EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0011(01)

2012/359/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 28 ta’ Ġunju 2012 li temenda d-Deċìżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2012/11)

OJ L 175, 5.7.2012, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/09/2012; Imħassar b' 32012D0017(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/359/oj

5.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/17


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta’ Ġunju 2012

li temenda d-Deċìżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral

(BĊE/2012/11)

(2012/359/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artiklu 3.1u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti f’Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1).

(2)

Il-Kunsill Governattiv iqis illi sabiex tittejjeb il-provvista ta’ likwidità lil kontropartijiet ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, għandhom jitwessgħu l-kriterji biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà ta’ titoli ggarantiti minn assi biex jintużaw bħala kollateral f’operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(3)

Dawn il-miżuri għandhom bżonn japplikaw temporanjament, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tippermetti l-applikazzjoni normali tal-qafas ġenerali tal-Eurosistema għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja,

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2011/25 tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (2) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 3(3) tad-Decizjoni BCE/2011/25 huwa mibdul b’dan li gej:

“Artikolu 3

Ammissjoni ta’ ċerti titoli addizzjonali ggarantiti minn assi

1.   Minbarra t-titoli ggarantiti minn assi (ABS) eliġibbli taħt Kapitolu 6 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, ABS li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-kreditu taħt it-Taqsima 6.3.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 imma li mill-bqija jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà kollha applikabbli għall-ABS skont il-Linja Gwida BĊE/2011/14, għandhom ikunu eliġibbli bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, sakemm ikollhom żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-anqas B trippla (*), mal-ħruġ u f’kull ħin sussegwentement. Huma għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-assi li jiggarantixxu l-ABS li jiġġeneraw il-likwidità għandhom jappartjenu għal waħda mill-klassijiet ta’ assi li ġejjin: (i) ipoteki fuq immobbli; (ii) self lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); (iii) ipoteki kummerċjali; (iv) self għax-xiri ta’ karozzi; (v) kiri u finanzjament tal-konsumatur;

(b)

M’għandu jkun hemm ebda taħlit ta’ klassijiet ta’ assi differenti fl-assi li jiġġeneraw il-likwidità;

(c)

l-assi li jiggarantixxu l-ABS li jiġġeneraw il-likwidità m’għandhomx ikun fihom self illi huwa wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

ma jkunx jirrendi fil-ħin tal-ħruġ tal-ABS,

(ii)

ma jkunx jirrendi meta inkorporat fl-ABS matul il-ħajja tal-ABS, pereżempju permezz ta’ sostituzzjoni jew bidla fl-assi li jiġġeneraw il-likwidità;

(iii)

fi kwalsiasi ħin, huwa strutturat, sindakat jew aġevolat;

(d)

id-dokumenti tat-tranżazzjoni tal-ABS għandhom ikun fihom dispożizzjonijiet dwar il-kontinwita’ tas-servizz;

2.   ABS imsemmijin fil-paragrafu 1 illi jkollhom żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-anqas A waħdanija (**) għandhom ikunu suġġetti għal telf impost ta’ 16 %.

3.   ABS imsemmijin fil-paragrafu 1 li ma jkollhomx żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-anqas A waħdanija għandhom ikunu suġġetti għal telf impost li ġej fil-valutazzjoni: (a) ABS iggarantiti minn ipoteki kummerċjali għandhom ikunu suġġetti għal telf impost fil-valutazzjoni ta’ 32 % (b) l-ABS l-oħra kollha għandhom ikunu suġġetti għal telf impost fil-valutazzjoni ta’ 26 %

4.   Kontroparti ma tistax tippreżenta ABS eliġibbli skont il-paragrafu 1 bħala kollateral, jekk il-kontroparti, jew kwalisiasi terza parti li magħha għandha rabtiet mill-qrib, taġixxi bħala fornitur ta’ ħeġġ ta’ rata ta’ imgħax fir-rigward tal-ABS,

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu ‘impriża żgħira’ u ‘impriża ta’ daqs medju’ għandhom ikollhom it-tifsira mogħtija lilhom fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (***).

6.   BĊN jista’ jaċċetta bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema ABS li l-assi sottostanti tagħhom jinkludu biss jew ipoteki residenzjali jew self lil SMEs u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-kreditu taħt Taqsima 6.3.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 u r-rekwiżiti msemmijin f’paragrafi 1(a) sa (d) u paragrafu 3 fuq imsemmija imma li mill-bqija jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà kollha applikabbli għal ABS skont il-Linja Gwida BĊE/2011/14 u jkollhom żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-anqas B trippla. Dawn l-ABS għandhom ikunu llimitati għal dawk maħruġin qabel l-20 ta’ Ġunju 2012 u għandhom ikunu suġġetti għal telf impost fil-valutazzjoni ta’ 32 %.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2012.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Ġunju 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1

(2)  ĠU L 341, 22.12.2011, p. 65.


Top