EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013O0004

2013/170/UE: Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 20 ta’ Marzu 2013 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (riformulazzjoni) (BĊE/2013/4)

OJ L 95, 5.4.2013, p. 23–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 006 P. 81 - 88

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/08/2014; Imħassar b' 32014O0031

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2013/170/oj

5.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/23


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta’ Marzu 2013

dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9

(riformulazzjoni)

(BĊE/2013/4)

(2013/170/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 5.1, 12.1, 14.3 u 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Linja Gwida BĊE/2012/18 tat-2 ta’ Awwissu 2012 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (1) ġiet emendata b’mod sostanzjali. Peress li jridu jsiru emendi ulterjuri, il-Linja Gwida BĊE/2012/18 għandha tiġi riformulata fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jmexxu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, inkluż il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (2).

(3)

Fit-8 ta’ Diċembru 2011 u fl-20 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar miżuri addizzjonali mtejba għal appoġġ tal-kreditu biex jappoġġjaw is-self mill-banek u l-likwidità fis-suq tal-flus taż-żona tal-euro, inkluż miżuri stipulati fid-Deċiżjoni BĊE/2011/25 tal- 14 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (3). Barra minn hekk, kien meħtieġ li r-referenzi għall-proporzjon ta’ riżerva fil-Linja Gwida BĊE/2007/9 tal-1 ta’ Awwissu 2007 fuq statistika monetarja, ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u tas-suq (4) jiġu allinjati mal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru tal-2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9) (5) li ddaħħlu bir-Regolament (UE) Nru 1358/2011 (6).

(4)

Id-Deċiżjoni BĊE/2012/4 tal-21 ta’ Marzu 2012 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (7) kienet tipprovdi li l-BĊNi m’għandhomx ikunu obbligati li jaċċettaw bħala kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bonds ta’ bank eliġibbli ggarantiti minn Stat Membru taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali jew minn Stat Membru li l-valutazzjoni tal-kreditu tiegħu ma tkunx tikkonforma mal-punt ta’ riferiment tal-Eurosistema sabiex jiġi stabbilit ir-rekwiżit minimu tiegħu għal standards ta’ kreditu għoljin.

(5)

Id-Deċiżjoni BĊE/2012/12 tat-3 ta’ Lulju 2012 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (8) irrevediet ukoll l-eċċezzjoni mill-projbizzjoni ta’ rabtiet mill-qrib stipulata fit-Taqsima 6.2.3.2 tal-Anness I għal-Linja Gwida BĊE/2011/14 fir-rigward tal-użu proprju ta’ bonds ta’ bank iggarantiti mill-gvern bħala kollateral mill-kontropartijiet.

(6)

Il-kontropartijiet li jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema għandhom jitħallew jżidu l-livelli tal-użu proprju ta’ bonds ta’ bank iggarantiti mill-gvern li kellhom fit-3 ta’ Lulju 2012 soġġett għal approvazzjoni ex ante mill-Kunsill Governattiv f’ċirkustanzi eċċezzjonali. It-talbiet ippreżentati mill-Kunsill Governattiv għal approvazzjoni ex ante għandhom ikunu akkumpanjati minn pjan ta’ finanzjament.

(7)

Fit-2 ta’ Awwissu 2012, id-Deċiżjoni BĊE/2011/25 ġiet issostitwita mil-Linja Gwida BĊE/2012/18, li ġiet implimentata mill-BĊNi fl-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji tagħhom.

(8)

Il-Linja Gwida BĊE/2012/18 ġiet emendata fl-10 ta’ Ottubru 2012 bil-Linja Gwida BĊE/2012/23 (9), li wessgħet temporanjament il-kriterji sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà ta’ assi li għandhom jintużaw bħala kollateral f’operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, billi jiġu aċċettati strumenti ta’ dejn negozjabbli ddenominati f’lira sterlina, yen jew dollaru Amerikan bħala assi eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja. Ġie applikat tniżżil fil-valur li jirrifletti l-volatilità storika tar-rati tal-kambju relevanti għal dawn l-istrumenti ta’ dejn negozjabbli.

