EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0002(01)

2009/154/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 27 ta’Jannar 2009 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/5 li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti (BĊE/2009/2)

OJ L 51, 24.2.2009, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 003 P. 183 - 186

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/04/2016; Impliċitament imħassar minn 32016D0002

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/154(1)/oj

24.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/10


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta’Jannar 2009

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/5 li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti

(BĊE/2009/2)

(2009/154/KE)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 11.6 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li adottat ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-limiti għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti pubblika stabbiliti fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (2) nbidlu mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1422/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti ta’ applikazzjonijiet għall-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti (3). Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għalkemm mhuwiex suġġett għad-Direttiva 2004/18/KE, għandu l-ħsieb li japplika l-istess limiti għall-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi.

(2)

Biex jitjiebu t-trasparenza u l-kompetizzjoni, partikolarment għall-akkwisti taħt il-limiti pprovduti fid-Deċiżjoni BĊE/2007/5 tat-3 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti (4), il-BĊE għandu l-ħsieb li jistabbilixxi listi ta’ fornituri xierqa li jistgħu jiġu mistiedna jibagħtu offerta għall-akkwisti taħt il-limiti jew biex jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti pubbliċi. Il-listi ser jiġu stabbiliti wara l-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Biex jiġu pprevenuti l-irregolaritajiet, jiġu missielta l-frodi u l-korruzzjoni u jiġi promoss l-immaniġġar sod u effiċjenti, kandidati jew min jagħmel l-offerti li huma ħatja ta’ dawn l-atti jew ikollhom interessi konfliġġenti għandhom jiġu esklużi minn proċeduri ta’ sejħiet għal offerti futuri li jagħmel il-BĊE. Ir-regoli għal din l-esklużjoni għandhom jiġu speċifikati fid-Deċiżjoni BĊE/2007/5.

(4)

Għaċ-ċarezza, xi wħud mir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni BĊE/2007/5 għandhom bżonn jiġu rfinuti aktar,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BĊE/2007/5 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, tiżdied id-definizzjoni li ġejja:

“(p)

‘sejħa għal espressjonijiet ta’ interess’ hija proċedura biex tiġi stabbilita lista ta’ fornituri xierqa li jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fi proċeduri ta’ akkwisti.”

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 3 (b) huwa sostitut b’li ġej:

“(b)

proċeduri ta’ akkwisti fejn jipparteċipa l-BĊE organizzati minn xi wieħed minn dawn li ġejjin: (i) korpi u istituzzjonijiet Komunitarji; (ii) organizzazzjonijiet internazzjonali; jew (iii) aġenziji tal-gvern, iżda r-regoli li jirregolaw dawn il-proċeduri ta’ akkwisti għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-akkwisti tal-Komunità;”

(b)

Il-paragrafu 3(ċ) huwa mibdul b’dan li ġej:

“(ċ)

kull ftehim ma’ istituzzjonijiet u korpi Komunitarji, organizzazzjonijiet internazzjonali jew aġenziji tal-gvern li l-BĊE jintrabat bih biex jissodisfa l-ħidmiet pubbliċi tiegħu;”

(3)

L-Artikolu 4(3) hu mibdul b’ li ġej:

“3.   Għandhom japplikaw dawn il-limiti ta’ ammonti:

(a)

EUR 206 000 għal kuntratti ta’ provvista u servizz;

(b)

EUR 5 150 000 għal kuntratti ta’ xogħlijiet’.”

(4)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 huwa sostitut b’li ġej:

“2.   Il-BĊE jista’ juża wkoll il-proċedura nnegozjata meta ma tinkiseb l-ebda offerta aċċettabbli wara proċedura miftuħa jew ristretta jew djalogu kompetittiv. Il-BĊE jista’ ma jippubblikax avviż ta’ kuntratt ġdid jekk jinkludi fil-proċedura nnegozjata esklussivament kull min għamel l-offerti u pparteċipa fil-proċedura ta’ qabel, issodisfa l-kriteri tal-għazla u bagħat l-offerta tiegħu skont il-ħtiġijiet formali tal-offerta. Jekk ma nkisbu l-ebda offerti jew l-ebda offerta li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ offerta formali, il-BĊE jista’ jibda wkoll proċedura nnegozjata mingħajr avviż skont l-Artikolu 29. Fil-każijiet kollha, it-termini oriġinali tal-kuntratt m’għandhomx jinbidlu b’mod sostanzjali.”

