EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0004(01)

2010/275/: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2010 dwar il-ġestjoni ta’ self bilaterali kollettiv għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/7 (BĊE/2010/4)

OJ L 119, 13.5.2010, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 014 P. 93 - 94

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/275/oj

13.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/24


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2010

dwar il-ġestjoni ta’ self bilaterali kollettiv għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/7

(BĊE/2010/4)

(2010/275/UE)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’), u b’mod partikolari l-Artikoli 17 u 21 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 17 tal-Istatut tas-SEBĊ, sabiex iwettaq il-ħidmiet tiegħu, il-BĊE jista’ jiftaħ kontijiet għal istituzzjonijiet ta’ kreditu, entitajiet pubbliċi u parteċipanti oħra fis-suq.

(2)

Skont l-Artikolu 21.1 u 21.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊE jista’ jagħmilha ta’ aġent fiskali għall-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew pubbliċi oħra, korpi oħra rregolati bil-liġi amministrattiva, jew intrapriżi pubbliċi tal-Istati Membri.

(3)

Qed issir referenza għal ftehim dwar faċilità ta’ self (minn hawn ’il quddiem il-‘Ftehim dwar Faċilità ta’ Self’) bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ħlief għar-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja) u KfW li taġixxi fl-interess pubbliku, skont l-istruzzjonijiet ta’ u bil-benefiċċju tal-garanzija tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (minn hawn ’il quddiem is-‘Selliefa’) mar-Repubblika Ellenika (minn hawn ’il quddiem ‘Min qed jissellef’) u mal-Bank tal-Greċja bħala aġent ta’ Min qed jissellef.

(4)

Qed issir referenza għal ftehim bejn il-kredituri (minn hawn ’il quddiem il-‘Ftehim ta’ bejn il-Kredituri’) li sar bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ħlief għar-Repubblika Ellenika, li jafda l-ġestjoni ta’ self bilaterali kollettiv li jsir taħt dan il-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self lill-Kummissjoni Ewropea.

(5)

Taħt il-Ftehim ta’ bejn il-Kredituri, l-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro ħlief għar-Repubblika Ellenika jawtorizzaw lill-Kummissjoni Ewropea biex torganizza self bilaterali kollettiv lir-Repubblika Ellenika, u biex tirrappreżentahom fil-ġestjoni ta’ dan is-self. L-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Kredituri jawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ kont mal-BĊE, f’isem is-Selliefa, biex jintuża għall-ipproċessar tal-ħlasijiet kollha f'isem is-Selliefa u Min qed jissellef fil-kuntest tal-Ftehim dwar Faċilità ta' Self. Il-Ftehim ta’ bejn il-Kredituri jipprovdi d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar l-iżburżar u r-radd lura.

(6)

Huwa meħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet dwar il-kontijiet ta’ kontanti li għandhom jinfetħu fil-BĊE għat-tħaddim tal-Ftehim ta’ Faċilità ta’ Self u l-Ftehim ta’ bejn il-Kredituri.

(7)

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2007/7 tal-24 ta’ Lulju 2007 dwar il-patti u l-kundizzjonijiet tat-TARGET2-BĊE (1) l-BĊE jista’ jaċċetta biss bħala klijenti banek ċentrali u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali. It-tħaddim tal-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self u l-Ftehim ta’ bejn il-Kredituri jeħtieġ estensjoni tal-kategoriji ta’ persuni eliġibbli sabiex ikunu klijenti tal-BĊE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda għad-Deċiżjoni BĊE/2007/7

L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2007/7 jinbidel b’dan li ġej:

‘2.   Il-BĊE jista’ jaċċetta biss bħala klijenti banek ċentrali, organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali, u, skont deċiżjoni ad hoc tal-Kunsill Governattiv, gvernijiet ċentrali tal-Unjoni Ewropea, Stati Membri jew entitajiet pubbliċi inkarigati mill-gvernijiet ċentrali sabiex jaġixxu f’isimhom bħala klijenti.’

Artikolu 2

Ftuħ ta’ kont

Il-BĊE għandu, b’rabta mal-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self, u fuq talba mingħand il-Kummissjoni Ewropea, jiftaħ kont f’isem is-Selliefa.

Artikolu 3

Aċċettazzjoni ta’ ħlasijiet fil-kont

Il-BĊE għandu jaċċetta biss ħlasijiet li jsiru minn jew lill-kont f’isem is-Selliefa, jekk dawk il-ħlasijiet isiru b’rabta mal-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self.

Artikolu 4

Aċċettazjoniji ta’ struzzjonijiet

Il-BĊE għandu, fir-rigward tal-kont f’isem is-Selliefa, jaċċetta u jaġġixxi biss skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u m’għandu jaċċetta l-ebda struzzjonijiet minn Sellief individwali.

Artikolu 5

Remunerazzjoni

Il-BĊE għandu jħallas l-imgħax fuq il-bilanċ tal-kont f’isem is-Selliefa f’ammont ekwivalenti għar-rata tal-faċilità ta’ depożitu tal-BĊE applikabbli fuq bażi attwali/360.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-12 ta’ Mejju 2010.

Magħmul fi Frankfurt am Main, fl-10 ta’ Mejju 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 237, 8.9.2007, p. 71.


Top