġiba ħażina gravi professjonali;

(d)

ma ħarsux l-obbligi tagħhom dwar il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali jew il-ħlas ta’ taxxi skond id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn huma stabbiliti jew ma’ dawk il-pajjiżi ta’ l-awtorità kontraenti jew tal-pajjiż fejn trid issir l-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

(e)

ġew iddikjarati minn qorti jew tribunal ta’ l-arbitraġġ li kisru b’mod gravi kuntratt billi ma osservawx l-obbligi kuntrattwali tagħhom wara proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti;

(f)

il-maniġment, l-istaff jew l-aġenti huma suġġetti għal kunflitt ta’ interess;

(ġ)

huma ħatjin ta’ qerq fl-għoti ta’ informazzjoni meħtieġa mill-BĊE;

(g)

jikkuntattjaw kandidati jew min jagħmel offerta oħrajn biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

5.   Kandidati jew min jagħmel offerta għandhom jiċċertifikaw li m’humiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fuq u/jew jipprovdu l-evidenza speċifikata fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerta. Jekk jinqalgħu ċirkustanzi bħal dawn matul il-proċedura l-kandidat/min jagħmel l-offerta għandu jinforma lill-BĊE mingħajr dewmien b’dan.

Artikolu 25

Kriterji ta’ l-għażla

1.   Il-BĊE għandu jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt il-kriterji ta’ l-għażla għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-kandidat/min jagħmel l-offerta biex jiġi eżegwit il-kuntratt. Il-kriterji ta’ l-għażla għandhom jikkonċernaw il-kapaċità ekonomika, finanzjarja, teknika jew professjonali tal-kandidat jew ta’ min jagħmel l-offerta.

2.   Il-BĊE jista’ jistabbilixxi l-livelli ta’ kapaċità minimi li taħthom ma jkunx jista’ jagħżel kandidati jew min jagħmel offerta. Dawn il-livelli minimi għandhom jiġu speċifikati fl-avviż ta’ kuntratt.

3.   Barra minn dan, il-BĊE jista’ jitlob lill-kandidati jew lil min jagħmel offerta biex jippruvaw li huma awtorizzati li jeżegwixxu kuntratt skond il-liġi nazzjonali, kif jidher mill-inklużjoni f’reġistru kummerċjali jew professjonali, jew dikjarazzjoni bil-miktub jew ċertifikat, is-sħubija f’organizzazzjoni speċifika, awtorizzazzjoni espressa, jew daħla fir-reġistru tal-VAT.

4.   Il-BĊE għandu jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt id-dokumenti li għandhom jintbagħtu minn kandidati jew min jagħmel offerta bħala prova tal-kapaċità finanzjarja, ekonomika, teknika u professjonali tagħhom. Id-dokumentazzjoni mitluba m’għandhiex tmur lil hinn mis-suġġett tal-kuntratt u għandha tikkunsidra l-interessi leġittimi tal-fornituri fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti tekniċi u tan-negozju.

5.   Jekk, għal xi raġuni eċċezzjonali li l-BĊE jikkunsidra ġġustifikata, min jagħmel l-offerta jew il-kandidat ma jkunux jistgħu jipprovdu d-dokumenti meħtieġa, jistgħu jippruvaw il-kapaċità tagħhom b’kull mezz ieħor li l-BĊE jikkonsidra xieraq.

6.   Fornitur jista’, meta jkun xieraq u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn, immaterjalment min-natura legali tar-rabtiet li jkollu magħhom. F’dak il-każ għandu jipprova lill-BĊE li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Taħt l-istess kundizzjonijiet, grupp temporanju ta’ fornituri jista’ jiddependi fuq il-kapaċitajiet tal-parteċipanti fil-grupp.

Artikolu 26

Kriterji ta’ l-għoti

1.   Il-BĊE jista’ jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerta huwiex fiħsiebu jagħti l-kuntratt lil min jagħmel l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament jew lil dawk li joffru l-orħos prezz.

