EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017O0038

Linja Gwida (UE) 2017/2335 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Novembru 2017 dwar il-proċeduri għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2017/38)

OJ L 333, 15.12.2017, p. 66–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/04/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2017/2335/oj

15.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/66


LINJA GWIDA (UE) 2017/2335 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta' Novembru 2017

dwar il-proċeduri għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2017/38)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 127(2) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 5.1, 12.1 u 14.3 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) qiegħda tistabbilixxi database komuni fuq kreditu analitiku granulari (iktar 'il quddiem l-“AnaCredit”) li tinkludi dejta ta' kreditu mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro. L-AnaCredit se tappoġġja lill-Eurosistema, is-SEBĊ u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, inklużi analiżi tal-politika monetarja u operazzjonijiet ta' politika monetarja, l-immaniġġjar tar-riskju, is-sorveljanza ta' stabbiltà finanzjarja kif ukoll politika u riċerka makroprudenzjali, u s-superviżjoni bankarja.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/13) (1) jipprovdi li aġenti li jirrapportaw li jkunu residenti fi Stat Membru li jirrapporta għandhom jirrapportaw dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti lill-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) ta' dak l-Istat Membru. Il-BĊNi tal-Istati Membri li jirrapportaw huma meħtieġa jibagħtu din id-dejta lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu ddefiniti l-proċeduri għal trażmissjonijiet bħal dawn skont ir-rekwiżiti taħt ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13). B'mod partikolari, huwa neċessarju li l-BĊNi jipprovdu dejta ta' referenza tal-kontroparti, u fejn applikabbli, jirreġistraw kontropartijiet fid-Database tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (RIAD), ir-repożitorju ċentrali li jżomm attributi dwar unitajiet organizzattivi individwali kif ukoll diversi tipi ta' relazzjonijiet bejniethom li, inter alia, jippermettu d-derivazzjoni tal-istrutturi tal-grupp b'referenza għal definizzjonijiet differenti fir-RIAD, b'mod tempestiv.

(3)

Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu allokati b'mod ċar ir-responsabbiltajiet tal-BĊNi għar-rapportar lill-BĊE ta' dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti ta' aġenti osservati li qed jirrapportaw friegħi barranin ta' Stati Membri, sabiex jiffaċilitaw it-tnaqqis ta' rapportar doppju u b'hekk jiġi żgurat li proċeduri statistiċi effettivi u effiċjenti jiġu implimentati fil-katina tal-produzzjoni statistika.

(4)

L-AnaCredit tista' tinkludi wkoll dejta ta' kreditu minn Stati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro, imma li jiddeċiedu li jsiru Stat Membru li jirrapporta billi jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) fil-liġi nazzjonali tagħhom jew inkella jimponu rekwiżiti rilevanti ta' rapportar skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Dawk l-Istati Membri jistgħu jinkorporaw wkoll id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida fil-liġi nazzjonali tagħhom jew jimplimentaw miżuri bis-saħħa tal-liġi nazzjonali tagħhom biex jiżguraw li jissodisfaw l-obbligi applikabbli biex jittrażmettu d-dejta lill-BĊE b'mod armonizzat.

(5)

Bis-saħħa tal-Artikolu 24 tal-Linja Gwida BĊE/2014/15 (2), il-BĊNi jikkomunikaw u jżommu d-dejta ta' referenza kollha li tiddeskrivi unitajiet istituzzjonali jew unitajiet legali, fejn applikabbli, li huma meħtieġa għal skopijiet statistiċi permezz tar-RIAD. Id-dejta tar-RIAD tintuża wkoll biex tħejji listi uffiċjali ta' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MFIs), fondi ta' investiment, korporazzjonijiet ta' vetturi finanzjarji, istituzzjonijiet ta' statistika ta' ħlas rilevanti u korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni.

(6)

RIAD għandu jkun ir-repożitorju tad-dejta ta' referenza dwar il-kontropartijiet kollha definiti fir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13). L-identifikazzjoni unika tal-kontropartijiet kollha hija prerekwiżit għall-funzjonament korrett tal-Anacredit.

(7)

Huwa meħtieġ li jiġi definit l-ambitu tad-dejta li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), li bis-saħħa tagħha l-BĊNi jistgħu jistabbilixxu ċirkwiti ta' feedback jew jarrikkixxu ċirkwiti ta' feedback lil aġenti li jirrapportaw li jużaw subsett ta' dejta ta' kreditu miġbur taħt dak ir- Regolament. Dawk iċ-ċirkwiti ta' feedback jgħinu biex jipprovdu lill-aġenti li jirrapportaw b'bażi usa' għall-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja tagħhom, b'mod partikolari ta' debituri transkonfinali, kif ukoll biex itejbu l-immaniġġjar tar-riskju ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ta' selliefa oħra. Ċirkwit ta' feedback jista' jsaħħaħ il-kontribuzzjoni tas-SEBĊ għas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

(8)

Il-BĊE, b'kollaborazzjoni mal-BĊNi tal-Istati Membri li jirrapportaw, għandu jistabbilixxi, fi stadju sussegwenti, qafas legali li jistabbilixxi dettalji dwar l-ambitu u l-implimentazzjoni tal-linji tal-feedback. Dan il-qafas legali m'għandux jipprevjeni lill-BĊNi milli jiskambjaw dejta ta' referenza tal-kontroparti mal-aġenti li jirrapportaw rispettivi tag]hom, jekk dan jitqies neċessarju biex jittejbu l-effiċjenza u l-konsistenza tal-proċedura ta' rapportar u biex isir kontribut għal kwalità aħjar tad-dejta ta' referenza tal-kontroparti maħżuna fir-RIAD.