(b)

Il-paragrafu 5 huwa sostitut b’li ġej:

“5.   Wara l-valutazzjoni tal-offerti, il-BĊE jista’ jinnegozja ma’ min jagħmel offerta biex l-offerta tiegħu tiġi konformi mal-ħtiġijiet tal-BĊE. Il-BĊE jista’ jibda negozjati jew:

(a)

ma’ min ikun għamel l-aħjar offerta. Jekk in-negozjati ma’ dan ifallu, il-BĊE jista’ jibda negozjati ma’ min ikun għamel it-tieni l-aħjar offerta; jew

(b)

simultanjament ma’ diversi persuni li jkunu għamlu offerta li jissodisfaw bl-aħjar mod il-kriterji tal-għoti. In-numru ta’ dawk li jkunu għamlu l-offerti li jiġu ammessi għan-negozjati jista’ jitnaqqas fi stadji suċċessivi bl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerta.

Qabel ma jibdew in-negozjati, il-BĊE għandu jinforma lil kull min għamel l-offerta fuq kif ser jitmexxew in-negozjati.”

(5)

Fl-Artikolu 15 is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fl-aħħar tal-paragrafu 4:

“L-Artikolu 30(1) u (2) għandhom japplikaw.”

(6)

Jiżdied l-Artikolu 16a li ġej:

“Artikolu 16a

Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess

1.   Il-BĊE jista’ japplika sejħa għal espressjonijiet ta’ interess jekk għandu l-ħsieb li jagħti diversi kuntratti li jkopru l-istess suġġett jew simili tiegħu. Sakemm ma jkunx speċifikat xort’oħra f’dan l-Artikolu, il-proċedura għandha ssegwi r-regoli tal-proċedura ristretta.

2.   Biex tiġi stabbilita lista ta’ fornituri xierqa, il-BĊE għandu jippubblika avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jispeċifika bħala minimu s-suġġett tal-kuntratti li għandhom jingħataw, il-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-iskadenza ta’ meta ma jintlaqgħux aktar applikazzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati għall-ewwel użu ta’ lista ta’ fornituri xierqa (minn hawn ’il quddiem ‘lista’).

3.   Il-lista għandha tkun valida għal mhux aktar minn erba’ snin mid-data meta l-avviż tal-kuntratt jintbagħat lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej Fornitur jista’ jibgħat applikazzjoni biex tiġi inkluża fil-lista fi kwalunkwe żmien matul il-perijodu ta’ validità tal-lista, bl-eċċezzjoni tal-aħħar tliet xhur ta’ dak il-perijodu. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata bid-dokumentazzjoni speċifikata fl-avviż tal-kuntratt. Biex jiġu kkunsidrati għall-ewwel użu tal-lista, il-fornituri għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom qabel l-iskadenza fl-avviż tal-kuntratt.

4.   Wara li jirċievi l-applikazzjonijiet, il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikazzjonijiet skont il-kriterji ta’ għażla stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt. Il-BĊE għandu jinkludi l-kandidati kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla fil-lista. Il-BĊE għandu jinforma lill-kandidati mal-ewwel opportunità li jkunu ġew inklużi fil-lista jew li jkunu ġew miċħudin.

5.   Il-fornituri inklużi fil-lista għandhom jinfurmaw lill-BĊE mingħajr dewmien dwar kull bidla sostanzjali li taffettwa l-eliġibbiltà jew il-kapaċità tagħhom li jeżegwixxu l-kuntratt. Barra minn dan, il-fornituri inklużi fil-lista jistgħu jipprovdu lill-BĊE b’dokumentazzjoni aġġornata jew addizzjonali, jekk jaraw li dan huwa meħtieġ.

6.   Jekk il-BĊE jkollu l-ħsieb li jagħti kuntratt li l-valur stmat tiegħu huwa taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4(3), għandu jistieden tal-anqas tliet jew ħames fornituri inklużi fil-lista, jekk ikun hemm, biex jibagħtu offerta skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29. Il-BĊE għandu jistieden lill-fornituri li jissodisfaw l-aħjar il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt fir-rigward tal-kuntratt li għandu jingħata.

7.   Jekk il-BĊE jkollu l-ħsieb li jagħti kuntratt li l-valur stmat tiegħu jaqbeż il-limiti stabbiliti fl-Artikolu (3), għandu jippubblika avviż ta’ kuntratt simplifikat fil-Ġurnal Uffiċjali li jiddeskrivi l-ambitu ta’ dan il-kuntratt speċifiku. Il-fornituri interessati li għadhom mhumiex inklużi fil-lista għandhom jibagħtu applikazzjoni biex tiġi inkluża fil-lista qabel l-iskadenza speċifikata fl-avviż ta’ kuntratt simplifikat, li m’għandhiex tkun anqas minn 15-il jum mid-data meta jintbagħat avviż ta’ kuntratt simplifikat. Wara valutazzjoni tal-applikazzjonijiet irċevuti, il-BĊE għandu jistieden tal-lanqas ħames fornituri xierqa inklużi fil-lista biex jibagħtu offerta iżda għandu jkun hemm numru suffiċjenti ta’ fornituri. Il-BĊE għandu jagħżel il-fornituri li jissodisfaw l-aħjar il-kriterji fl-avviż ta’ kuntratt minħabba l-kuntratt li għandu jingħata. Għandu japplika l-Artikolu 12(4) u (5).