(9)

Il-Linja Gwida BĊE/2013/2 tat-23 ta’ Jannar 2013 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/18 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (10) tispeċifika l-proċedura applikabbli għall-ħlas lura bikri ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal minn kontropartijiet sabiex jiġi żgurat li l-istess kundizzjonijiet jiġu applikati mill-BĊNi kollha. B’mod partikolari, ir-reġim ta’ sanzjonijiet stabbilit fl-Appendiċi 6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 japplika fejn kontroparti li tkun għażlet li tagħmel ħlas lura bikri tonqos, totalment jew parzjalment, milli tagħmel saldu tal-ammont li jkollu jitħallas lura lill-BĊN relevanti sad-data dovuta.

(10)

Il-Linja Gwida BĊE/2012/18 issa għandha tiġi emendata ulterjorment sabiex tinkorpora l-kontenut tad-Deċiżjoni BĊE/2012/34 of 19 ta’ Diċembru 2012 dwar bidliet temporanji fir-regoli li jirrigwardaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral denominat f’munita barranija (11) u sabiex jiġi żgurat li l-BĊNi ma jkunux obbligati li jaċċettaw bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bonds ta’ bank eliġibbli mhux koperti li jkunu: (a) maħruġa mill-kontropartijiet li jużawhom jew minn entitajiet marbuta mill-qrib mal-kontroparti; u (b) iggarantiti bis-sħiħ minn Stat Membru li l-valutazzjoni tal-kreditu tiegħu ma tkunx tissodisfa l-istandards ta’ kreditu għoljin tal-Eurosistema u li l-Kunsill Governattiv iqishom konformi ma’ programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

(11)

Għall-finijiet taċ-ċarezza u s-sempliċità, il-kontenut tad-Deċiżjonijiet BĊE/2011/4 tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Irlandiż (12), BĊE/2011/10 tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Portugiż (13) u BĊE/2012/32 tad-19 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (14) għandhom jiġu inklużi f’din il-Linja Gwida flimkien ma’ kull miżura temporanja oħra fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral.

(12)

Il-miżuri addizzjonali stipulati f’din il-Linja Gwida għandhom japplikaw temporanjament, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis li m’għadhomx meħtieġa sabiex jiġi żgurat mekkaniżmu xieraq għat-trasmissjoni tal-politika monetarja,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament u kollateral eliġibbli

1.   Ir-regoli għat-tmexxija ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-kollateral stipulati f’din il-Linja Gwida għandhom japplikaw flimkien mal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

2.   F’każ ta’ kwalunkwe diskrepanza bejn din il-Linja Gwida u l-Linja Gwida BĊE/2011/14, kif implimentata fil-livell nazzjonali mill-BĊNi, din il-Linja Gwida għandha tipprevali. Il-BĊNi għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 mingħajr tibdil sakemm mhux stipulat mod ieħor f’din il-Linja Gwida.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Portugiża għandhom jitqiesu bħala Stati Membri taż-żona tal-euro konformi ma’ programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

Artikolu 2

Għażla biex jitnaqqas l-ammont ta’, jew jiġu tterminati, operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal

1.   L-Eurosistema tista’ tiddeċiedi illi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kontropartijiet jistgħu jnaqqsu l-ammont ta’, jew jitterminaw, ċerti operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal qabel il-maturità (dan it-tnaqqis tal-ammont jew terminazzjoni minn hawn ’il quddiem ser jissejħu kollettivament “ħlas lura bikri”). L-avviż tas-sejħa għall-offerti għandu jispeċifika jekk l-għażla biex jitnaqqas l-ammont tal-operazzjonijiet inkwistjoni, jew biex dawn jiġu tterminati qabel il-maturità tapplikax, kif ukoll id-data minn meta dik l-għażla tista’ tiġi eżerċitata. Din l-informazzjoni inkella tista’ tiġi pprovduta f’format ieħor meqjus xieraq mill-Eurosistema.