(9)

Huwa neċessarju li tiġi stabbilita proċedura biex isiru emendi tekniċi fl-annessi ta' dan il-Linja Gwida b'mod effettiv, iżda dawn la għandhom jibdlu l-qafas kunċettwali sottostanti u lanqas ma għandhom jaffettwaw il-piż ta' rapportar. Meta din il-proċedura tiġi segwita, għandhom jitqiesu l-fehmiet tal-Kumitat tal-Istatistika tas-SEBĊ (iktar 'il quddiem l-“STC”). Il-BĊNi u Kumitati oħra tas-SEBĊ jistgħu jipproponu emendi tekniċi bħal dawn fl-annessi permezz tal-STC.

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din il-Linja Gwida tipprovdi dettalji dwar l-obbligi tal-BĊNi li jittrażmettu dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti miġbura skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) lill-BĊE, inklużi r-responsabbiltajiet tal-BĊNi biex jirreġistraw kontropartijiet fir-RIAD, u dwar il-proċeduri għat-trażmissjoni ta' dik id-dejta.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

It-termini użati f'din il-Linja Gwida għandhom l-istess tifsira bħal dawk iddefiniti fir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).

Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“dejta ta' kreditu” tfisser mikrodejta dwar il-kreditu u dejta tar-riskju tal-kreditu;

(2)

“'fergħa barranija ta' Stat Membru li jirrapporta” jew “fergħa barranija RMS” tfisser fergħa barranija residenti fi Stat Membru li jirrapporta li hija parti legalment dipendenti ta' istituzzjoni ta' kreditu residenti fi Stat Membru ieħor li jirrapporta;

(3)

“uffiċju prinċipali ta' impriża” tfisser l-entità legali li tagħha fergħa barranija hija parti legalment dipendenti;

(4)

“BĊN domestiku” tfisser il-BĊN tal-Istat Membru li jirrapporta fejn hija residenti l-istituzzjoni ta' kreditu li tagħha fergħa barranija hija parti legalment dipendenti;

(5)

“BĊN ospitanti” tfisser il-BĊN tal-Istat Membru li jirrapporta fejn l-aġent li jirrapporta huwa residenti;

(6)

“Kodiċi RIAD” tfisser l-identifikatur uniku tal-kontroparti għall-kontropartijiet kollha meta rraportat mill-BĊNi lill-BĊE;

(7)

“BĊN kompetenti” tfisser, għall-iskop tad-definizzjoni ta' rwoli u responsabbiltajiet fil-qasam tad-dejta ta' referenza tal-kontroparti, il-BĊN tal-Istat Membru li jirrapporta fejn hija residenti l-kontroparti. Il-BĊE għandu jiġi kkunsidrat bħala l-BĊN kompetenti għal dawk il-kontropartijiet li mhumiex residenti fi Stat Membru li jirrapporta;

(8)

“BĊN li joriġina” tfisser, għall-iskop tad-definizzjoni ta' rwoli u responsabbiltajiet fil-qasam tad-dejta ta' referenza tal-kontroparti, il-BĊN tal-Istat Membru li jirrapporta lill-BĊE dejta ta' referenza dwar kontropartijiet residenti fi Stat Membru differenti;

(9)

“dejta output” tfisser dejta maħluqa mill-BĊE fl-ambitu ta' dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti;

(10)

“Immaniġġjar tal-Kwalità tad-Dejta” jew “DQM” tfisser li tiġi żgurata, ivverifikata u miżmuma l-kwalità ta' dejta output permezz tal-użu u l-applikazzjoni ta' miri tad-DQM, metriċi tad-DQM u limiti tad-DQM;

(11)

“mira tad-DQM” tfisser kriterju ta' referenza għall-valutazzjoni tal-kwalità ta' dejta output;

(12)

“metrika tad-DQM” tfisser indikatur statistiku li jkejjel il-livell li fih tkun waslet ċertu mira tad-DQM;

(13)

“limitu tad-DQM” tfisser il-livell minimu ta' xogħol ta' verifika li jrid isir sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-qafas tad-DQM għal mira tad-DQM;

KAPITOLU II

L-OBBLIGI TA' RAPPORTAR TAL-BĊNi GĦAD-DEJTA TA' KREDITU U D-DEJTA TA' REFERENZA TAL-KONTROPARTI

Artikolu 3

Obbligi ġenerali ta' rapportar tal-BĊNi għal dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti

Il-BĊNi għandhom jikkompilaw u jirrapportaw lill-BĊE dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti skont l-iskemi stabbiliti fl-Annessi I sa IV tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), bla ħsara għad-drittijiet tal-BĊNi li jagħtu derogi jew biex jippermettu frekwenza ta' rapportar imnaqqsa skont l-Artikolu 16 ta'dak ir-Regolament.

Artikolu 4

Obbligi ta' rapportar speċifiċi tal-BĊNi, frekwenza u tempestività

1.   Il-BĊNi għandhom jittrażmettu lill-BĊE dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti miġbura skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), kif speċifikat fl-Artikolu 13(4) sa (8) ta' dak ir-Regolament.

