EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014HB0019

Rakkomandazzjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/2014/19) (ippreżentata mill-Bank Ċentrali Ewropew)

OJ C 144, 14.5.2014, p. 2–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/2


Rakkomandazzjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet

(BĊE/2014/19)

(ippreżentata mill-Bank Ċentrali Ewropew)

(2014/C 144/02)

MEMORANDUM SPJEGATTIV

I.   INTRODUZZJONI

Fit-23 ta’ Novembru 1998, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 (1). Meta titqies l-esperjenza miksuba wara bosta snin ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 fid-diversi oqsma ta’ kompetenza tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-poteri tal-BĊE li jimponi sanzjonijiet ġie estiż bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2), issa għandhom jitqiesu ċerti emendi għar-Regolament (KE) Nru 2532/98. Għal dan l-iskop, għandha tiġi segwita l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 129(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

II.   KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

Sabiex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE jista’, skont l-Artikolu 18 ta’ dan tal-aħħar, jimponi penali finanzjarji amministrattivi “meta istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji, jew kumpaniji holding finanzjarji mħallta, b’mod intenzjonali jew, b’negliġenza, jiksru rekwiżit skont atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom għandu jkun hemm disponibbli penali pekunjarji amministrattivi għall-awtoritajiet kompetenti skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni” (3), u sanzjonijiet “f’każ ta’ ksur tar-regolamenti jew deċiżjonijiet tiegħu” (4) (iktar ‘il quddiem imsejħa konġuntament “penali amministrattivi”). Rigward ksur tal-liġi nazzjonali fil-kuntest tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jibqgħu kompetenti biex jimponu penali amministrattivi, iżda għandhom jimponu tali penali fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaqgħu taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE biss jekk dan tal-aħħar jeżiġi li huma jibdew proċeduri għal dan l-iskop.

Il-prinċipji u l-proċeduri applikabbli għall-impożizzjoni ta’ penali finanzjarji amministrattivi għal ksur tal-liġi tal-Unjoni li hija direttament applikabbli taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 huma stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u fir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (5) (BĊE/2014/17’. Taħt l-Artikolu 18(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet għal ksur ta’ regolamenti u deċiżjonijiet tal-BĊE skont ir-Regolament (KE) Nru 2532/98. L-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprovdi li l-BĊE għandu japplika l-Artikolu 18 “f’konformità mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-proċeduri li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98, kif adatt”.

F’dan l-isfond, huwa ta’ importanza partikolari li jiġi stabbilit reġim koerenti għall-impożizzjoni mill-BĊE tal-penali amministrattivi kollha relatati mat-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Barra minn hekk, uħud mir-regoli li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2532/98 ivarjaw minn dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Dawn huma relatati b’mod partikolari mal-limiti massimi ta’ multi u ħlasijiet ta’ penali perjodiċi, regoli proċedurali, u l-perjodi ta’ preskrizzjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2532/98.

Għalhekk, huma rrakkomandati l-emendi li ġejjin għar-Regolament (KE) Nru 2532/98:

(a)

Għandu jiddaħħal Artikolu 1a ġdid sabiex jiddefinixxi xi prinċipji ġenerali li japplikaw għall-penali amministrattivi kollha imposti mill-BĊE fir-rigward tal-kompiti superviżorji tiegħu u sanzjonijiet imposti fir-rigward tal-kompiti mhux superviżorji tiegħu; u jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet li japplikaw lilhom.