2.   Kontroparti tista’ teżerċita l-għażla li tnaqqas l-ammont ta’, jew tittermina, operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal qabel il-maturità billi tinnotifika lill-BĊN relevanti dwar l-ammont li beħsiebha tħallas lura taħt il-proċedura ta’ ħlas lura bikri, kif ukoll id-data meta beħsiebha tagħmel dak il-ħlas lura bikri, ta’ mill-inqas ġimgħa qabel dik id-data ta’ dak il-ħlas lura bikri. Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor mill-Eurosistema, ħlas lura bikri jista’ jsir fi kwalunkwe jum li jikkoinċidi mad-data tal-ħlas ta’ operazzjoni ta’ rifinanzjament ewlenija tal-Eurosistema, kemm-il darba l-kontroparti tagħmel in-notifika msemmija f’dan il-paragrafu ta’ mill-inqas ġimgħa qabel dik id-data.

3.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir vinkolanti fuq il-kontroparti ġimgħa qabel id-data tal-ħlas lura bikri li għaliha tirreferi. Jekk il-kontroparti tonqos milli tħallas, totalment jew parzjalment, l-ammont dovut taħt il-proċedura ta’ ħlas lura bikri sad-data dovuta, dan jista’ jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja kif stipulat fit-Taqsima 1 tal-Appendiċi 6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14. Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-Appendiċi 6 li japplikaw għal ksur tar-regoli relatati ma’ operazzjonijiet ta’ sejħiet għall-offerti għandhom japplikaw meta kontroparti tonqos milli tagħmel saldu, totali jew parzjali, tal-ammont dovut fid-data tal-ħlas lura bikri msemmija fil-paragrafu 2. L-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-BĊN biex jeżerċita r-rimedji pprovduti meta jseħħ avveniment ta’ inadempjenza kif stipulat fl-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

Artikolu 3

Ammissjoni ta’ ċerti titoli ggarantiti minn assi addizzjonali

1.   Minbarra t-titoli ggarantiti minn assi (ABS — asset-based securities) eliġibbli taħt il-Kapitolu 6 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, ABS li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-kreditu taħt it-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 imma li mill-bqija jikkonformaw mal-kriterji ta‘ eliġibbiltà applikabbli lil ABS skont il-Linja Gwida BĊE/2011/14, għandhom ikunu eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, sakemm ikollhom żewġ valutazzjonijiet ta’ mill-inqas B trippla (15) mal-ħruġ u fi kwalunkwe ħin wara. Huma għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-assi li jiġġeneraw il-likwidità li jappoġġaw l-ABS għandhom jappartjenu għal waħda mill-klassijiet ta’ assi li ġejjin: (i) ipoteki residenzjali; (ii) self lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); (iii) ipoteki kummerċjali; (iv) self fuq ix-xiri ta’ karozzi; (v) kiri; u (vi) finanzjament għall-konsumatur;

(b)

m’għandu jkun hemm ebda taħlit ta’ klassijiet ta’ assi differenti fl-assi li jiġġeneraw il-likwidità;

(c)

l-assi li jiġġeneraw il-likwidità li jappoġġaw l-ABS m’għandhomx ikun fihom self illi huwa kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

ma jkunx jirrendi fil-ħin tal-ħruġ tal-ABS;

(ii)

ma jkunx jirrendi meta inkorporat fl-ABS matul il-ħajja tal-ABS, pereżempju permezz ta’ sostituzzjoni, jew tibdil fl-assi li jiġġeneraw il-likwidità;

(iii)

fi kwalunkwe ħin, huwa strutturat, mingħand konsorzju jew leveraged;

(d)

id-dokumenti tat-tranżazzjoni tal-ABS għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizz.

2.   ABS li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li għandhom żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-anqas A singola (16) għandhom ikunu suġġetti għat-telf impost fil-valutazzjoni ta’ 16 %.

3.   ABS li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li m’għandhomx żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-anqas A singola għandhom ikunu suġġetti għat-telf impost fil-valutazzjoni li ġej: (a) ABS sostnuti minn ipoteki kummerċjali għandhom ikunu suġġetti għal telf impost fil-valutazzjoni ta’ 32 %; u (b) l-ABS l-oħrajn kollha għandhom ikunu suġġetti għal telf impost fil-valutazzjoni ta’ 26 %.