2.   Il-BĊNi għandhom jidentifikaw kull attribut ta' dejta ta' kreditu li huwa:

(a)

mhux applikabbli: dan ifisser attribut tad-dejta li ma japplikax għall-istrument, il-protezzjoni jew il-kontroparti li jirreferi għalih; jew

(b)

mhux meħtieġ: dan ifisser attribut tad-dejta li jew huwa speċifikat espliċitament bħala informazzjoni li mhix meħtieġa li tiġi rrapportata skont ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), jew li l-BĊN ddeċieda li ma li jiġborx skont dak ir-Regolament.

3.   Il-BĊNi għandhom jiżguraw li, għal kull data ta' referenza ta' rapportar, il-kontropartijiet rilevanti kollha jkunu rreġistrati fir-RIAD u jkollhom dejta ta' referenza tal-kontroparti li huma validi f'dik id-data ta' referenza ta' rapportar. Għalkemm l-istess data ta' trażmissjoni tapplika kemm għad-dejta ta' kreditu kif ukoll għad-dejta ta' referenza tal-kontroparti skont l-Artikolu 13(8) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), il-BĊNi għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jipprovdu dejta ta' referenza tal-kontroparti u, fejn ikun applikabbli, jirreġistraw il-kontroparti fir-RIAD, mill-inqas ġurnata qabel ma tiġi trażmessa d-dejta tal-kreditu rilevanti.

Artikolu 5

Popolazzjoni attwali li tirrapporta

1.   Il-BĊNi għandhom jidentifikaw u jirrevedu l-popolazzjoni attwali li tirrapporta fuq il-bażi ta':

(a)

id-definizzjoni ta' “popolazzjoni attwali li tirrapporta” fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13);

(b)

id-derogi mogħtija mill-BĊN skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), meta jitqies l-ammont totali pendenti ta' self lis-setturi kollha kif irrapportat lill-BĊNi għal tmiem Diċembru tas-sena kalendarja skont ir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/33) (3);

(c)

l-informazzjoni pprovduta mill-aġenti li jirrapportaw lill-BĊN dwar kwalunkwe fużjoni, diviżjoni jew organizzazzjoni mill-ġdid li tista' taffettwa t-twettiq tal-obbligi statistiċi tagħhom;

(d)

kwalunkwe arranġament magħmul bejn il-BĊNi rilevanti bil-għan li jiġi evitat rapportar doppju għal friegħi barranin skont l-Artikoli 6(3) u 16(3) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13);

(e)

kwalunkwe arranġament magħmul bejn il-BĊNi rilevanti għall-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet fir-rigward ta' friegħi barranin RMS skont l-Artikolu 6 ta' din il-Linja Gwida.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-inklużjoni fil-popolazzjoni attwali li tirrapporta ta' aġenti li jirrapportaw ġodda stabbiliti fl-Istati Membri li jirrapportaw wara l-ewwel rapportar taħt ir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), il-BĊNi għandhom jivverifikaw it-twettiq tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 ta' dak ir-Regolament għall-għoti jew l-irtirar ta' kwalunkwe deroga. Il-BĊNi għandhom iwettqu dan l-eżerċizzju fl-ewwel trimestru ta' kull sena, fuq il-bażi ta-istatus tal-popolazzjoni attwali li tirrapporta fix-xahar ta' Diċembru tas-sena ta' qabel. Il-BĊNi jistgħu jiddeċiedu li jipposponu dan l-eżerċizzju sal-ewwel trimestru tal-2021.

3.   Il-BĊNi għandhom jiżguraw li għal kull data ta' referenza tar-rapportar il-kontropartijiet li ġejjin ikunu rreġistrati fir-RIAD:

(a)

aġenti li jirrapportaw skont il-punt 8 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), residenti fl-istess Stat Membru li jirrapporta bħall-BĊN;

(b)

aġenti osservati li huma friegħi barranin ta' aġenti ta' rapportar kif imsemmi fil-punt (a) skont il-punt 9 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13);

(c)

uffiċċju prinċipali ta' impriżi ta' aġenti osservati kif imsemmi fil-punt (b).

Il-BĊNi għandhom jirreġistraw dawn il-kontropartijiet hekk kif jilħqu l-kriterji biex isiru: (i) aġent li jirrapporta, (ii) aġent osservat, jew (iii) uffiċċju prinċipali ta' impriża ta' aġent osservat, u dejjem qabel l-ewwel rapportar tad-data ta' referenza li wara jissodisfaw il-kriterji biex isiru kontropartijiet bħal dawn.

4.   Il-BĊNi għandhom jiżguraw li għal kull data ta' referenza ta' rapportar l-informazzjoni li ġejja tkun irreġistrata fir-RIAD għal kull aġent osservat:

(a)

ir-relazzjoni bejn l-aġent osservat u l-entità legali li tagħha l-aġent osservat huwa parti;

(b)

id-data ta' referenza li fiha l-aġenti osservati għandhom jirrapportaw informazzjoni lill- AnaCredit;

(c)

kwalunkwe deroga li tapplika, billi tindika jekk:

(i)

ingħatatx deroga skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13);

(ii)

deroga tkoprix uħud mir-rekwiżiti ta' rapportar jew kollha kemm huma kif definiti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); jew

(iii)

ingħatatx deroga lil friegħi barranin bis-saħħa ta' arranġament magħmul bejn il-BĊNi rilevanti biex jiġi evitat rapportar doppju skont l-Artikoli 6(3) u 16(3) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13);

(d)

konferma dwar jekk il-BĊN iddeċidiex li ma jiġborx informazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13);

(e)

konferma dwar jekk japplikax l-obbligu li tiġi rrapportata dejta ta' kreditu fuq bażi trimestrali skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); u

(f)

konferma dwar jekk l-aġent osservat għandux jirrapporta d-dejta tar-riskju tal-kontroparti biss fuq bażi trimestrali skont il-Mudell 2 tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).