(b)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 4a sa 4c ġodda fir-rigward tar-reġim applikabbli għall-penali amministrattivi finanzjarji imposti mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu. L-iskop ta’ dawn l-artikoli l-ġodda huwa li tinkiseb distinzjoni bejn ir-reġim li japplika għall-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi mill-BĊE fir-rigward tal-kompiti superviżorji tiegħu u d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sanzjonijiet li l-BĊE jista’ jimponi fir-rigward tal-kompiti mhux superviżorji tiegħu. Dan huwa sabiex jiġi żgurat li reġim wieħed japplika għall-penali amministrattivi kollha tal-BĊE imposti fil-qasam superviżorju, waqt li jitqiesu wkoll ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(c)

Għandhom isiru emendi addizzjonali sabiex jiġi żgurat li l-prinċipji u l-proċeduri li jirregolaw l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 ikunu kumpatibbli ma’ dawk li jirregolaw l-impożizzjoni mill-BĊE ta’ penali amministrattivi fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

III.   KUMMENTI DWAR L-ARTIKOLI

Artikolu 1 - Definizzjonijiet

Definizzjoni ta’ ħlasijiet ta’ penali perjodiċi.

Id-definizzjoni ta’ ħlasijiet ta’ penali perjodiċi għandha tiġi emendata għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, b’mod konformi ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni dwar din il-kwistjoni (6), għandu jiġi indikat b’mod ċar li l-BĊE jista’ juża ħlasijiet ta’ penali perjodiċi mhux biss biex jippenalizza ksur kontinwat, iżda wkoll biex iġiegħel lil impriżi biex jikkonformaw ma’ regolament jew deċiżjoni tal-BĊE. It-tieni nett, id-definizzjoni preżentament tirreferi għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 fir-rigward tan-notifika ta’ deċiżjoni li teħtieġ it-terminazzjoni ta’ ksur. Peress li proċedura differenti għat-teħid ta’ deċiżjoni għandha tapplika għal sanzjonijiet imposti fir-rigward tal-kompiti superviżorji tal-BĊE, referenza għal dik il-proċedura għandha tiżdied fid-definizzjoni.

Bħala riżultat, id-definizzjoni ta’ “sanzjonijiet” għandha tiġi emendata sabiex titħassar ir-referenza għal impożizzjoni ta’ ħlasijiet ta’ penali perjodiċi “bħala konsegwenza ta’ ksur”.

Artikolu 1a – Prinċipji ġenerali u kamp ta’ applikazzjoni

Waqt li r-Regolament (KE) Nru 2532/98 jistabbilixxi, b’mod konformi mal-Artikolu 34.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Bank Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-kundizzjonijiet li taħthom il-BĊE huwa intitolat li jimponi sanzjonijiet fuq impriżi li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi stipulati f’regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE, għandha tingħata l-konsiderazzjoni dovuta lir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, li jinkludi firxa wiesgħa ta’ dispożizzjonijiet li huma ta’ relevanza diretta għall-poteri tal-BĊE li jimponi penali amministrattivi relatati mal-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu. B’hekk, waqt li fil-prinċipju d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 japplikaw għal kwalunkwe sanzjoni li l-BĊE huwa intitolat li jimponi għal ksur ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 li jkunu f’kunflitt mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE għandhom jiġu diżapplikati jew emendati.

Il-BĊE għandu jkun intitolat li jippubblika kwalunkwe deċiżjoni biex tiġi imposta penali amministrattiva b’rabta mal-kompiti superviżorji tiegħu jew sanzjoni b’rabta mal-kompiti mhux superviżorji tiegħu, kemm jekk tali deċiżjoni tkun soġġetta għal appell jew le, sabiex id-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-BĊE jkunu soġġetti għall-istess reġim ta’ pubblikazzjoni. Il-BĊE għandu japplika l-liġi tal-Unjoni relevanti, irrispettivament minn kwalunkwe liġi jew regolament nazzjonali, fir-rigward ta’ tali pubblikazzjoni, u għandu għaldaqstant jikkunsidra l-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-grad ta’ severità tas-sanzjoni jew penali amministrattiva imposta, kif ukoll l-impatt tal-pubblikazzjoni fuq l-istabilità tas-sistema finanzjarja.

Artikolu 2 – Sanzjonijiet

L-Artikolu 2(4) jirreferi għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98, li ma għandhiex tapplika għall-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE. Għalhekk għandha tiżdied referenza għall-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni stabbilita fl-Artikolu 4b.

