EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0024

2011/10/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 25 ta’ Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (riformulazzjoni) (BĊE/2010/24)

OJ L 6, 11.1.2011, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 004 P. 301 - 302

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/12/2014; Imħassar b' 32014D0057(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/10(1)/oj

11.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/35


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-25 ta’ Novembru 2010

dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli

(tfassil mill-ġdid)

(BĊE/2010/24)

(2011/10/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’), u partikolarment l-Artikolu 33 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2005/11 tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar id-distribuzzjoni tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti (1) teħtieġ li tiġi emendata b’mod sostanzjali sabiex tittieħed f’kunsiderazzjoni d-distribuzzjoni tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jirriżulta minn titoli mixtrija b’mod konformi mad-Deċiżjoni BĊE/2010/5 tal-14 ta’ Mejju 2010 li tistabbilixxi programm tas-swieq tat-titoli (2). Għandha tiġi riformulata għall-finijiet ta’ ċarezza.

(2)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/29 tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus euro (3) tistabbilixxi l-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-BĊNi bi proporzjon mal-ishma mħallsa tagħhom fil-kapital tal-BĊE. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29 u l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni jallokaw lill-BĊE 8 % tal-valur totali ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Il-BĊE għandu klejms intra-Eurosistema kontra BĊNi b’mod proporzjonat mal-ishma tagħhom fl-iskema tal-kapital sottoskritt, għal valur ekwivalenti għall-valur tal-karti tal-flus tal-euro li joħroġ.

(3)

Taħt l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23 tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (4), il-bilanċi intra-Eurosistema fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jitħallsu bir-rata ta’ referenza. Taħt l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23, din ir-remunerazzjoni sisir permezz ta’ pagamenti b’TARGET2.

(4)

Il-Premessa 7 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23 tgħid illi d-dħul li jsir dovut lill-BĊE fuq ir-remunerazzjoni tal-klejms tiegħu intra-Eurosistema relatati mas-sehem tiegħu ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandu fil-prinċipju jiġi ddistribwit lill-BĊNi skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv, bi proporzjon mal-ishma tagħhom fl-iskema ta’ kapital sottoskritt fl-istess sena finanzjarja meta jsir dovut.

(5)

Bl-istess mod id-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (SMP) għandu fil-prinċipju jiġi ddistribwit lill-BĊNi bi proporzjon mal-ishma tagħhom fl-iskema ta’ kapital sottoskritt fl-istess sena finanzjarja meta jsir dovut.

(6)

Meta jiddistribwixxi d-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli SMP, il-BĊE għandu jieħu f’kunsiderazzjoni stima tar-riżultat finanzjarju tiegħu għas-sena li tagħmel konċessjoni dovuta għall-ħtieġa li jiġu allokati fondi għal provvediment għar-rata tal-kambju barrani, rata ta’ imgħax, kreditu u riskji fil-prezz tad-deheb, u għad-disponibbiltà ta’ provvedimenti li jistgħu jiġu rilaxxati bi tpaċija għal spejjeż antiċipati.

(7)

Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-profitt nett tal-BĊE li għandu jiġi ttrasferit lejn il-fond ta’ riżerva ġenerali skont l-Artikolu 33.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Governattiv għandu jikkunsidra li kull parti ta’ dak il-profitt li tikkorrispondi għal dħul fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u dħul minn titoli SMP għandhom jitqassmu lill-BĊNi b’mod sħiħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

‘BĊN’ tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(b)

‘bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni’ tfisser il-klejms u l-passiv li jirriżultaw bejn BĊN u l-BĊE u bejn BĊN u l-BĊNi l-oħra bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29;

(c)

‘Dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni’ tfisser id-dħul li jsir dovut lill-BĊE fuq ir-remunerazzjoni tat-talbiet tiegħu intra-Eurosistema kontra l-BĊNi relatati mas-sehem tiegħu ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni b’riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23;

(d)

‘Dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli SMP’ tfisser id-dħul nett li jirriżulta minn titoli mixtrija mill-BĊE taħt l-SMP skont id-Deċiżjoni BĊE/2010/5.

Artikolu 2

Distribuzzjoni interim tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli SMP

1.   Id-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli SMP għandhom ikunu dovuti b’mod sħiħ lill-BĊNi fl-istess sena finanzjarja meta jsiru dovuti u għandhom jitqassmu lill-BĊNi bi proporzjon mal-ishma mħallsa tagħhom fil-kapital sottoskritt tal-BĊE.

2.   Il-BĊE għandu jqassam lill-BĊNi d-dħul tiegħu fuq noti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni akkumulat kull sena finanzjarja fit-tieni jum ta’ xogħol tas-sena ta’ wara.

3.   Il-BĊE għandu jqassam lill-BĊNi d-dħul tiegħu minn titoli SMP miksub f’kull sena finanzjarja fl-aħħar jum ta’ xogħol f’Jannar tas-sena ta’ wara.

4.   L-ammont tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jista’ jiġi mnaqqas skont kull deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv fuq il-bażi tal-Istatut tas-SEBĊ fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba mill-BĊE b’rabta mal-ħruġ u l-ipproċessar ta’ karti tal-flus tal-euro.

Artikolu 3

Deroga mill-Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 2:

1.

Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja jekk id-dħul kollu tal-BĊE, jew parti minnu, li jirriżulta minn titoli SMP u, jekk meħtieġ, id-dħul kollu tal-BĊE, jew parti minnu, fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandux jinżamm sal-punt neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-ammont tad-dħul imqassam ma jaqbiżx il-profitt nett tal-BĊE għal dik is-sena. Kull deċiżjoni bħal din għandha tittieħed meta, fuq il-bażi ta’ stima mmotivata mħejjija mill-Bord Eżekuttiv, il-Kunsill Governattiv jistenna li l-BĊE ser ikollu telf ġenerali annwali jew ser jagħmel profitt nett annwali li jkun inqas mill-ammont stmat tad-dħul tiegħu fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u l-ammont stmat tad-dħul tiegħu li jirriżulta minn titoli SMP.

2.

Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja li jittrasferixxi d-dħul kollu tal-BĊE jew parti minnu li jirriżulta minn titoli SMP u, jekk meħtieġ, id-dħul kollu tal-BĊE jew parti minnu fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni lejn provvediment għal rata tal-kambju, rata ta’ imgħax, kreditu u riskji fil-prezz tad-deheb.

Artikolu 4

Revoka

Id-Deċiżjoni BĊE/2005/11 hija b’din irrevokata. Referenzi għad-Deċiżjoni rrevokata għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2010.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ Novembru 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 311, 26.11.2006, p. 41.

(2)  ĠU L 124, 20.5.2009, p. 8.

(3)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Top