5.   Il-BĊN domestiku għandu jirreġistra fir-RIAD id-deċiżjoni li ma jiġborx, jew jiġbor biss parti, mill-attributi ta' dejta elenkati fil-Mudell 1 tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) ta' fergħa barranija mill-entità legali li tagħha hija parti, meta strumenti bħal dawn huma miżmuma jew jiġu servuti minn fergħa barranija residenti fi Stat Membru ieħor li jirrapporta skont l-Artikolu 6(3)(a) ta' dak ir-Regolament.

6.   Il-BĊN ospitanti għandu jirreġistra fir-RIAD id-deċiżjoni li ma jiġborx, jew li jiġbor biss parti, mill-attributi ta' dejta elenkati fil-Mudell 2 tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) ta' fergħa barranija li hija parti minn entità legali residenti fi Stat Membru ieħor li jirrapporta skont l-Artikolu 6(3)(b) ta' dak ir-Regolament.

7.   Il-BĊN rilevanti għandu jinforma lill-BĊE bil-proċeduri li huma ppjanati skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' rapportar statistiku stabbiliti f'dak ir-Regolament fil-każ ta' fużjoni, diviżjoni jew organizzazzjoni mill-ġdid li tinvolvi aġent li jirrapporta wieħed jew iktar li jistgħu jaffettwaw it-twettiq tar-rekwiżiti ta' rapportar tal-aġenti li jirrapportaw.

Artikolu 6

Allokazzjoni ta' responsabbiltajiet għal friegħi barranin RMS

1.   Fejn kemm entità legali kif ukoll kwalunkwe l-fergħa barranija tagħha jkunu residenti fi Stati Membri differenti ta' rapportar, il-BĊNi għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jevitaw rapportar doppju tal-istess dejta skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) billi jikkoordinaw il-ġbir tagħhom tal-attributi tad-dejta elenkati fil-Mudelli 1 u 2 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament mill-aġent li jirrapporta rispettiv u l-friegħi barranin tiegħu.

2.   L-Anness II ta' din il-Linja Gwida jiddefinixxi l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet għall-BĊN li jirrapportaw dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti ta' friegħi barranin RMS lill-BĊE, wara li jitqiesu d-derogi mogħtija lill-aġenti li jirrapportaw.

3.   Il-BĊN domestiku u l-BĊN ospitanti involuti fil-ġbir ta' dejta minn fergħa barranija RMS jistgħu jaqblu dwar allokazzjoni differenti ta' responsabbiltajiet għar-rapportar ta' dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti lill-BĊE li tegħleb l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Anness II għal din il-Linja Gwida, bla ħsara għall-paragrafu 4. Skont kwalunkwe arranġament bħal dan, il-BĊN domestiku jew il-BĊN ospitanti għandhom jinfurmaw lill-BĊE u jirreġistraw fir-RIAD l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-BĊN responsabbli għat-trażmissjoni lill-BĊE tal-informazzjoni stabbilita fil-Mudell 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); u

(b)

il-BĊN responsabbli għat-trażmissjoni lill-BĊE tal-informazzjoni stabbilita fil-Mudell 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).

Iż-żewġ BĊNi għandhom jirreġistraw fir-RIAD id-dejta ta' referenza tal-kontroparti korrispondenti.

4.   L-arranġament biex titwarrab l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet għat-trażmissjoni tal-Mudelli 1 u 2 tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) ma jistax jirriżulta fit-trażmissjoni ta' inqas dejta ta' kreditu lill-BĊE meta mqabbel mal-arranġament speċifikat fl-Anness II, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni ta' BĊN li ma jiġborx attributi speċifiċi ta' dejta skont l-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament.

5.   Jekk ikun hemm arranġament bejn żewġ BĊNi rilevanti skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) li jwassal biex wieħed biss minnhom jiġbor u jittrażmetti d-dejta kollha (Mudelli 1 u 2) minn fergħa barranija ta' RMS lill-BĊE, allura:

(a)

il-BĊN li ma jittrażmettix dejta lill-BĊE jista' jiddeċiedi li ma jiġbor ebda dejta minn din il-fergħa barranija ta' RMS skont l-Artikoli 8(5) u 16(3) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) biex jiġi evitat rapportar doppju; u

(b)

il-BĊE għandu jibgħat id-dejta trażmessa b'rabta mal-fergħa barranija tal-RMS lill-BĊN li ma jittrażmettix dejta lill-BĊE għall-użu skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tranżitorji dwar it-trażmissjoni ta' dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti

