EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0003(01)

2010/268/: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 6 ta’ Mejju 2010 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg (BĊE/2010/3)

OJ L 117, 11.5.2010, p. 102–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/02/2012; Imħassar b' 32012D0002(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/268/oj

11.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/102


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-6 ta’ Mejju 2010

dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg

(BĊE/2010/3)

(2010/268/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment l-Artikolu 12.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1, flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jmexxu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq garanzija xierqa. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-garanzija għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma elenkati fl-Anness I tal-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/7 tal-31 t’Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa d-“Dokumentazzjoni Ġenerali”).

(2)

Skont it-Taqsima 1.6 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jista’, f’kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għal-ezekuzzjoni tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont it-Taqsima 6.3.1 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, l-Eurosistema tirriserva d-dritt li tiddetermina jekk il-ħruġ, l-emittent, id-debitur jew min qed jiggarantixxi jissodisfax ir-rekwiżiti tagħha għal standards ta’ kreditu għoljin abbażi ta’ kull informazzjoni li tista’ tqis bħala rilevanti.

(3)

Hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jipprevalu fis-suq finanzjarju, li jirriżultaw mill-pożizzjoni fiskali tal-Gvern Grieg u diskussjonijiet għal pjan ta’ aġġustament appoġġjat mill-Istati Membri taż-żona euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali, u hemm diżordni fil-valutazzjoni normali mis-suq tat-titoli maħruġin mill-Gvern Grieg, b’effetti negattivi fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Din is-sitwazzjoni eċċezzjonali teħtieġ adattazzjoni immedjata u temporanja tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(4)

Il-Kunsill Governattiv ivvaluta l-fatt illi l-Gvern Grieg approva programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju li nnegozja mal-Kummissjoni Ewropea, il-BĊE u l-Fond Monetarju Internazzjonali, kif ukoll l-impenn qawwi tal-Gvern Grieg li jimplimenta bis-sħiħ dan il-programm. Il-Kunsill Governattiv ivvaluta ukoll, minn perspettiva ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-Eurosistema, l-effetti ta’ programm bħal dan fuq it-titoli maħruġin mill-Gvern Grieg. Il-Kunsill Governattiv iqis il-programm bħala propizju, sabiex, minn perspettiva ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu, l-istrumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg jew iggarantiti mill-Gvern Grieg iżommu standard ta’ kwalità suffiċjenti għat-tkomplija tal-eliġibbiltà tagħhom bħala garanzija għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament minn kull valutazzjoni ta’ kreditu esterna. Dawn il-valutazzjonijiet pożittivi huma l-bażi għal din il-miżura ta’ sospensjoni eċċezzjonali u temporanja, stabbilita bil-għan li tikkontribwixxi għas-solvibilità tal-istituzzjonijiet finanzjarji, u b’hekk issaħħaħ l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi u li tipproteġi l-klijenti ta’ dawk l-istituzzjonijiet. Madanakollu, il-BĊE għandu jissorvelja mill-qrib l-impenn b’saħħtu u kontinwu tal-Gvern Grieg biex jimplimenta bis-sħiħ il-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju li huwa l-bażi ta’ dawn il-miżuri.

(5)

Din il-miżura eċċezzjonali ġiet deċiża u mħabbra pubblikament mill-Kunsill Governattiv fit-3 ta’ Mejju 2010. Għandha tapplika temporanjament, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tippermetti l-applikazzjoni normali tal-qafas tal-Eurosistema għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja,

ADOTTA DIN ID-DECIŻJONI:

Artikolu 1

Sospensjoni ta’ ċerti disposizzjonijiet tad-Dokumentazzjoni Ġenerali

1.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti tal-kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema għal titoli għas-suq f’Taqsima 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, għandhom jiġu sospiżi skont l-Artikoli 2 u 3.

2.   F’każ ta’ diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u d-Dokumentazzjoni Ġenerali, tal-ewwel għandha tiġi kkunsidrata.

Artikolu 2

Eliġibbiltà kontinwata bħala garanzija għal strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg

Il-limitu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema m’għandux japplika għal strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg. Dan l-attiv għandu jikkostitwixxi garanzija eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema irrispettivament mill-klassifika esterna tal-kreditu tiegħu.

Artikolu 3

Eliġibbiltà kontinwata bħala garanzija għal strumenti ta’ dejn għas-suq iggarantiti mill-Gvern Grieg

Il-limitu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema m’għandux japplika għal strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin minn entitajiet imwaqqfa fil-Greċja u ggarantiti bis-sħiħ mill-Gvern Grieg. Garanzija mogħtija mill-Gvern Grieg għandha tkompli tkun soġġetta għar-rekwiżiti li jinsabu f’Taqsimiet 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali. Dan l-attiv għandu jikkostitwixxi garanzija eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament mill-klassifika esterna tal-kreditu tiegħu.

Artikolu 4

Dhul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2010.

Magħmul f’Liżbona, is-6 ta’ Mejju 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.


Top