Artikolu 3 – Regoli proċedurali

Ir-referenza fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) għall-Bord Eżekuttiv bħala l-korp li għandu l-kompetenza biex jibda proċedura ta’ ksur għandha titħassar sabiex il-BĊE jkun jista’ jiddetermina, permezz ta’ regolament li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 6(2), liema korp intern għandu jwettaq l-investigazzjoni ta’ ksur allegat. Il-kompetenza biex jiġu adottati deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni għandha tibqa’ tal-Bord Eżekuttiv, soġġett għall-Artikolu 4b ġdid.

L-Artikolu 3(10) għandu jiġi emendat sabiex ma jirreferix biss għal kompiti fdati lis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, iżda wkoll għal kompiti fdati lill-BĊE skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(10) għandha tiġi emendata sabiex tirrifletti wkoll il-kompetenza superviżorja ġdida tal-BĊE.

Artikolu 4a – Regoli speċifiċi li jirrigwardaw il-limiti massimi tas-sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

Il-limitu massimu ta’ penali finanzjarji amministrattivi li l-BĊE jista’ jimponi taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għal ksur ta’ liġi tal-Unjoni applikabbli direttament jaqbeż bil-kbir dak li huwa permessibbli taħt ir-Regolament (KE) Nru 2532/98. Din id-differenza ma titqisx li hija ġustifikabbli peress li ksur ta’ regolament jew deċiżjoni tal-BĊE mhuwiex neċessarjament inqas serju minn ksur ta’ liġi tal-Unjoni applikabbli direttament. Għalhekk, il-penali amministrattivi kollha imposti mill-BĊE fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaqgħu taħt is-superviżjoni tiegħu fi ħdan l-MSU għandhom ikunu soġġetti għall-istess limiti massimi. Il-limitu massimu għal ħlasijiet ta’ penali perjodiċi imposti mill-BĊE fil-qasam superviżorju għandu jkun emendat ukoll b’mod konformi mad-dispożizzjoni preċedenti.

B’riżultat ta’ dan, l-Artikolu 2(1) ma għandux japplika għal penali amministrattivi imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu.

Artikolu 4b – Regoli proċedurali speċifiċi għal sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

L-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ separazzjoni, li permezz tiegħu l-kompiti mogħtija lill-BĊE mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għandhom jiġu eżerċitati separatament mill-kompiti tal-politika monetarja u kwalunkwe kompitu ieħor tal-BĊE. Skont dan l-artikolu, ir-Regolament (KE) Nru 2532/98 għandu jiġi emendat sabiex jipprovdi għal proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li tinvolvi lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, b’mod konformi mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi fil-qasam superviżorju. Dan ikun konformi wkoll mal-Prinċipji Essenzjali għal Superviżjoni Bankarja Effettiva tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (7) u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-awtoritajiet li jimponu sanzjonijiet fuq l-entitajiet huma wkoll dawk li jagħmlu superviżjoni tagħhom.

Deċiżjoni biex tiġi imposta penali amministrattiva meħuda mill-Kunsill Governattiv fil-qasam superviżorju tkun soġġetta għal rieżami mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, kif ipprovdut taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, jekk persuna fiżika jew ġuridika titlob rieżami ta’ tali deċiżjoni, kemm-il darba tkun indirizzata lil jew tkun ta’ tħassib dirett u individwali għal dik il-persuna. Konsegwentement, ir-Regolament (KE) Nru 2532/98 għandu jiġi emendat sabiex jipprovdi għal proċedura ta’ rieżami li tinvolvi lill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE, b’mod konformi mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi fil-qasam superviżorju.

Fid-dawl tal-preċedenti, l-Artikolu 3(1) sa (8) ma għandux japplika għal penali amministrattivi relatati mal-eżerċitar mill-BĊE tal-kompiti superviżorji tiegħu.