1.   Fejn il-BĊNi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) biex jipposponu l-ewwel trażmissjoni lill-BĊE ta' dejta ta' kreditu relatata mad-dati ta' referenza ta' rapportar kollha qabel l-1 ta' Frar 2019, l-ewwel trażmissjoni għandha sseħħ mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu 2019.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), jekk BĊN jagħmel użu mid-dispożizzjoni tranżitorja għal dejta ta' kreditu msemmija fil-paragrafu 1, jista' jipposponi l-ewwel trażmissjoni lill-BĊE ta' dejta ta' referenza tal-kontroparti kemm-il darba jibgħat din id-dejta lill-BĊE sitt xhur qabel l-ewwel rapportar ta' dejta ta' kreditu, u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard mit-30 ta' Settembru 2018.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), il-BĊNi għandhom jirreġistraw fir-RIAD id-deċiżjoni tagħhom li jipposponu l-ewwel trażmissjoni ta' dejta ta' kreditu lill-BĊE sat-30 ta' Ġunju 2018. Tali informazzjoni tista' tiġi aġġornata qabel l-ewwel rapportar ta' dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti, fil-każ li l-BĊNi jkollhom bżonn jipposponu l-ewwel trażmissjoni.

4.   Fir-rigward tal-ewwel rapportar ta' dejta ta' kreditu ta' kull xahar u dik trimestrali, il-BĊN għandhom jinfurmaw lill-BĊE sal-31 ta' Marzu 2018 dwar il-popolazzjoni li tirrapporta attwali magħżula rispettiva tagħhom, billi jirreġistraw din l-informazzjoni fir-RIAD.

KAPITOLU III

OBBLIGI TA' RAPPORTAR SPEĊIFIĊI RELATATI MA' DEJTA TA' REFERENZA TA' KONTROPARTI FIR-RIAD

Artikolu 8

Identifikazzjoni tal-kontropartijiet fir-RIAD

1.   Il-BĊNi għandhom jidentifikaw kull kontroparti li jirrapportaw d-dejta tagħha, kemm jekk tkun residenti kif ukoll jekk le, bil-kodiċi uniku RIAD tagħha, wara li jitqiesu l-kundizzjonijiet stabbiliti f'din il-Linja Gwida.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jidentifikaw b'mod korrett il-kontropartijiet rilevanti fir-RIAD u jirreferu għal dawn il-kontropartijiet, irrispettivament mill-pajjiż ta' residenza tagħhom, permezz tal-kodiċi rispettiv RIAD. Dan għandu japplika wkoll meta BĊN juża biss il-Mudell 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) biex jiġbor u jittrażmetti d-dejta ta' kreditu tal-BĊE u d-dejta ta' referenza tal-kontroparti f'każijiet fejn BĊN ieħor juża l-Mudell 1 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament għall-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta fir-rigward tal-istess kontroparti, u meta jingħataw derogi parzjali lill-aġenti ta' rapportar.

3.   Il-BĊNi għandhom jużaw il-kodiċijiet RIAD korretti biex jirreferu għall-kontropartijiet kollha b'mod konsistenti matul iż-żmien, u għandhom jaġġornawhom b'mod f'waqtu jekk ikun hemm bidliet, bħal meta jintervjeni l-BĊN kompetenti biex jissostitwixxi kodiċi temporanju b'kodiċi RIAD uffiċjali.

4.   Il-BĊN jistgħu jeħtieġu li aġenti li jirrapurtaw jużaw sett speċifiku ta' identifikaturi tal-kontroparti. L-Anness IV għar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) jipprovdi li l-BĊN relevanti jista' jippermetti aġenti ta' rapportar biex jużaw identifikatur tal-kontroparti speċifiku għal aġent li jirrapporta biex jirreferi għal kontropartijiet għat-trażmissjoni primarja. F'dan il-każ, il-BĊN li juża l-Mudell 1 tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) biex jiġbor dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti għandu joħloq mappings bejn id-diversi identifikaturi tal-kontroparti użati minn aġenti li jirrapportaw biex jirreferu għall-istess kontroparti u l-kodiċi RIAD korrispondenti, li għandhom jintużaw għat-trażmissjoni sekondarja.

5.   Il-BĊNi għandhom jiżguraw li l-kontropartijiet kollha marbuta ma' strumenti rrapportati lill-AnaCredit, irrispettivament mir-rwol u tal-pajjiż ta' residenza tal-kontroparti nnifisha, ikunu rreġistrati fir-RIAD fid-data rilevanti ta' referenza tar-rapportar. Il-BĊNi għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jirreġistraw kontroparti ġdida fir-RIAD ta' mill-inqas ġurnata qabel jittrażmettu lill-BĊE d-dejta ta' kreditu dwar strumenti li magħhom hija marbuta l-kontroparti.

Artikolu 9

Trażmissjoni ta' dejta ta' referenza tal-kontroparti lil RIAD

1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE dejta ta' referenza tal-kontroparti skont is-sett tad-dejta ta' referenza tal-kontroparti fil-Mudell 1 tal-Anness I u fit-Tabelli 2 u 3 tal-Anness III għar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).

2.   Il-BĊNi jistgħu jiksbu dejta ta' referenza tal-kontroparti, inklużi identifikaturi, minn aġenti ta' rapportar rispettivi jew permezz ta' memoranda ta' ftehim li jkunu daħlu fihom ma' istituti statistiċi nazzjonali, awtoritajiet nazzjonali kompetenti u istituzzjonijiet nazzjonali oħra, sakemm dik l-informazzjoni tista' tintuża għall-finijiet iddefiniti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (4).