2.   Meta l-għotja ssir għall-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, il-BĊE għandu jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-istedina għal offerta jew, f’każ ta’ djalogu kompetittiv, fit-talba għal proposta:

(a)

il-kriterji kwalitattivi li magħhom jiġu vvalutati l-offerti. Dawn il-kriterji għandhom jintrabtu mas-suġġett tal-kuntratt in kwistjoni u jistgħu jinkludu per eżempju l-kwalità, il-mertu tekniku, il-karatteristiċi tekniċi, l-ispejjeż ta’ kuljum, ta’ benefiċċju biżżejjed ipparagunat man-nefqa, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, id-data tal-konsenja u l-perjodu tal-konsenja jew l-perjodu tat-tlestija; u

(b)

l-ippeżar relattiv li jagħti lil kull kriterju magħżul biex jiddetermina l-aktar offerta vantaġġuża ekonomikament. Dak l-ippeżar jista’ jitfisser billi tiġi pprovduta medda b’firxa massima xierqa.

Meta, fil-fehma tal-BĊE, l-ippeżar mhux possibbli għal raġunijiet li jistgħu jiġu ppruvati, għandu jindika l-kriterji f’ordni dejjem tonqos ta’ importanza.

Artikolu 27

Offerti baxxi b’mod anormali

1.   Il-BĊE jista’ jirrifjuta offerti li jidhru baxxi żżejjed fir-rigward ta’ l-oġġetti, ix-xogħlijiet jew is-servizzi offruti.

2.   Qabel ma jiġu rrifjutati dawn l-offerti, il-BĊE għandu jitlob bil-miktub id-dettalji ta’ l-elementi kostitwenti ta’ l-offerta li jikkonsidra rilevanti. Id-dettalji jistgħu jikkonċernaw b’mod partikolari:

(a)

l-ekonomija tal-proċess ta’ manifattura, ta’ għoti tas-servizzi jew tal-metodu kostruttiv; jew

(b)

is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew kull kundizzjoni favorevoli eċċezzjonali disponibbli għal min jagħmel l-offerta; jew

(ċ)

l-oriġinalità ta’ l-offerta; jew

(d)

il-konformità mad-dispożizzjoniiet dwar il-protezzjoni ta’ impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-seħħ fil-post fejn ser isir ix-xogħol, is-servizz jew il-provvista.

Il-BĊE għandu jivverifika dawk l-elementi kostitwenti billi jikkunsidra l-ispjegazzjonijiet u l-evidenza li tiġi rċevuta.

3.   Jekk min jagħmel l-offerta ikun irċieva l-għajnuna mill-Istat, il-BĊE jista’ jirrifjuta l-offerta fuq dik il-bażi biss sakemm min jagħmel l-offerta jkun jista’ jipprova, b’terminu fissat mill-BĊE, li l-għajnuna ngħatat legalment skond il-proċeduri u d-deċiżjonijiet speċifikati fir-regoli Komunitarji fuq l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

Artikolu 28

Notifika tad-deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-għoti

1.   Mill-aktar fis kemm jista’ jkun għall-BĊE huwa għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu bil-miktub lil kull kandidat jew lil kull min jagħmel offerta li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom ġew miċħudin.

2   In-notifika għandha tinħareġ mill-anqas 15-il jum qabel il-firma tal-kuntratt mill-BĊE.

3.   Kandidati u min jagħmel offerta jistgħu sa 15-il jum minn meta tiġi rċevuta n-notifika jitolbu lill-BĊE biex jipprovdi r-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ l-applikazzjoni jew l-offerta tagħhom. Dawk li ma jkollhomx suċċess fl-offerta tagħhom imma li l-offerta tagħhom kienet ammissibbli jistgħu jitolbu wkoll l-isem ta’ min ikun rebaħ l-offerta kif ukoll il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-offerta tiegħu.

4.   Iżda, il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jżomm ċerta informazzjoni meta r-rilaxx ta’ din l-informazzjoni taffettwa l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ fornituri oħrajn, ittellef l-applikazzjoni tal-liġi jew tkun b’xi mod kontra l-interess pubbliku.

5.   Barra minn dan, il-BĊE għandu jippubblika avviż ta’ għoti fil-Ġurnal Uffiċjali fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ l-akkwist. L-avviż għandu jintbagħat fi 48 jum wara l-firma tal-kuntratt.