8.   Fil-każijiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7, il-BĊE jista’ jitlob lill-fornituri inklużi fil-lista biex jipprovdu informazzjoni u dokumentazzjoni aġġornata rilevanti biex jiġu stabbilti l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla.”

(7)

L-Artikolu 21(2) hu mibdul b’dan li ġej:

“2.   Jekk il-kandidati jew min jagħmel l-offerta jikkunsidraw li r-rekwiżiti tal-BĊE stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt, l-istedina għal sejħa ta’ offerti jew dokumenti ta’ appoġġ huma inkompleti, inkonsistenti jew illegali jew li l-BĊE jew kandidat/min ikun għamel l-offerta jkunu kisru r-regoli ta’ akkwisti applikabbli, għandhom jinnotifikaw il-preokkupazzjonijiet tagħhom lill-BĊE bil-miktub mingħajr dewmien. It-terminu għandu jibda mill-mument li jsiru jafu bl-irregolarità jew setgħu raġonevolment isiru jafu biha. Il-BĊE jista’ mbagħad jew jikkoreġi jew jissupplimenta r-rekwiżiti jew jirrimedja l-irregolarità kif mitlub, jew jiċħad it-talba u jindika r-raġunijiet għal dan. L-oġġezzjonijiet li ma jiġux ikkomunikati lill-BĊE mingħajr dewmien ma jistgħux jitqajmu fi stadju aktar tard.”

(8)

L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafi 3 sa 5 huma mibdulin b’li ġej:

“3.   Il-kandidati u min jagħmel l-offerta għandhom jissottomettu applikazzjoni jew offerta waħda biss. Il-BĊE jista’ jeskludi mill-parteċipazzjon kull kandidat/min jagħmel offerta li jissottomettu applikazzjoni separata jew offerta u li:

(a)

huma membri tal-istess grupp ta’ impriżi affiljati bħal kandidat/min jagħmel offerta oħra;

(b)

huma membri ta’ grupp temporanju flimkien ma’ kandidati/min jagħmel offerti oħrajn;

jew

(ċ)

joffru parti sostanzjali tal-kuntratt li għandu jingħata lil kandidat/min jagħmel offerta oħra bħala subkuntrattur,

jekk hemm indikazzjonijiet li rċevew informazzjoni dwar l-applikazzjoni jew l-offerta ppreparata minn kandidat/min jagħmel offerta oħra jew jekk is-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet/offerti separati jgħawweġ kompetizzjoni li altrimenti tkun ħielsa fost il-kandidati/min jagħmel l-offerta.

4.   Il-BĊE għandu jeskludi kandidati jew min jagħmel offerta minn parteċipazzjoni jekk kellhom kontrihom sentenza li għaddiet in ġudikat għall-frodi, korruzzjoni, money laundering, involviment f’organizzazzjoni kriminali jew attività illegali oħra li hija ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, tal-BĊE jew tal-BĊNi.

5.   Il-BĊE jista’ jeskludi kandidati jew min jagħmel offerta mill-parteċipazzjoni f’kull ħin jekk:

(a)

huma falluti jew fi stralċ, jew huma taħt amministrazzjoni ġudizzjarja, daħlu f’arranġament mal-kredituri, issospendew l-attivitajiet tan-negozju, huma suġġetti għal proċeduri fuq dawn l-affarijiet, jew qegħdin f’kull sitwazzjoni analoga li tiġi minn proċedura bħal din irregolata minn leġislazzjoni jew regolamenti nazzjonali;

(b)

instabu ħatjin ta’ reat dwar l-aġir professjonali tagħhom b’sentenza li għandha forza ta’ ġudikat;

(ċ)

kienu ħatjin ta’ mġiba ħażina gravi professjonali;

(d)

ma ħarsux l-obbligi tagħhom dwar il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali jew il-ħlas ta’ taxxi skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn huma stabbiliti jew ma’ dawk tal-pajjiżi tal-awtorità kontraenti jew tal-pajjiż fejn trid issir l-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

(e)

ġew iddikjarati minn qorti jew tribunal tal-arbitraġġ li kisru b’mod gravi kuntratt billi ma osservawx l-obbligi kuntrattwali tagħhom wara proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti;

(f)

huma jew il-maniġment, il-personal jew l-aġenti huma suġġetti għal kunflitt ta’ interess;

(g)

huma ħatjin ta’ qerq gravi fl-għoti tal-informazzjoni meħtieġa mill-BĊE;

(h)

jikkuntattjaw kandidati jew min jagħmel offerta oħrajn bil-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.”