3.   Il-BĊNi għandhom jaġġornaw id-dejta ta' referenza tal-kontroparti li jittrażmettu lill-BĊE hekk kif isiru jafu bil-bidla f'attribut wieħed jew iktar tad-dejta. Dan japplika kemm għal kontropartijiet residenti kif ukoll għal kontropartijiet mhux residenti.

4.   Għalkemm il-BĊNi jistgħu jiddeċiedu li ma jiġbrux ċerti attributi ta' dejta ta' referenza tal-kontroparti minn aġenti li jirrapportaw individwali, eż. meta l-attribut huwa mmarkat “N” fit-Tabelli 2 u 3 tal-Anness III għar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), il-BĊNi għandhom dejjem jirrapportaw lir-RIAD, irrispettivament mir-rwol u tal-pajjiż ta' residenza tal-kontroparti nnifisha, Identifikatur tal-Entità Legali (LEI). Jekk l-ebda LEI ma jkun ġie assenjat lill-kontroparti, il-BĊNi għandhom jirrapportaw identifikatur nazzjonali mil-lista ta' identifikaturi nazzjonali ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE bħala anness mal-Manwal tar-Rapportar tal-Anacredit.

5.   Minbarra l-identifikaturi obbligatorji tal-entitajiet meħtieġa mir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), il-BĊNi għandhom jirrapportaw lil RIAD kwalunkwe identifikatur nazzjonali ieħor disponibbli għal kontroparti partikolari, iżda din l-informazzjoni għandha tkun tista' tintuża skont ir-reġim ta' kunfidenzjalità stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2533/98.

6.   Il-BĊN m'għandhomx ikunu meħtieġa jirrapportaw kwalunkwe informazzjoni ta' referenza tal-kontroparti lil RIAD jekk il-kontroparti tkun inkluża fil-lista ta' organizzazzjonijiet internazzjonali ppubblikata fuq il-websajt tal-BĊE bħala anness mal-Manwal ta' Rapportar AnaCredit u aġġornat regolarment mill-BĊE b'kooperazzjoni mal-BĊN. F'dawk il-każijiet, il-BĊNi għandhom jużaw biss il-kodiċi RIAD korrett biex jidentifikaw l-organizzazzjoni internazzjonali fit-trażmissjoni ta' dejta ta' kreditu lill-BĊE. Dan għandu japplika wkoll għal kontropartijiet fil-lista ta' MFIs, ħlief fejn il-kontroparti qed taġixxi bħala debitur, f'liema każ il-BĊNi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali ta' rapportar għal dejta ta' referenza tal-kontroparti.

Artikolu 10

Ir-responsabbiltà tal-BĊN għall-identifikazzjoni tal-kontropartijiet residenti rreġistrati fir-RIAD

1.   Il-BĊNi għandhom ikunu responsabbli għall-identifikazzjoni unika tal-kontropartijiet residenti kollha fir-RIAD u għandhom jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jevitaw li żewġ rekords distinti jew iktar fir-RIAD jirreferu għall-istess kontroparti residenti.

2.   Informazzjoni dettaljata dwar il-passi li għandhom jieħdu l-BĊNi biex jiżguraw l-identifikazzjoni unika tal-kontropartijiet fir-RIAD u l-ġestjoni tad-dejta ta' referenza tagħhom tingħata fl-Anness I.

3.   Ladarba kontroparti residenti tkun ġiet irreġistrata fir-RIAD b'kodiċi RIAD temporanju, il-BĊN kompetenti għandu jevalwa, sal-aħħar ġurnata tax-xogħol tat-tieni xahar wara d-data li fiha jkun irċieva l-lista ta' duplikati potenzjali mis-servizz ċentrali ta' identifikazzjoni, l-iktar tard, kemm jekk il-kontroparti temporanja ġdida hija duplikata ta' kontroparti residenti eżistenti jew inkella kontroparti ġenwinament ġdida. Fl-ewwel każ, jiġifieri fejn hemm qbil, il-BĊN kompetenti għandu jagħżel il-qbil preferut mil-lista proposta, u b'hekk jinvalida (“jiffriża”) il-kontroparti temporanja ġdida favur il-kontroparti residenti eżistenti korrispondenti (kontroparti “ħajja”). Fil-każ tal-aħħar, jiġifieri fejn m'hemmx qbil, il-BĊN kompetenti għandu jassenja kodiċi uffiċjali tar-RIAD lill-kontroparti temporanja l-ġdida.

4.   Fir-riżoluzzjoni ta' duplikazzjoni, il-BĊNi għandhom l-ewwel jindirizzaw dawk il-każijiet li jinvolvu kontropartijiet residenti temporanji ġodda bl-ikbar skoperturi skont id-dejta tal-kreditu rrapportata lill-BĊE.

5.   Il-BĊNi għandhom jużaw l-informazzjoni kollha disponibbli fil-livell nazzjonali biex jiżguraw, safejn possibbli, li l-informazzjoni ta' referenza dwar il-kontropartijiet residenti rreġistrati fir-RIAD tkun kompluta, preċiża u aġġornata. Għal dan il-għan, il-BĊNi għandhom jivvalutaw is-sorsi ta' informazzjoni affidabbli kollha kemm hi sakemm din l-informazzjoni tkun tista' tintuża skont ir-reġim ta' kunfidenzjalità stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2533/98, bil-għan li ddaħħal fir-RIAD l-aħjar informazzjoni ta' referenza possibbli fuq il-kontropartijiet rilevanti kollha.