4.   Kontroparti ma tistax tippreżenta ABS li hija eliġibbli skont il-paragrafu 1 bħala kollateral, jekk il-kontroparti, jew kwalunkwe parti terza li magħha għandha rabtiet mill-qrib, taġixxi bħala fornitur ta’ ħeġġ ta’ rata ta’ imgħax fir-rigward tal-ABS.

5.   BĊN jista’ jaċċetta bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema ABS li l-assi sottostanti tagħhom jinkludu ipoteki fuq immobbli residenzjali jew self lil SMEs jew it-tnejn u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-kreditu taħt it-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 u r-rekwiżiti li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 1(a) sa (d) u l-paragrafu 4 aktar ‘il fuq, imma li mill-bqija huma konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà applikabbli għall-ABS skont il-Linja Gwida BĊE/2011/14 u għandhom żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-anqas B trippla. Dawn l-ABS għandhom ikunu limitati għal dawk maħruġin qabel l-20 ta’ Ġunju 2012 u għandhom ikunu suġġetti għal tnaqqis impost fil-valutazzjoni ta’ 32 %.

6.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

(1)

“ipoteka residenzjali”, minbarra self appoġġat minn ipoteka fuq proprjetà immobbli residenzjali, għandha tinkludi self iggarantit fuq immobbli residenzjali (mingħajr ipoteka fuq proprjetà) jekk il-garanzija hija pagabbli minnufih mal-inadempjenza. Garanzija bħal din tista’ tingħata f’forom kuntrattwali differenti, inkluż kuntratti ta’ assigurazzjoni, sakemm huma jkunu ggarantiti minn entità fis-settur pubbliku jew istituzzjoni finanzjarja suġġetta għas-superviżjoni pubblika. Il-valutazzjoni tal-kreditu tal-garanti għall-finijiet ta’ dawn il-garanziji għandha tkun konformi ma’ stadju 3 tal-kwalità tal-kreditu fl-iskala tal-Eurosistema għall-klassifika armonizzata tul il-ħajja tat-tranżazzjoni;

(2)

“impriża żgħira” u “impriża ta’ daqs medju” għandhom ifissru entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha, fejn il-bejgħ irrapportat għall-entità, jew jekk l-entità hija parti minn grupp ikkonsolidat, għall-grupp ikkonsolidat, huwa ta’ anqas minn EUR 50 miljun;

(3)

“self li ma jirrendix” għandha tinkludi self fejn il-ħlas ta’ imgħax jew ta’ kapital huwa tard b’90 jum jew aktar u d-debitur huwa inadempjenti, kif definit fl-Anness VII tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jew fejn hemm raġunijiet tajbin biex ikun hemm dubju dwar jekk il-ħlas huwiex se jsir kollu;

(4)

“self strutturat” tfisser struttura li tinvolvi talbiet ta’ kreditu subordinati;

(5)

“self mingħand konsorzju” tfisser self mogħti minn grupp ta’ selliefa f’konsorzju li jislef;

(6)

“self leveraged” tfisser self mogħti lil kumpanija li diġà għandha ammont konsiderevoli ta’ dejn, bħal finanzjament għal akkwist mill-maniġment jew għal takeover, fejn is-self jintuża għall-akkwist tal-ekwità ta’ kumpanija li hija wkoll id-debitur tas-self;

(7)

“dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizz” tfisser dispożizzjonijiet fid-dokumentazzjoni legali ta’ ABS li jiżguraw illi inadempjenza minn min jagħti s-servizz ma twassalx għal terminazzjoni tas-servizz u li tinkludi skatti għall-ħatra ta’ fornitur ta’ servizz ta’ sostenn u pjan ta’ azzjoni ta’ livell għoli li jispeċifika l-passi operattivi li jridu jittieħdu ladarba jinħatar fornitur ta’ servizz ta’ sostenn u kif għandha tiġi ttrasferita l-amministrazzjoni tas-self.

Artikolu 4

Ammissjoni ta’ xi talbiet ta’ kreditu addizzjonali

1.   Il-BĊNi jistgħu jaċċettaw bħala kollateral għal operazzjonijet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema talbiet ta’ kreditu li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Eurosistema.

