EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D0004

Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l-20 ta' Marzu, 2003 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro (BĊE/2003/4)

OJ L 78, 25.3.2003, p. 16–19 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 10 Volume 003 P. 246 - 249
Special edition in Estonian: Chapter 10 Volume 003 P. 246 - 249
Special edition in Latvian: Chapter 10 Volume 003 P. 246 - 249
Special edition in Lithuanian: Chapter 10 Volume 003 P. 246 - 249
Special edition in Hungarian Chapter 10 Volume 003 P. 246 - 249
Special edition in Maltese: Chapter 10 Volume 003 P. 246 - 249
Special edition in Polish: Chapter 10 Volume 003 P. 246 - 249
Special edition in Slovak: Chapter 10 Volume 003 P. 246 - 249
Special edition in Slovene: Chapter 10 Volume 003 P. 246 - 249
Special edition in Bulgarian: Chapter 10 Volume 005 P. 183 - 186
Special edition in Romanian: Chapter 10 Volume 005 P. 183 - 186

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2013; Imħassar b' 32013D0010

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/205/oj

32003D0004



Official Journal L 078 , 25/03/2003 P. 0016 - 0019


Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew

ta' l-20 ta' Marzu, 2003

dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro

(BĊE/2003/4)

(2003/205/KE)

IL-KUNSILL REGOLATORJU TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 106(1), u l-Artikolu 16 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1) L-Artikolu 106(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 ta' l-Istatut jistabbilixxu li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus fi ħdan l-Komunità. Dawn l-artikoli jistabbilixxu wkoll li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu dawn il-karti tal-flus. Skond l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju, 1998, dwar l-introduzzjoni ta' l-ewro [1], l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti (minn issa 'l quddiem "il-BĊNi") għandhom jiċċirkulaw il-karti tal-flus ewro.

(2) L-Istitut Monetarju Ewropew (IME) wettaq ix-xogħol preparatorju għall-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-flus ewro, u b'mod partikolari fir-rigward tad-disinji tal-karti tal-flus ewro, huwa ffaċilita l-għarfien u l-aċċettazzjoni tad-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tal-karti tal-flus ewro ġodda mill-utenti, u dan billi ta każ tal-ħtiġijiet speċifiċi viżivi u tekniċi ta' l-assoċjazzjonijiet Ewropej ta' l-utenti tal-karti tal-flus.

(3) Bħala s-suċċessur ta' l-IME, l-BĊE huwa sid id-drittijiet ta' l-awtur tad-disinji tal-karti tal-flus ewro li oriġinarjament kienu ta' l-IME. L-BĊE u l-BĊNi, li jaġixxu f'isem l-BĊE, jistgħu jinfurzaw dawn id-drittijiet ta' l-awtur fir-rigward ta' riproduzzjonijiet maħruġa jew distribwiti bi ksur ta' dawn id-drittijiet ta' l-awtur, bħalma huma, inter alia,ir-riproduzzjonijiet li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv il-prestiġju tal-karti tal-flus ewro.

(4) Id-dritt tal-BĊE u tal-BĊNi li joħorġu l-karti tal-flus ewro jinkludi l-kompetenza li jieħdu l-miżuri legali kollha meħtieġa sabiex jipproteġu l-integrità tal-karti tal-flus ewro bħala mezz ta' ħlas. L-BĊE għandu jieħu miżuri sabiex jipprovdi għal livell minimu ta' protezzjoni fl-Istati Membri kollha parteċipanti sabiex jassigura li l-pubbliku in ġenerali jkun jista' jagħraf il-karti tal-flus ewro ġenwini mir-riproduzzjonijiet. Jinħtieġ għalhekk li jiġu stabbiliti regoli komuni li jikkontrollaw kif għandha tiġi permessa r-riproduzzjoni tal-karti tal-flus ewro.

(5) Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni preżenti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali, b'mod partikolari fir-rigward tal-falsifikazzjoni.

(6) Ir-riproduzzjonijiet tal-karti tal-flus ewro f'forma elettronika għandhom jitqiesu legali biss jekk min jipproduċihom jaddotta miżuri tekniċi adegwati sabiex dawn ma jiġux stampati, meta jkun hemm ċans li dawn il-verżjonijiet stampati l-pubbliku in ġenerali jista' jfixkilhom mal-karti tal-flus ewro ġenwini.