6.   Fil-każ ta' kontropartijiet residenti f'pajjiż li għalih m'hemmx BĊN kompetenti biex jipprovdi dejta ta' referenza tal-kontroparti, il-BĊE għandu jipprovdi għall-identifikazzjoni unika u dejta ta' referenza ta' dawk il-kontropartijiet, fuq bażi ta' sforzi raġonevoli u bbażata fuq informazzjoni disponibbli, wara l-passi li huma meħtieġa li jittieħdu mill-“BĊN/BĊE kompetenti” fl-Anness I ta' din il-Linja Gwida. Meta jagħmel dan, il-BĊE għandu l-ewwel jindirizza dawk il-każijiet li jinvolvu kontropartijiet bl-ikbar skoperturi skont l-informazzjoni disponibbli fl-AnaCredit.

7.   Għal kull kontroparti, RIAD jikkalkula r-rekord awtorevoli ta' kull attribut tad-dejta skont regoli ta' kompożizzjoni definiti minn qabel, u jalloka prijorità għas-sorsi kandidati potenzjali kollha. Jekk ir-regoli standard ta' kompożizzjoni (klassifikazzjoni bejn is-sorsi potenzjali kollha) iddefiniti mill-BĊE mhumiex ikkunsidrati xierqa, il-BĊNi għandhom jiddefinixxu u jikkomunikaw lill-BĊE bil-miktub ir-regoli ta' kompożizzjoni li għandhom jiġu applikati fir-RIAD għall-kalkolu tar-rekord awtorevoli tad-dejta ta' referenza tal-kontropartijiet kollha mhux residenti. Il-BĊN kompetenti jista' jiddefinixxi metodu differenti għal kull attribut ta' dejta ta' referenza tal-kontroparti u jista' jbiddel dak il-metodu minn żmien għal żmien kif jidhirlu xieraq.

8.   Il-BĊNi għandhom jiżguraw li l-lista tal-identifikaturi nazzjonali u l-lista tal-formoli legali ppubblikati bħala anness mal-Manwal ta' Rapportar tal-Anacredit fuq il-websajt tal-BĊE jinżammu aġġornati għall-Istat Membru rispettiv. Il-BĊNi għandhom jinfurmaw lill-BĊE bil-miktub u fi żmien xieraq b'kull bidla meqjusa neċessarja.

KAPITOLU IV

PROĊEDURI U STANDARDS GĦAT-TRAŻMISSJONI LIR-RIAD

Artikolu 11

Assenjazzjoni tal-kodiċi RIAD

1.   Fil-ħin tal-ewwel reġistrazzjoni fir-RIAD, il-BĊNi għandhom jassenjaw kodiċi RIAD uffiċjali lil kull kontroparti residenti u kodiċi temporanju RIAD lil kontropartijiet mhux residenti, bil-format meħtieġ.

2.   Il-BĊNi għandhom jiżguraw li l-kodiċijiet tar-RIAD li jassenjaw lill-kontropartijiet, kemm residenti kif ukoll mhux residenti, huma esklużivi, jiġifieri li mhumiex assoċjati ma' iktar minn kontroparti waħda, u ma jinbidlux maż-żmien.

3.   Il-BĊNi għandhom ikunu responsabbli biex jassenjaw kodiċi uffiċjali tar-RIAD lill-kontropartijiet residenti kollha li kienu inizjalment irreġistrati fir-RIAD b'kodiċi RIAD temporanju minn BĊN li joriġina jew mill-BĊE.

4.   Il-BĊE għandu jinforma lill-BĊNi dwar l-Istati Membri li jirrapportaw jekk il-kodiċi tar-RIAD tal-kontroparti jinbidel, irrispettivament mill-pajjiż tar-residenza tagħhom. Il-BĊNi għandhom jużaw il-kodiċi RIAD attwali għall-kontropartijiet kollha mid-dejta li fiha d-dejta ta' kreditu applikabbli u d-data ta' referenza tal-kontroparti applikabbli li ġejjin ikunu trażmessi.

Artikolu 12

Standards ta' trażmissjoni fir-rigward tar-RIAD

1.   Il-BĊN għandhom jittrażmettu d-dejta ta' referenza tal-kontroparti lill-BĊE billi jużaw RIAD. Kwalunkwe upload regolari ta' informazzjoni għandu jiġi organizzat permezz ta' trasferiment tal-fajl bl-użu tal-faċilità standard tas-SEBĊ. Alternattivament, għal volumi żgħar, il-BĊNi jistgħu jipproċessaw messaġġi ta' rikonoxximent tal-akkwist jew jaġġornaw l-attributi onlajn.

2.   Sabiex jiġu minimizzati l-iżbalji operattivi u tiġi żgurata l-eżattezza u l-konsistenza tal-aġġornamenti rrapportati lill-RIAD, qabel it-trażmissjoni tad-dejta lill-BĊE, il-BĊNi għandhom iwettqu kontrolli ta' validazzjoni li jaqblu mal-ispeċifikazzjonijiet rilevanti tal-iskambju tad-dejta.