Artikolu 4c – Limiti ta’ żmien speċifiċi għal penali amministrattivi imposti fil-qasam superviżorju

Irriżulta li l-limiti ta’ żmien applikabbli għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ sanzjonijiet relatati mal-kompiti mhux superviżorji tal-BĊE jaħdmu sew, partikolarment minħabba s-sempliċità relattiva tal-investigazzjoni meħtieġa sabiex jiġi stabbilit jekk twettaqx ksur, eż. ksur tar-rekwiżiti ta’ riżerva minima, regoli dwar l-eliġibbiltà tal-kollateral, rekwiżiti ta’ rapportar statistiku, eċċ. Minħabba l-fatt li l-investigazzjonijiet ta’ ksur allegat fil-qasam superviżorju huma aktar kumplessi, is-setgħa li jiġu imposti u infurzati penali amministrattivi f’dak il-qasam għandha tkun soġġetta għal limiti ta’ żmien itwal minn dawk ipprovduti għal sanzjonijiet relatati ma’ kompiti mhux superviżorji. Dan huwa konformi wkoll mal-limiti ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Peress li l-penali amministrattivi kollha li l-BĊE jista’ jimponi fuq impriżi fil-qasam superviżorju għandhom ikunu soġġetti għall-istess limiti ta’ żmien, kemm jekk dawn il-penali amministrattivi jirreferu għal ksur ta’ deċiżjoni jew regolament tal-BĊE jew ksur ta’ liġi tal-Unjoni applikabbli direttament, il-limiti ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 4c għandhom japplikaw għal kull penali amministrattiva imposta mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu.

Is-sospensjoni u l-interruzzjoni ta’ dawn il-limiti ta’ żmien għandha tiġi rregolata kif meħtieġ, waqt li jitqies ukoll il-fatt li jista’ jkun hemm sovrapożizzjoni bejn il-proċeduri ta’ ksur fil-qasam superviżorju u investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali li jkunu bbażati fuq l-istess fatti.

Fid-dawl tal-preċedenti, l-Artikolu 4 ma għandux japplika għal penali amministrattivi relatati mal-eżerċitar mill-BĊE tal-kompiti superviżorji tiegħu.

Rakkomandazzjoni għal:

“REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2532/98 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 132(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 34.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Waqt li jaġixxi skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 129(4) tat-Trattat u fl-Artikolu 41 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2532/98 (8) jispeċifika, skont l-Artikolu 34.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ‘il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’), il-limiti u l-kundizzjonijiet li taħthom il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa intitolat li jimponi multi jew ħlasijiet ta’ penali perjodiċi fuq impriżi għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi taħt ir-regolamenti u deċiżjonijiet tiegħu.

(2)

Il-BĊE applika r-Regolament (KE) Nru 2532/98 biex jimponi sanzjonijiet f’diversi oqsma tal-kompetenza tiegħu, inkluż b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, it-tħaddim ta’ sistemi ta’ ħlas u l-ġbir ta’ informazzjoni statistika.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (9) jintitola lill-BĊE biex jimponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huwa jissorvelja: (a) penali finanzjarji amministrattivi meta dawn l-istituzzjonijiet jiksru xi rekwiżit skont il-liġi tal-Unjoni li hija applikabbli direttament; u (b) sanzjonijiet f’każ ta’ ksur ta’ regolament jew deċiżjoni tal-BĊE (minn hawn ‘il quddiem imsejħa konġuntament ‘penali amministrattivi’).