(7) Il-kompetenza biex jittieħdu miżuri sabiex tiġi protetta l-integrità tal-karti tal-flus ewro bħala mezz ta' ħlas tinkludi l-kompetenza biex jiġi addottat reġim komuni li skondu l-BĊNi jkunu lesti li jibdlu karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġġjati. Skond dan ir-reġim, huma indikati ċerti kategoriji ta' karti tal-flus ewro li għandhom jinżammu mill-BĊNi meta dawn jiġu ppreżentati lilhom biex jissarrfu.

(8) Il-parti tal-karta tal-flus ewro oriġinali li jeħtieġ li tiġi ppreżentata sabiex tikkwalifika biex tinbidel hija suġġetta għal rekwiżiti ta' qisien minimi. Dawn il-qisien għandhom jiġu mfissra bħala perċentwal ta' l-erja tal-wiċċ tal-karta tal-flus ewro oriġinali qabel ma tkun ġiet immutilata jew iddanneġġjata, sabiex jiġu evitati qisien foloz, per eżempju f'sitwazzjonijiet fejn il-karta tal-flus ewro tiġi mmutilata jew iddanneġġjata minħabba li tinxtorob.

(9) Sabiex l-operaturi professjonali li jaħdmu bil-karti tal-flus, jiġu mħeġġa li l-istrumenti ta' kontra s-serq jużawhom b'mod korrett, huwa f'loku, meta dawn lill-BĊNi jitolbuhom biex ibiddlu l-karti tal-flus ewro li jkunu ġew immutilati jew iddanneġġjati bl-użu ta' strumenti ta' kontra s-serq, li l-BĊNi jitolbu xi ħlas lil dawn l-operaturi bħala kumpens għall-analiżi mwettqa minħabba l-bdil ta' dawn il-karti tal-flus ewro.

(10) Dan il-ħlas ma jintalabx meta l-mutilazzjoni jew il-ħsara tirriżulta minn attentat ta' serq jew serq attwat, u sabiex jiġi evitat ħlas insinifikanti, għandu jintalab biss meta numru minimu ta' karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġġjati jiġu ppreżentati għall-bdil.

(11) Il-karti tal-flus ewro li jkunu ġew immutilati jew iddanneġġjati f'ammont kbir minħabba l-użu ta' strumenti ta' kontra s-serq, għandhom jiġu ppreżentati għall-bdil f'settijiet li jikkonsistu f'numru minimu ta' karti tal-flus ewro.

(12) Id-dritt esklussiv tal-BĊE li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus ewro fi ħdan il-Komunità jinkludi l-kompetenza li jirtira l-karti tal-flus ewro u li jistabbilixxi reġim komuni li skondu l-BĊE u l-BĊNi jistgħu jwettqu dan l-irtirar.

(13) Għal raġunijiet ta' ċarezza u ċertezza legali, hija ħaġa f'lokha li d-Deċiżjoni BĊE/2001/7 tat-30 ta' Awissu, 2001, dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro [2], tiġi kkodifikata, kif emendata bid-Deċiżjoni BĊE/2001/14 [3], u li l-kompiti tal-BĊE u tal-BĊNi fir-rigward tar-regoli dwar ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro, jsiru aktar trasparenti,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet

1. L-ewwel serje ta' karti tal-flus ewro għandha tinkludi seba' denominazzjonijiet fil-firxa ta' bejn il-ħames u l-500 ewro, li jġibu t-tema "Żminijiet u stili ta' l-Ewropa", bl-ispeċifikazzjonijiet bażiċi li ġejjin.