(b)

Jiddaħħlu l-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:

“6.   Kandidati jew min jagħmel offerta għandhom jiċċertifikaw li m’humiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafi 4 u 5 u/jew jipprovdu l-evidenza speċifikata fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-istedina għal offerta. Jekk jinqalgħu ċirkustanzi bħal dawn matul il-proċedura l-kandidat/min jagħmel l-offerta kkonċernat għandu jinforma lill-BĊE mingħajr dewmien b’dan.

7.   Il-BĊE jista’ jeskludi fornitur li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafi 4 u 5 minn parteċipazzjoni f’kull proċedura ta’ sejħa għal offerti futura għal perijodu raġonevoli ta’ żmien. Il-BĊE għandu jiddeċiedi fuq l-esklużjoni u jiddetermina l-perijodu ta’ kemm iddum billi japplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità, wara li jikkunsidra b’mod partikolari l-gravità tar-reat, iż-żmien li għadda minn mindu sar ir-reat, kemm idum u reġax ġie ripetut ir-reat, l-intenzjoni jew il-grad ta’ negliġenza tal-fornitur kkonċernat u l-miżuri li ħa l-fornitur biex jevita reati bħal dawn fil-futur. Il-perijodu ta’ esklużjoni m’għandux jaqbeż l-għaxar snin. Qabel ma jieħu deċiżjoni biex jeskludi fornitur, il-BĊE għandu jagħti lill-fornitur opportunità biex jesprimi l-veduti tiegħu sakemm il-fatti li jiġġustifikaw l-esklużjoni huma stabbiliti f’sentenza li għandha s-saħħa ta’ ġudikat. Il-BĊE għandu jinnotifika lill-fornitur bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu u r-raġunijiet ewlenin għaliha.”

(9)

L-Artikolu 28(2) hu mibdul b’li ġej:

“2.   In-notifika għandha tintbagħat tal-lanqas 10t ijiem qabel l-iffirmar tal-kuntratt mill-BĊE jekk in-notifika tintbagħat bil-fax jew mezzi elettroniċi, jew tal-anqas 15-il ġurnata qabel l-iffirmar tal-kuntratt jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn.”

(10)

L-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 3 huwa sostitut b’li ġej:

“3.   Il-BĊE għandu jagħżel l-fornituri mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura għal offerti jew fost kull min ġie ammess biex jagħmel offerta fis-sistema tax-xiri dinamika jew, meta ma jkunx hemm sistema bħal din, minn lista ta’ fornituri xierqa magħmula wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess jew, meta m’hemmx lista bħal din, fuq il-bażi ta’ analiżi tas-suq xierqa. F’dan l-aħħar każ, l-għażla minn qabel ta’ fornituri xierqa għandha tkun fid-diskrezzjoni unika tal-BĊE.”

(b)

Il-paragrafu 5 huwa sostitut b’li ġej:

“5.   L-offerti li jiġu rċevuti għandhom ikunu vvalutati skont il-kriterji stabbiliti fit-talba għal proposta. Wara l-valutazzjoni tal-offerti bil-miktub, il-BĊE jista’ jidħol f’negozjati ma’ min ikun għamel offerta jekk dik il-possibbiltà tkun ġiet imħabbra fit-talba għal proposta. In-negozjati jistgħu jsiru bħala negozjati konsekuttivi skont l-ordni li fih qegħdin dawk li għamlu l-offerta jew bħala negozjati paralleli ma’ diversi persuni li għamlu offerta li jissodisfaw l-aħjar il-kriterji tal-għoti.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2009.

2.   Il-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti li nbdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jintemmu skont id-Deċiżjoni BĊE/2007/5. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni proċedura ta’ sejħa għal offerti titqies li bdiet fil-jum meta l-avviż ta’ kuntratt intbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew, fil-każijiet meta dan l-avviż mhux meħtieġ, fil-jum meta l-BĊE stieden fornitur wieħed jew iżjed biex jibgħat offerta.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 27 ta’ Jannar 2009.

Il-President tal-BCE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(2)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(3)  ĠU L 317, 5.12.2007, p. 34.

(4)  ĠU L 184, 14.7.2007, p. 34.


Top