(4)

L-Artikolu 18(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprovdi li għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu b’dan ir-regolament, f’każ ta’ ksur ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE, il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 2532/98.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jinkludi firxa wiesgħa ta’ dispożizzjonijiet li huma rilevanti direttament għas-setgħat tal-BĊE li jimponi penali amministrattivi relatati mal-kompiti superviżorji tiegħu. F’dan ir-rigward, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 huma f’kunflitt mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu identifikati r-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 2532/98 li għandhom jiġu emendati sabiex jiġi stabbilit reġim koerenti li jirregola l-impożizzjoni ta’ penali mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji mogħtija lilu permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(6)

Il-BĊE għandu jippubblika deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji amministrattivi għal ksur ta’ liġi tal-Unjoni applikabbli direttament u sanzjonijiet għal ksur ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE, kemm fl-oqsma superviżorji kif ukoll mhux superviżorji, sakemm dik il-pubblikazzjoni ma tkunx sproporzjonata, meta jitqies il-grad ta’ severità tal-penali finanzjarja amministrattiva jew tas-sanzjoni imposta fuq impriża, jew tippreġudika l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

(7)

Il-limitu massimu ta’ multa li l-BĊE jista’ jimponi fuq impriża għal nuqqas ta’ konformità ma’ regolament jew deċiżjoni tal-BĊE fil-qasam superviżorju ma għandux ivarja mil-limitu massimu ta’ multa li l-BĊE jista’ jimponi fuq impriża għal ksur ta’ liġi tal-Unjoni applikabbli direttament, sabiex tiġi żgurata konsistenza fit-trattament ta’ ksur ugwalment serju. Il-multi kollha imposti mill-BĊE fil-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu għandhom għalhekk ikunu soġġetti għall-istess limiti massimi.

(8)

Il-BĊE għandu jkun jista’ jimponi ħlasijiet ta’ penali perjodiċi fuq impriżi sabiex iġiegħelhom jikkonformaw ma’ regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE fil-qasam superviżorju, jew sabiex itemm il-ksur kontinwat tagħhom. Il-limitu massimu ta’ ħlasijiet ta’ penali perjodiċi għandu jkun proporzjonat mal-limitu massimu ta’ multi applikabbli fil-qasam superviżorju.

(9)

L-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ separazzjoni, li permezz tiegħu l-BĊE jwettaq il-kompiti mogħtija lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 mingħajr preġudizzju għal u separatament mill-kompiti tal-politika monetarja u kwalunkwe kompitu ieħor. Sabiex jissaħħaħ dan il-prinċipju ta’ separazzjoni, ġie stabbilit Bord Superviżorju skont l-Artikolu 26 li, inter alia, huwa responsabbli għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE fil-qasam superviżorju. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 24 tiegħu, soġġetti għal reviżjoni mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami. Meta jitqies il-prinċipju ta’ separazzjoni u l-istabbiliment tal-Bord Superviżorju u tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, għandom japplikaw żewġ proċeduri distinti: (a) meta l-BĊE jikkontempla l-impożizzjoni ta’ penali amministrattiva fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu, għandhom jittieħdu deċiżjonijiet f’dan is-sens mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE fuq il-bażi ta’ abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni mill-Bord Superviżorju u soġġett għal rieżami mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami; u (b) meta l-BĊE jikkontempla l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fl-eżerċitar tal-kompiti mhux superviżorji tiegħu, deċiżjonijiet f’dan is-sens jittieħdu mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u soġġett għal rieżami mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE.

(10)

Minħabba l-kumplessità tal-investigazzjoni ta’ ksur fil-qasam superviżorju, is-setgħa li jiġu imposti u infurzati penali amministrattivi relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE għandha tkun soġġetta għal limiti ta’ żmien itwal minn dawk ipprovduti għal sanzjonijiet relatati mal-kompiti mhux superviżorji tal-BĊE. Is-sospensjoni u l-interruzzjoni ta’ dawn il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu rregolati kif meħtieġ, waqt li jitqies ukoll il-fatt li jista’ jkun hemm sovrapożizzjoni bejn il-proċeduri ta’ ksur fil-qasam superviżorju u investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali li jkunu bbażati fuq l-istess fatti.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 2532/98 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 2532/98 huwa emendat skont kif ġej:

1.