2.   Il-BĊNi li jiddeċiedu li jaċċettaw talbiet ta’ kreditu skont il-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu kriterji għall-eliġibbiltà u miżuri għall-kontroll tar-riskju għal dan il-għan billi jispeċifikaw devjazzjonijiet mir-rekwiżiti tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14. Dawn il-kriterji għall-eliġibbiltà u miżuri għall-kontroll tar-riskju għandhom jinkludu l-kriterju li t-talbiet ta’ kreditu huma rregolati mil-liġijiet tal-Istat Membru tal-BĊN li jistabbilixxi l-kriterji għall-eliġibbiltà u l-miżuri għall-kontroll tar-riskju. Dawn il-kriterji għall-eliġibbiltà u miżuri għall-kontroll tar-riskju għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv.

3.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali il-BĊNi jistgħu, sakemm ikollhom l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv, jaċċettaw talbiet ta’ kreditu: (a) bl-applikazzjoni tal-kriterji għall-eliġibbiltà u l-miżuri għall-kontroll tar-riskju stabbiliti minn BĊN ieħor skont il-paragrafi 1 u 2; jew (b) irregolati mil-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru ħlief għall-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-BĊN li qed jaċċetta.

4.   BĊN ieħor għandu jipprovdi assistenza lil BĊN li qed jaċċetta talbiet ta’ kreditu skont il-paragrafu 1 jekk ikun ġie miftiehem bilateralment bejn iż-żewġ BĊNi u sakemm ikollu l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv.

Artikolu 5

Aċċettazzjoni ta’ xi bonds ta’ bank iggarantiti mill-gvern

1.   BĊNi m’għandux ikun obbligat jaċċetta bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bonds ta’ bank eliġibbli mhux koperti li: (a) ma jissodisfawx ir-rekwiżit tal-Eurosistema ta’ standards ta’ kreditu għoljin; (b) jinħarġu mill-kontroparti li tużahom jew minn entitajiet marbuta mill-qrib mal-kontroparti; u (c) ikunu ggarantiti bis-sħiħ minn Stat Membru: (i) li l-valutazzjoni tal-kreditu tagħhom ma tkunx konformi mar-rekwiżit tal-Eurosistema għal standards għoljin ta’ kreditu għal emittenti u garanti ta’ assi negozjabbli kif stipulati fit-Taqsima 6.3.1 u 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14; u (ii) li jkunu konformi ma’ programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, kif evalwat mill-Kunsill Governattiv.

2.   Il-BĊNi għandhom jinformaw lill-Kunsill Governattiv kull meta jiddeċiedu li ma jaċċettawx it-titoli deskritti fil-paragrafu 1 bħala kollateral.

3.   Il-kontropartijiet ma jistgħux jippreżentaw bonds ta’ bank mhux koperti maħruġin minnhom stess jew maħruġin minn entitajiet b’rabtiet mill-qrib u ggarantiti minn entità fis-settur pubbliku taż-Żona Ekonomika Ewropea bid-dritt li timponi taxxi f’eċċess mill-valur nominali ta’ dawn il-bonds diġa’ ppreżentati bħala kollateral fit-3 ta’ Lulju 2012.

4.   F’każijiet eċċezzjonali, il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi dwar derogi temporanji mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 3 għal massimu ta’ tliet snin. Talba għal deroga għandha tkun akkumpanjata minn pjan ta’ finanzjament li jindika kif l-użu proprju ta’ bonds ta’ bank mhux koperti ggarantiti mill-gvern mill-kontroparti li tagħmel it-talba għandu jinqata’ f’fażijiet sa mhux aktar tard minn tliet snin wara l-approvazzjoni tad-deroga. Kull deroga diġà mogħtija sa mit-3 ta’ Lulju 2012 għandha tkompli tapplika sakemm jasal iż-żmien għar-reviżjoni tagħha.