Valur fuq il-karta (EUR) | Dimensjonijiet | Kulur dominanti | Disinn |

5 | 120 × 62 mm | Griż | Klassiku |

10 | 127 × 67 mm | Aħmar | Romanesk |

20 | 133 × 72 mm | Blu | Gotiku |

50 | 140 × 77 mm | Oranġo | Rinaxximent |

100 | 147 × 82 mm | Aħdar | Baroka un rokoko |

200 | 153 × 82 mm | Isfar fil-kannella | Arkittettura tal-ħadid u tal-ħġieġ |

500 | 160 × 82 mm | Vjola | Arkittettura moderna tas-seklu 20 |

2. Is-seba' denominazzjonijiet fis-serje tal-karti tal-flus ewro għandhom juru xbihat ta' entraturi u twieqi fuq in-naħa ta' quddiem (recto)u pontijiet fuq in-naħa ta' wara (verso). Is-seba' denominazzjonijiet kollha għandhom ikunu tipiċi tad-diversi perjodi artistiċi Ewropej imsemmija hawn fuq. Elementi oħrajn tad-disinji għandhom jinkludu: is-simbolu ta' l-Unjoni Ewropea; l-isem tal-munita bl-alfabett Ruman u Grieg; l-inizjali tal-BĊE fil-verżjonijiet tal-lingwi uffiċjali tagħhom; is-simbolu © li jindika li d-drittijiet ta' l-awtur jappartjenu lill-BĊE; u l-firma tal-President tal-BĊE.

Artikolu 2

Regoli dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus ewro

1. "Riproduzzjoni" għandha tfisser kull xbiha tanġibbli jew intanġibbli li tuża karta tal-flus ewro sħiħa jew parti minnha kif speċifikat fl-Artikolu 1, jew partijiet mill-elementi individwali tad-disinn tagħha, bħal, inter alia,il-kulur, id-dimensjonijiet u l-użu ta' ittri jew ta' simboli, liema xbiha tista' tixbah lil, jew tagħti l-impressjoni ġenerali ta', karta tal-flus ewro, irrispettivament minn:

(a) id-daqs tax-xbiha; jew

(b) il-materjal(i) jew it-teknika (il-mezzi tekniċi) użati fil-produzzjoni tagħha; jew

(ċ) jekk ikunu jew ma jkunux ġew miżjuda max-xbiha xi elementi jew illustrazzjonijiet li ma joriġinawx mill-karti tal-flus; jew

(d) jekk ikun jew ma jkunx ġie mibdul id-disinn tal-karta tal-flus ewro, bħal per eżempju l-ittri jew is-simboli.

2. Ir-riproduzzjonijiet li l-pubbliku in ġenerali jista' jitfixkilhom ma' karti tal-flus ewro ġenwini għandhom jitqiesu li huma llegali.

3. Ir-riproduzzjonijiet li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin għandhom jitqiesu li huma legali minħabba li m'hemm l-ebda riskju li l-pubbliku ġenerali jista' jfixkilhom ma' karti tal-flus ewro ġenwini:

(a) ir-riproduzzjonijiet b'naħa waħda biss ta' karta tal-flus ewro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun ta' mill-inqas 125 % tat-tul u l-wisa' jew mhux aktar minn 75 % tat-tul u l-wisa' tal-karta tal-flus ewro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

(b) ir-riproduzzjonijiet biż-żewġ naħat ta' karta tal-flus ewro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun ta' mill-inqas 200 % tat-tul u l-wisa' jew mhux aktar minn 50 % tat-tul u l-wisa' tal-karta tal-flus ewro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

(ċ) ir-riproduzzjonijiet ta' elementi individwali tad-disinn ta' karta tal-flus ewro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba dak l-element tad-disinn ma jitqiegħedx fuq sfond li jkun jixbah lil dak ta' karta tal-flus; jew

(d) ir-riproduzzjonijiet b'naħa waħda li juru parti min-naħa ta' quddiem jew ta' wara ta' karta tal-flus ewro, kemm-il darba dik il-parti tkun inqas minn terz tan-naħa oriġinali ta' quddiem jew ta' wara ta' karta tal-flus ewro kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

(e) ir-riproduzzjonijiet magħmula minn materjal li jkun jidher b'mod ċar li hu differenti mill- karta, u li jidher sew li huwa differenti mill-materjal użat għall-karti tal-flus; jew

(f) ir-riproduzzjonijiet intanġibbli li jinstabu elettronikament fuq l-Internet, bis-saħħa ta' wajer jew mingħajr wajer jew bi kwalunkwe mezzi oħra li lill-membri tal-pubbliku in ġenerali jagħtuhom aċċess għal dawn ir-riproduzzjonijiet intanġibbli minn post u f'ħin magħżul minnhom individwalment, kemm-il darba:

- il-kelma SPECIMEN tkun stampata djagonalment fuq ir-riproduzzjoni bil-font Arial jew b'font simili għall-font Arial.It-tul tal-kelma SPECIMEN ikun ta' mill-inqas 75 % tat-tul tar-riproduzzjoni u l-għoli tal-kelma SPECIMEN ikun ta' mill-inqas 15 % tal-wisa' tar-riproduzzjoni, u tkun b'kulur mhux trasparenti (opak) li joħloq kuntrast mal-kulur dominanti tal-karta tal-flus ewro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; u

- Ir-riżoluzzjoni tar-riproduzzjoni elettronika fid-daqs oriġinali tagħha ma jeċċedix it-72 tkp (dpi).