L-Artikolu 1huwa emendat kif ġej:

(a)

punt 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘“ħlasijiet ta penali perjodiċi” tfisser ammonti ta’ flus li, fil-każ ta’ ksur kontinwat, impriża tkun obbligata li tħallas jew bħala kastig, jew bil-għan li ġġiegħel lill-persuni kkonċernati biex jikkonformaw mar-regolamenti u deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE. Il-ħlasijiet ta’ penali perjodiċi għandhom jiġu kkalkulati għal kull jum ta’ ksur kontinwat (a) wara notifika lill-impriża ta’ deċiżjoni li teħtieġ it-terminazzjoni ta’ tali ksur skont il-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1); jew (b) meta l-ksur kontinwat jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas- superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (10) skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4b ta’ dan ir-Regolament;

(10)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.’"

(b)

punt 7 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘“sanzjonijiet” tfisser multi u ħlasijiet ta penali perjodiċi.’

2.

għandu jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

‘Artikolu 1a

Prinċipji ġenerali u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-impożizzjoni mill-BĊE ta’ sanzjonijiet fuq impriżi għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn deċiżjonijiet jew regolamenti tal-BĊE, ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor espressament.

2.   Ir-regoli li japplikaw għall-impożizzjoni mill-BĊE, fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu, ta’ penali finanzjarji amministrattivi għal ksur ta’ liġi tal-Unjoni applikabbli direttament u ta’ sanzjonijiet għal ksur ta’ regolamenti u deċiżjonijiet tal-BĊE (iktar ‘il quddiem imsejħa konġuntament “penali amministrattivi”) għandhom jidderogaw mir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 sal-punt stabbilit fl-Artikoli 4a sa 4c.

3.   Il-BĊE jista’ jippubblika kull deċiżjoni li timponi fuq impriża penali finanzjarji amministrattivi għal ksur ta’ liġi tal-Unjoni applikabbli direttament u sanzjonijiet għal ksur ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE, kemm fl-oqsma superviżorji u mhux superviżorji, kemm jekk tali deċiżjoni tkun ġiet appellata jew le. Il-BĊE għandu jwettaq tali pubblikazzjoni b’mod konformi mal-liġi tal-Unjoni relevanti, irrispettivament minn kwalunkwe liġi jew regolament nazzjonali u, fejn il-liġi tal-Unjoni relevanti tkun komposta minn Direttivi, minn kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi.’

3.

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit minn dan li ġej:

‘4.   Kull meta l-ksur jikkonsisti minn nuqqas li jitwettaq dmir, l-applikazzjoni ta sanzjoni ma għandhiex teżenta lill-impriża mit-twettiq tagħha, ħlief jekk id-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 3(4) jew l-Artikolu 4b tiddikjara l-kontra b’mod espliċitu.’;

4.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 hija ssostitwita minn dan li ġej:

‘Id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda jew le l-proċedura ta ksur għandha tittieħed mill-BĊE, huwa u jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq il-bażi ta’ mozzjoni f’dan is-sens indirizzata lilu mill-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkun seħħ il-ksur allegat’;

(b)

il-paragrafu 10 huwa ssostitwit minn dan li ġej:

‘Jekk ksur ikollu x’jaqsam esklużivament ma kompitu fdat lis-SEBĊ jew il-BĊE taħt it-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ, il-proċedura ta’ ksur għandha tinfetaħ biss fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament, irrispettivament mill-eżistenza ta’ xi liġi jew regolament nazzjonali li jistgħu jipprovdu għal proċedura separata. Jekk ksur ikollu x’jaqsam ukoll ma’ qasam wieħed jew iktar li mhumiex fil-kompetenza tas-SEBĊ jew tal-BĊE, id-dritt li tinfetaħ il-proċedura ta’ ksur fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament għandu jkun indipendenti minn kull dritt ta’ kull awtorità nazzjonali kompetenti li tiftaħ proċeduri separati dwar tali oqsma li mhumiex fil-kompetenza tas-SEBĊ jew il-BĊE. Din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali u tal-liġi nazzjonali li għandha x’taqsam ma’ kompetenzi superviżorji prudenzjali fi Stati Membri parteċipanti, skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.’