Artikolu 6

Ammissjoni ta’ ċerti assi ddenominati f’lira sterlina, yen jew dollaru Amerikan bħala kollateral eliġibbli

1.   Strumenti ta’ dejn negozjabbli kif deskritti fit-Taqsima 6.2.1 tal-Anness I għal-Linja Gwida BĊE/2011/14, jekk iddenominati f’lira sterlina, yen jew dollaru Amerikan, għandhom jikkostitwixxu kollateral eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, kemm-il darba: (a) jinħarġu u jinżammu/jitħallsu fiż-żona tal-euro; (b) l-emittent ikun stabbilit fiż-Żona Ekonomika Ewropea; u (c) jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà l-oħrajn kollha inklużi fit-Taqsima 6.2.1 tal-Anness I għal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

2.   L-Eurosistema għandha tapplika t-tniżżil fil-valur li ġej għal dawk l-istrumenti ta’ dejn negozjabbli: (a) tniżżil ta’ 16 % fuq assi ddenominati f’lira sterlina jew dollaru Amerikan; u (b) tniżżil ta’ 26 % fuq assi ddenominati f’yen.

3.   Strumenti ta’ dejn negozjabbli deskritti fil-paragrafu 1, li jkollhom kupuni marbutin ma’ rata singolari tas-suq tal-flus fil-munita tad-denominazzjoni tagħhom, jew ma’ indiċi ta’ inflazzjoni li ma jkun fiha ebda medda diskreta, akkumulazzjoni ta’ meded, ratchet jew strutturi kumplessi simili oħrajn għall-pajjiż rispettiv, għandhom jikkostitwixxu wkoll kollateral eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

4.   Il-BĊE jista’ jippubblika lista ta’ rati ta’ imgħax ta’ referenza aċċettabbli ta’ muniti barranin oħrajn, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 3, fuq is-sit elettroniku tiegħu fuq www.ecb.europa.eu, wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv.

5.   L-Artikoli 1, 3, 5, 6 u 8 biss ta’ din il-Linja Gwida japplikaw għal assi negozjabbli ddenominati f’muniti barranin.

Artikolu 7

Sospensjoni tar-rekwiżiti għal livelli minimi ta’ kwalità tal-kreditu għal xi strumenti negozjabbli

1.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal livelli minimi ta’ kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli tal-Eurosistema dwar il-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu għal assi negozjabbli fit-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 għandhom jiġu sospiżi b’mod konformi mal-paragrafu 2.

2.   Il-livell minimu ta’ kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema m’għandux japplika għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, sakemm il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi li l-Istat Membru rispettiv ma jikkonformax mal-kundizzjonalità tal-appoġġ finanzjarju u/jew il-programm makroekonomiku.

3.   Strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika għandhom ikunu soġġetti għat-tnaqqis impost speċifiku stipulat fl-Anness I ta’ din il-Linja Gwida.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ, implimentazzjoni u applikazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fit-22 ta’ Marzu 2013.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 5, l-Artikolu 6(3) sa (5) u l-Artikolu 7, u japplikaw din il-Linja Gwida mit-3 ta’ Mejju 2013. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mid-19 ta’ April 2013.

3.   L-Artikolu 5 għandu japplika sat-28 ta’ Frar 2015.

Artikolu 9

Emenda għal-Linja Gwida BĊE/2007/9

Fil-Parti 5 tal-Anness III il-paragrafu wara t-Tabella 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

Kalkolu ta’ konċessjoni f’somma waħda għal skopijiet ta’ kontroll (R6):

Konċessjoni f’somma waħda: Il-konċessjoni hija applikata għal kull istituzzjoni ta’ kreditu. Kull istituzzjoni ta’ kreditu tnaqqas somma waħda massima intiża biex tnaqqas il-kost amministrattiv tal-ġestjoni ta’ ħtiġijiet ta’ riżerva żgħira ħafna. Jekk [bażi tar-riżerva × proporzjon tar-riżerva] ikun anqas minn EUR 100 000, allura l-konċessjoni f’somma waħda għandha tkun ugwali għal [bażi tar-riżerva × proporzjon tar-riżerva]. Jekk [bażi tar-riżerva × proporzjon tar-riżerva] ikun akbar minn jew ugwali għal EUR 100 000, allura l-konċessjoni f’somma waħda għandha tkun ugwali għal EUR 100 000. Istituzzjonijiet li jitħallew jirrapportaw statistika fir-rigward tal-bażi ta’ rizerva kkonsolidata tagħhom bħala grupp (kif definit f’Parti 2, Taqsima 1 ta’ Anness III tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32)) iżommu r-riżervi minimi permezz ta’ waħda mill-istituzzjonjiet fil-grupp li qed taġixxi bħala intermedjarju esklussivament għal dawn l-istituzzjonijiet. Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9) (*), huwa biss fil-każ aħħari li l-grupp sħiħ huwa intitolat li jnaqqas il-konċessjoni f’somma waħda.