KAPITOLU III

AKKWISTI TAĦT IL-LIMITI

Artikolu 29

Proċedura mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż

1.   Kuntratti li l-valur stmat totali tagħhom huwa taħt il-limiti speċifikati fl-Artikolu 4(3) u kuntratti ta’ servizz elenkati fl-Artikolu 6(2) għandhom jingħataw skond il-proċedura li ġejja.

2.   Jekk il-valur tal-kuntratt jaqbeż jew huwa sa EUR 50 000 għall-oġġetti u servizzi jew EUR 500 000 għal xogħlijiet il-BĊE għandu jistieden mill-anqas ħames fornituri xierqa, jekk ikun hemm, biex jibagħtu offerta fit-terminu stabbilit mill-BĊE.

Jekk il-valur tal-kuntratt jaqbeż jew huwa sa EUR 10 000 il-BĊE għandu jistieden mill-anqas tliet fornituri xierqa, jekk ikun hemm, biex jibagħtu offerta.

Fiż-żewġ każijiet, il-BĊE għandu jipprovdi lill-fornituri b’talba għal proposta li tispeċifika l-ħtiġijiet tal-BĊE u l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt. Meta jistabbilixxi terminu biex jintbagħtu l-offerti l-BĊE għandu jikkunsidra l-kumplessità tal-kuntratt u l-ħin meħtieġ għat-tħejjija ta’ l-offerta.

3.   Il-BĊE għandu jagħżel l-fornituri mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura għall-offerti jew fost kull min ġie ammess biex għamel offerta fis-sistema tax-xiri dinamika jew, meta ma jkunx hemm sistema bħal din, minn lista ta’ fornituri rreġistrati jew, meta m’hemmx lista bħal din, fuq il-bażi ta’ analiżi tas-suq xierqa. L-għażla minn qabel ta’ fornituri xierqa hija fid-diskrezzjoni tal-BĊE biss. Il-lista ta’ fornituri rreġistrati għandha tkun miftuħa għal kull fornitur interessat li jipprovdi t-tip ta’ provvisti, servizzi u xogħlijiet li għalihom tħejjiet il-lista. Il-BĊE għandu jirreklama regolarment b’mezzi xierqa l-possibbiltà li wieħed jirreġistra f’dawn il-listi.

4.   Alternattivament, il-BĊE jista’ jippubblika avviż ta’ kuntratt fuq il-websajt tiegħu jew juża medja oħra xierqa. F’dak il-każ it-talba għal proposta għandha tintbagħat lill-fornituri kollha li ddikjaraw l-interess tagħhom biex jipparteċipaw fit-terminu stabbilit mill-BĊE.

5.   L-offerti li jiġu rċevuti għandhom ikunu vvalutati skond il-kriterji stabbiliti fit-talba għal proposta. Wara l-valutazzjoni ta’ l-offerti bil-miktub, il-BĊE jista’ jidħol f’negozjati ma’ min ikun għamel offerta jekk dik il-possibbiltà tkun ġiet imħabbra fit-talba għal proposta. In-negozjati jistgħu jsiru bħala negozjati konsekuttivi skond l-ordni li fih qegħdin dawk li għamlu l-offerta jew bħala negozjati paralleli magħhom kollha.

6.   Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil dak li l-offerta tiegħu tissodisfa l-aħjar il-kriterji stabbiliti fit-talba għal proposta.

7.   Il-proċedura għandha ssir skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3. L-Artikoli 19, 20, 21, 24 u 27 għandhom japplikaw skond il-każ.

Artikolu 30

Notifika lil min jagħmel l-offerta u lista ta’ kuntratturi

1.   Wara d-deċiżjoni ta’ għoti, il-BĊE għandu jinforma bil-miktub lil kull min għamel l-offerta bl-eżitu tal-proċedura tas-sejħa għal offerti.

2.   Min għamel l-offerta għandu fi żmien 15-il jum minn meta jirċievi n-notifika jitlob lill-BĊE biex jipprovdi r-raġunijiet ewlenin għaliex l-offerta ġiet rifjutata. L-Artikolu 28(4) għandu japplika skond il-każ.