4. Malli jirċievu talba bil-miktub, l-BĊE u l-BĊNi għandhom jikkonfermaw li r-riproduzzjonijiet li ma jikkonformawx mal-kriterji tal-paragrafu 3 huma wkoll legali sakemm dawn il-pubbliku in ġenerali ma jistax jitfixkilhom ma' karta tal-flus ewro ġenwina kif speċifikat fl-Artikolu 1. Meta xi riproduzzjoni ssir fit-territorju ta' Stat Membru parteċipanti wieħed biss, it-talbiet kif imsemmija hawn fuq għandhom jiġu indirizzati lill-BĊN ta' dak l-Istat Membru. Fil-każijiet l-oħra kollha, dawn it-talbiet għandhom jiġu indirizzati lill-BĊE.

5. Ir-regoli dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus ewro japplikaw ukoll għall-karti tal-flus ewro li jkunu ġew irtirati jew li jkunu tilfu l-istatus tagħhom bħala valuta legali skond din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-bdil tal-karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġġjati

1. B'konformita' mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, meta jiġu mitluba l-BĊNi għandhom ibiddlu l-karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġġjati li jkunu valuta legali ġenwina fil-każijiet li ġejjin:

(a) meta aktar minn 50 % tal-karta tal-flus ewro hija ppreżentata; jew

(b) meta 50 % jew anqas tal-karta tal-flus ewro hija ppreżentata jekk l-applikant jipprova li l-partijiet neqsin ġew meqruda.

2. Flimkien mal-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin għall-bdil ta' karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġjati li jkunu valuta legali:

(a) meta jkun hemm dubju dwar it-titolu legali ta' l-applikant għall-karti tal-flus ewro jew dwar l-awtentiċità tal-karti tal-flus ewro: l-applikant għandu jipprovdi l-identifikazzjoni.

(b) meta jiġu ppreżentati karti tal-flus ewro mtebbgħin bil-linka, ikkontaminati jew imdakkrin; l-applikant għandu jagħti spjegazzjoni bil-miktub dwar it-tip ta' tebgħa, il-kontaminazzjoni jew id-dakkir.

(ċ) meta l-karti tal-flus ewro jkunu tilfu l-kulur bl-attivazzjoni ta' strumenti ta' kontra s-serq u jiġu ppreżentati minn operaturi professjonali li jaħdmu bil-karti tal-flus kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta' Ġunju, 2001, li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta' l-ewro kontra l-falsifikazzjoni [4]: l-operaturi professjonali li jaħdmu bil-karti tal-flus għandhom jipprovdu stqarrija bil-miktub dwar il-kawża u n-natura tan-newtralizzazzjoni.

(d) meta l-karti tal-flus ewro jkunu ġew immutilati jew iddanneġġjati f'ammont kbir minħabba l-użu ta' strumenti ta' kontra s-serq: dawn għandhom jiġu ppreżentati f'settijiet ta' 100 karta tal-flus ewro, kemm-il darba l-ammont tal-karti tal-flus ewro ppreżentati jkun biżżejjed biex jiġu ffurmati dawn is-settijiet.

3. Minkejja dak hawn fuq imsemmi:

(a) Meta l-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-karti tal-flus ewro ġew immutilati jew iddanneġġjati għal t'apposta, huma għandhom jirrifjutaw li jibdluhom u l-karti tal-flus ewro għandhom iżommuhom, sabiex jevitaw li dawn il-karti tal-flus ewro jerġgħu jiġu ċċirkulati jew sabiex jevitaw li l-applikant jippreżentahom lil xi BĊN ieħor għall-bdil. Madanakollu, huma għandhom jibdlu l-karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġġjati jekk ikunu jafu jew jekk ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-applikanti huma in bona fide, jew jekk l-applikanti jistgħu jippruvaw li huma in bona fide. Il-karti tal-flus ewro li jkunu mmutilati jew iddanneġġjati ftit, eż. billi jkollhom xi annotazzjonijiet, numri jew sentenzi qosra miktuba fuqhom, m'għandhomx fil-prinċipju jitqiesu li huma karti tal-flus ewro li ġew immutilati jew iddanneġġjati għal t'apposta; u