Ir-riżervi minimi (jew ‘meħtieġa’) jinħadmu kif ġej:

Formula

Il-proporzjon ta’ riżerva japplika skont ir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

Artikolu 10

Tħassir

1.   Il-Linja Gwida BĊE/2012/18 hija mħassra mit-3 ta’ Mejju 2013.

2.   Ir-referenzi għal-Linja Gwida BĊE/2012/18 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 11

Indirizzati

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta’ Marzu 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 218, 15.8.2012, p. 20.

(2)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 341, 22.12.2011, p. 65.

(4)  ĠU L 341, 27.12.2007, p. 1.

(5)  ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.

(6)  Regolament (UE) Nru 1358/2011 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 14 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9) (BĊE/2011/26) (ĠU L 338, 21.12.2011, p. 51).

(7)  ĠU L 91, 29.3.2012, p. 27.

(8)  ĠU L 186, 14.7.2012, p. 38.

(9)  ĠU L 284, 17.10.2012, p. 14.

(10)  ĠU L 34, 5.2.2013, p. 18.

(11)  ĠU L 14, 18.1.2013, p. 22.

(12)  ĠU L 94, 8.4.2011, p. 33.

(13)  ĠU L 182, 12.7.2011, p. 31.

(14)  ĠU L 359, 29.12.2012, p. 74.

(15)  Gradazzjoni ta’ “B trippla” hija gradazzjoni ta’ mill-anqas “Baa3” minn Moody’s, “BBB-” minn Fitch jew Standard & Poor’s, jew gradazzjoni ta “BBB” minn DBRS.

(16)  Gradazzjoni ta’ “A singola” hija gradazzjoni ta’ mill-anqas “A3” minn Moody’s, “A-” minn Fitch jew Standard & Poor’s, jew gradazzjoni ta’ “AL” minn DBRS.


ANNESS I

Skeda ta’ telf impost li tapplika għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika

Bonds tal-gvern Grieg (GGBs)

Medda ta’ maturità

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupun żero

0-1

15,0

15,0

1-3

33,0

35,5

3-5

45,0

48,5

5-7

54,0

58,5

7-10

56,0

62,0

> 10

57,0

71,0

Bonds ta’ bank iggarantiti minn Gvern (GGBBs) u bonds korporattivi mhux finanzjarji ggarantiti minn gvern

Medda ta’ maturità

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupun żero

0-1

23,0

23,0

1-3

42,5

45,0

3-5

55,5

59,0

5-7

64,5

69,5

7-10

67,0

72,5

> 10

67,5

81,0


ANNESS II

LINJA GWIDA MĦASSRA BL-EMENDI SUĊĊESSIVI TAGĦHA

 

Linja Gwida BĊE/2012/18 (ĠU L 218, 15.8.2012, p. 20)

 

Linja Gwida BĊE/2012/23 (ĠU L 284, 17.10.2012, p. 14)

 

Linja Gwida BĊE/2013/2 (ĠU L 34, 5.2.2013, p. 18)


ANNESS III

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Linja Gwida BĊE/2012/18

Din il-Linja Gwida

Artikoli 1 sa 5

Artikolu 1 sa 5

Artikolu 5a

Artikolu 6(1) u (2)

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 10

Deċiżjoni BĊE/2011/4

Din il-Linja Gwida

Artikoli 2 u 3

Artikolu 7

Deċiżjoni BĊE/2011/10

Din il-Linja Gwida

Artikoli 2 u 3

Artikolu 7

Deċiżjoni BĊE/2012/32

Din il-Linja Gwida

Artikoli 2 u 3

Artikolu 7

Deċiżjoni BĊE/2012/34

Din il-Linja Gwida

Artikoli 1 u 2

Artikolu 6(3) u (4)


Top