3.   Il-BĊE għandu jippubblika kull sena lista ta’ kuntratti b’valur ‘il fuq minn EUR 50 000 li ngħataw skond l-Artikolu 29 jew li għalihom saret eċċezzjoni skond l-Artikolu 6(1). Il-lista għandha tispeċifika l-isem tal-kuntratturi li ngħatawlhom kuntratti, is-suġġett u l-valur tal-kuntratti.

Artikolu 31

Għoti immedjat

Il-BĊE jista’ jagħti kuntratti fuq il-bażi ta’ offerta waħda jekk il-valur stmat tal-kuntratt huwa anqas minn EUR 10 000, nett mill-VAT, jew jekk saret eċċezzjoni skond Artikolu 6(1).

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 32

Tħassir tal-proċedura tas-sejħa għal offerti

1.   Il-BĊE jista’ jħassar proċedura ta’ sejħa għal offerti f’kull mument qabel ma jiġi ffirmat l-kuntratt mingħajr l-kandidati jew min jagħmel offerta ma jkunu intitolati jitolbu xi kumpens.

2.   Id-Deċiżjoni tal-BĊE biex tagħmel it-tħassir għandha tirrispetta l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3.

3.   Il-BĊE għandu jissostanzja d-deċiżjoni u jġibha għall-attenzjoni tal-kandidati jew min jagħmel offerta.

Artikolu 33

Proċedura ta’ appell

1.   Fi proċeduri ta’ sejħiet pubbliċi għall-offerti taħt il-Kapitolu II, kandidati/min jagħmel offerta jistgħu jisfidaw bil-miktub id-deċiżjoni tal-BĊE ta’ rifjut ta’ l-applikazzjoni jew offerta tagħhom fi żmien 15-il jum minn meta jirċievu l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 28(3) jew, jekk ma tintalab l-ebda informazzjoni, fi żmien 15-il jum minn meta jirċievu n-notifika. L-appell għandu jinkludi l-informazzjoni kollha ta’ appoġġ u l-oġġezzjonijiet immotivati.

2.   L-appell għandu jiġi indirizzat mill-Korp ta’ Reviżjoni ta’ l-Akkwisti tal-BĊE (PRB). Jekk il-PRB jikkunsidra li d-deċiżjoni għar-rifjut ta’ l-applikazzjoni jew l-offerta ta’ l-appellant tikser din id-deċiżjoni jew il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-akkwisti għandu jordna li jew l-proċedura ta’ sejħa għal offerti jew partijiet minnha tittenna jew jieħu deċiżjoni finali. Jekk le l-appell jiġi miċħud. Il-PRB għandu jinnotifika lill-appellant bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu sa xahar wara li jirċievi l-appell. Id-deċiżjoni għandha tkun immotivata.

3.   L-appell m’għandux ikollu effett ta’ sospensjoni. Jekk jara li jkun xieraq, il-PRB jista’ jissospendi l-proċedura ta’ akkwisti jew l-għoti tal-kuntratt.

Artikolu 34

Ġurisdizzjoni

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni esklużiva f’kull tilwima bejn il-BĊE u fornitur dwar din id-Deċiżjoni jew xi proċedura speċifika ta’ akkwist. Jekk hemm lok ta’ proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 33 l-appellant għandu jistenna d-deċiżjoni tal-BĊE dwar l-appell qabel ma jressaq l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. It-termini stabbiliti fit-Trattat għandhom jibdew jgħaddu minn meta tiġi rċevuta d-deċiżjoni ta’ appell.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2007 u għandha tħassar u tissostitwixxi ċ-Ċirkolari Amministrattiva 05/2006 tas-27 ta’ Ġunju 2006 fuq akkwisti mill-BĊE.

2.   Il-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti li nbdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jintemmu skond ċ-Ċirkolari Amministrattiva 05/2006. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni proċedura ta’ sejħa għal offerti titqies li bdiet fil-jum meta l-avviż ta’ kuntratt intbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali jew, fil-każijiet meta dan l-avviż mhux meħtieġ, fil-jum meta l-BĊE stieden fornitur wieħed jew iżjed biex jibgħat offerta.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 3 ta’ Lulju 2007.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(2)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2005, p. 1).

(4)  ĠU L 320, 21.10.2004, p. 21.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


Top