(b) Meta l-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li twettaq reat kriminali huma għandhom jirrifjutaw li jibdlu l-karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġġjati u għandhom iżommuhom, abbażi tal-ħruġ ta' riċevuta, bħala prova li għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jew jibdew, jew isaħħu xi investigazzjoni kriminali li diġà tkun għaddejja. Kemm-il darba l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċiedux mod ieħor, il-karti tal-flus ewro għandhom jingħataw lura lill-applikant fit-tmiem ta' l-investigazzjoni u minn hemm 'il quddiem għandhom jikkwalifikaw għall-bdil.

Artikolu 4

L-istabbiliment ta' ħlas għall-bdil tal-karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġġjati

1. Il-BĊNi għandhom jitolbu ħlas mingħand l-operaturi professjonali li jaħdmu bil-karti tal-flus meta dawn jitolbu lill-BĊNi, skond l-Artikolu 3, biex ibiddlu karti tal-flus ewro li jkunu valuta legali, li jkunu ġew immutilati jew iddanneġġjati bl-użu ta' strumenti ta' kontra s-serq.

2. Il-ħlas għandu jammonta għal 10 ċenteżmi ewro għal kull karta tal-flus ewro mmutilata jew iddanneġġjata.

3. Il-ħlas għandu jintalab biss jekk jinbidlu ta' mill-inqas 100 karta tal-flus ewro mmutilata jew danneġġjata. Il-ħlas għandu jintalab għall-karti kollha tal-flus ewro mibdula.

4. L-ebda ħlas m'għandu jintalab meta l-karti tal-flus ewro jkunu ġew immutilati jew iddanneġġjati għal dak li għandu x'jaqsam ma' attentat ta' serq jew serq attwat.

Artikolu 5

L-irtirar tal-karti tal-flus ewro

L-irtirar ta' xi tip jew serje ta' karta tal-flus ewro għandu jiġi rregolat b'deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju ippubblikata għall-informazzjoni ġenerali fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea u f'mezzi ta' xandir oħra. Din id-Deċiżjoni bħala minimu għandha tkopri, il-punti li ġejjin:

- it-tip jew is-serje tal-karta tal-flus ewro li tkun ser tiġi rtirata miċ-ċirkulazzjoni; u

- it-tul ta' żmien tal-perjodu tal-bdil; u

- id-data meta t-tip jew is-serje tal-karta tal-flus ewro tkun ser titlef l-istatus tagħha bħala valuta legali; u

- it-trattament tal-karti tal-flus ewro ppreżentati la darba jkun għadda l-perjodu ta' l-irtirar u/jew ikunu tilfu l-istatus tagħhom bħala valuta legali.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet finali

1. Id-Deċiżjonijiet BĊE/2001/7 u BĊE/2001/14 qegħdin bil-preżenti jiġu rrevokati.

2. Ir-referenzi għad-Deċiżjonijiet BĊE/1998/6 [5], BĊE/1999/2 [6], BĊE/2001/7 u BĊE/2001/14 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

3. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Frankfurt am Main, l-20 ta' Marzu, 2003.

Għall-Kunsill Regolatorju tal-BĊE

Willem F. Duisenberg

[1] ĠU L 139, tal- 11.5.1998, p. 1.

[2] ĠU L 233, tal- 31.8.2001, p. 55.

[3] ĠU L 5, tad- 9.1.2002, p. 26.

[4] ĠU L 181, ta' l- 4.7.2001, p. 6.

[5] Id-Deċiżjoni BĊE/1998/6 tas-7 ta' Lulju, 1998, dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro, ĠU L 8, ta' l- 14.1.1999, p. 36.

[6] Id-Deċiżjoni BĊE/1999/2 tas-26 ta' Awissu, 1999, li temenda d-Deċiżjoni BĊE/1998/6 tas-7 ta' Lulju, 1998, dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro, ĠU L 258, tal- 5.10.1999, p. 29.

--------------------------------------------------

Top