5.

għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 4a sa 4c li ġejjin:

‘Artikolu 4a

Regoli speċifiċi li jirrigwardaw il-limiti massimi tas-sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2(1), f’każ ta’ ksur relatat ma’ deċiżjonijiet u regolamenti adottati mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu, il-limiti li fi ħdanhom il-BĊE jista’ jimponi multi u ħlasijiet ta’ penali perjodiċi għandhom ikunu skont kif ġej.

(a)

Multi: il-limitu massimu għandu jkun id-doppju tal-ammont ta’ profitti miksuba jew telf evitat minħabba l-ksur meta dan ikun jista’ jiġi ddeterminat, jew 10 % tal-fatturat annwali totali tal-impriża.

(b)

Ħlasijiet ta’ penali perjodiċi: il-limitu massimu għandu jkun 5 % tal-fatturat medju ta’ kuljum għal kull jum tal-ksur. Ħlasijiet ta’ penali perjodiċi jistgħu jiġu imposti fir-rigward ta’ perjodu massimu ta’ sitt xhur mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas ta’ penali perjodiku.

2.   Għall-iskop tal-paragrafu 1: (a) “fatturat annwali” tfisser il-fatturat annwali ta’ persuna ġuridika, kif iddefinit fil-liġi tal-Unjoni relevanti, skont il-kontijiet finanzjarji annwali l-aktar reċenti li jkunu disponibbli ta’ dik il-persuna. Meta l-impriża tkun sussidjarja ta’ impriża parent, il-fatturat totali annwali relevanti għandu jkun il-fatturat totali annwali li jirriżulta mill-kontijiet finanzjarji annwali kkonsolidati l-aktar reċenti li jkunu disponibbli tal-impriża parent finali fil-grupp li jkun taħt is-superviżjoni tal-BĊE; (b) “fatturat medju ta’ kuljum” ifisser il-fatturat annwali, kif iddefinit taħt (a) iktar ‘il quddiem, diviż bi 365.

Artikolu 4b

Regoli proċedurali speċifiċi għal sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

1.   B’deroga mill-Artikolu 3(1) sa (8), ir-regoli stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal ksur relatat ma’ deċiżjonijiet u regolamenti adottati mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu.

2.   Wara li tkun twettqet il-proċedura ta’ ksur skont ir-regoli li għandhom jiġu stipulati mill-BĊE b’mod konformi mal-Artikolu 6(2), il-Bord Superviżorju għandu jipproponi lill-Kunsill Governattiv abbozz ta’ deċiżjoni sħiħ sabiex jimponi sanzjoni fuq l-impriża kkonċernata, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Qabel is-sottomissjoni mill-Bord Superviżorju ta’ abbozz ta’ deċiżjoni sħiħ lill-Kunsill Governattiv, għandha ssir seduta fir-rigward tal-ksur allegat tal-impriża.

3.   L-impriża kkonċernata għandha jkollha d-dritt li titlob rieżami mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tad-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Governattiv skont il-paragrafu 2, b’mod konformi mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 4c

Limiti ta’ żmien speċifiċi għal penali amministrattivi imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

1.   B’deroga mill-Artikolu 4, id-dritt li tittieħed deċiżjoni li tiġi imposta penali amministrattiva, fir-rigward ta’ ksur relatat ma’ atti relevanti tal-liġi tal-Unjoni li jkunu applikabbli direttament kif ukoll deċiżjonijiet u regolamenti adottati mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu, għandu jiskadi ħames snin wara li jkun seħħ il-ksur jew, fil-każ ta’ ksur kontinwat, ħames snin wara li jkun intemm il-ksur.

2.   Kull azzjoni meħuda mill-BĊE għall-finijiet tal-investigazzjoni jew proċeduri fir-rigward ta’ ksur għandha tikkawża l-interruzzjoni tal-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1. L-interruzzjoni tal-perjodu ta’ preskrizzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data meta l-azzjoni tiġi nnotifikata lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata. Kull interruzzjoni għandha tikkawża li l-limitu ta’ żmien jerġa’ jibda mill-ġdid. Madankollu, il-limitu ta’ żmien ma għandux jeċċedi perjodu ta’ għaxar snin wara li jkun seħħ il-ksur jew, fil-każ ta’ ksur kontinwat, għaxar snin wara li jkun waqaf il-ksur.

3.   Il-limiti ta’ żmien deskritti fil-paragrafi preċedenti jistgħu jiġu estiżi jekk: (a) deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tkun soġġetta għal reviżjoni quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jew proċedimenti ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jew (b) proċeduri kriminali jkunu pendenti kontra l-impriża kkonċernata b’rabta mal-istess fatti. F’każ bħal dan, il-limiti ta’ żmien deskritti fil-paragrafi preċedenti għandhom jiġu estiżi għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ sabiex isir rieżami tad-deċiżjoni mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jew mill-Qorti tal-Ġustizzjajew sakemm jiġu konklużi l-proċeduri kriminali kontra l-impriża kkonċernata.

4.   Kull azzjoni tal-BĊE li tkun ddisinjata biex tinforza l-ħlas jew it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħlas taħt il-penali amministrattiva imposta għandha tikkawża l-interruzzjoni tal-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar. Id-dritt tal-BĊE li jinforza deċiżjoni għall-impożizzjoni ta’ penali amministrattiva għandu jiskadi ħames snin wara li tkun ittieħdet tali deċiżjoni. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali amministrattivi għandu jkun sospiż:

(a)

Sakemm tkun għaddiet l-iskadenza għall-ħlas tal-penali amministrattiva imposta;

(b)

jekk l-infurzar ta’ ħlas tal-penali amministrattiva imposta jkun sospiż skont deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv jew tal-Qorti tal-Ġustizzja.’

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi [data].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha b’konformità mat-Trattat.”

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ April 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4) Il-Bank Ċentrali Ewropew kien issottometta qabel lill-Kunsill ir-Rakkomandazzjoni tiegħu BĊE/1998/9 għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU C 246, 6.8.1998, p. 9).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(3)  Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(4)  Artikolu 18(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(5)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Ir-Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17. (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(6)  Ara eż. it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 946/2012 tat-12 ta’ Lulju 2012 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura dwar multi imposti fuq l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq inklużi regoli dwar id-dritt tad-difiża u dispożizzjonijiet temporali (ĠU L 282, 16.10.2012, p. 23); l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1); Artikolu 16(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 646/2012 tas-16 ta’ Lulju 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar multi u ħlasijiet penali perjodiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 29); Artikolu 36(b)(1) tar-Regolament (UE) Nru 513/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 145, 31.5.2011, p. 30); Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008,p. 1); Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1); Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(7)  Ara l-Prinċipju 1, u b’mod partikolari l-Kriterju Essenzjali 6(b), u l-Prinċipju 11, u b’mod partikolari l-Kriterju Essenzjali 7 tal-Prinċipji Bażiċi għal Superviżjoni Bankarja Effettiva tal-Kumitat ta’ Basel dwar Superviżjoni Bankarja, Settembru 2012, li t-tnejn li huma jeħtieġu sistema effettiva ta’ superviżjoni bankarja sabiex ikun hemm responsabbiltajiet u objettivi ċari għal kull awtorità involuta fis-superviżjoni ta’ banek u gruppi bankarji, inkluża s-setgħa għas-superviżur li jimponi firxa ta’ sanzjonijiet, u jeħtieġu wkoll li s-superviżur ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu firxa adegwata ta’ għodod superviżorji sabiex jittieħdu azzjonijiet korrettivi f’waqthom, inkluża l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq banek. Disponibbli fuq il-websajt tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali fuq www.bis.org.

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4).

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).


Top