Artikolu 13

Rikonoxximenti ta' akkwisti u żbalji

1.   Kif jirċievi l-aġġornamenti, il-BĊE għandu minnufih iwettaq verifiki biex jivvalida l-kwalità tal-informazzjoni pprovduta.

2.   Bis-saħħa tal-Artikolu 24(5) tal-Linja Gwida BĊE/2014/15, il-BĊE għandu jipprovdi lill-BĊNi bi:

(a)

rikonoxximent tal-akkwist li jkun fih informazzjoni sommarja dwar l-aġġornamenti li ġew ipproċessati u implimentati b'suċċess fis-sett ta' dejta rilevanti; u/jew

(b)

rikonoxximent ta' żball li fih informazzjoni ddettaljata fuq l-aġġornamenti u l-verifiki ta' validazzjoni li fallew.

3.   Il-BĊNi għandhom jieħdu azzjoni biex jittrażmettu informazzjoni kkoreġuta fil-pront.

Artikolu 14

L-ewwel trażmissjoni tad-dejta ta' referenza tal-kontroparti lil RIAD

1.   Il-BĊNi għandhom jittrażmettu lill-BĊE l-ewwel sett tad-dejta ta' referenza tal-kontroparti mhux iktar tard minn sitt xhur qabel l-ewwel trażmissjoni ta' dejta ta' kreditu skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) u għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jagħmlu dan qabel l-iskadenza rilevanti stabbilita fl-Artikolu 7(2) ta' din il-Linja Gwida.

2.   Fir-rigward tal-kontenut tal-ewwel trażmissjoni tad-dejta ta' referenza tal-kontroparti skont il-paragrafu 1, il-BĊNi għandhom jittrażmettu, bħala minimu, dejta ta' referenza tal-kontroparti li, skont informazzjoni disponibbli, tista' tiġi vvalutata b'mod raġonevoli li hija rilevanti.

3.   L-istess standards minimi komuni għat-trażmissjoni, l-eżattezza u l-konformità mal-kunċetti u r-reviżjonijiet speċifikati fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) għandhom japplikaw għall-ewwel trażmissjoni tad-dejta ta' referenza tal-kontroparti lill-BĊE skont il-paragrafu 1.

4.   Fejn ikun applikabbli, l-ewwel sett ta' dejta ta' referenza tal-kontroparti li għandu jiġi rrapportat mill-BĊN għandu jinkludi l-attributi tad-dejta li ġejjin:

(a)

identifikatur tal-kontroparti (kodiċi RIAD);

(b)

LEI;

(c)

jekk il-LEI ma jkunx disponibbli: identifikatur nazzjonali mil-lista ta' identifikaturi nazzjonali ppubblikati fuq il-websajt tal-BĊE, kif kompost minn żewġ varjabbli distinti, jiġifieri: it-tip ta' identifikatur (jew id-deskrizzjoni tiegħu, meta rilevanti) u l-kodiċi rispettiv (ħlief jekk it-tip ta' identifikatur “ma jkunx applikabbli”);

(d)

isem;

(e)

indirizz: pajjiż;

(f)

indirizz: belt/belt żgħira/raħal;

(g)

indirizz: triq;

(h)

forma legali;

(i)

settur istituzzjonali.

5.   Il-lista attwali ta' attributi ta' dejta ta' referenza li l-BĊNi għandhom jipprovdu għal kull kontroparti fl-ewwel trażmissjoni ta' dejta ta' referenza tal-kontroparti għal RIAD jistgħu jvarjaw skont l-applikabilità tal-attributi varji għar-rwol speċifiku u l-kategorija tal-kontroparti kif deskritt fit-Tabelli 2 u 3 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).

KAPITOLU V

ĠBIR TA' DEJTA TA' REFERENZA TA' KREDITU U TA' KONTROPARTI MINN BĊNi

Artikolu 15

Derogi u frekwenza ta' rapportar imnaqqsa

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), meta jiġi kkalkulat l-ammont totali pendenti ta' self lis-setturi kollha rrapportati skont ir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) mill-aġenti kollha tar-rapportar residenti fl-Istat Membru li jirrapporta, il-BĊNi għandhom jikkunsidraw biss l-ammont totali pendenti ta' self tal-aġenti kollha ta' rapportar maqbudin fil-popolazzjoni ta' rapportar attwali kif ipprovdut fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), inkluż l-ammont totali pendenti ta' self tal-aġenti kollha ta' rapportar mogħtija deroga. Sabiex jiġi evitat id-dubju, BĊN m'għandux iqis l-ammont totali pendenti ta' self ta' friegħi barranin li mhumiex residenti fl-Istat Membru li jirrapporta ta' dak il-BĊN.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), meta jippermettu lil aġenti żgħar ta' rapportar jirrapportaw dejta ta' kreditu relatata ma' dati ta' referenza ta' rapportar qabel l-1 ta' Jannar 2021 fuq bażi trimestrali minflok ta' kull xahar, il-BĊNi għandhom iqisu l-kontribuzzjoni konġunta ta':

(a)

l-aġenti żgħar ta' rapportar li jingħataw deroga skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), u

(b)

l-aġenti li jirrapportaw eliġibbli għal rapportar fuq bażi trimestrali skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13),

tal-ammont totali pendenti ta' self irrapportat skont ir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) mill-aġenti kollha tar-rapportar residenti fl-Istat Membru li jirrapporta, u jiżguraw li kontribuzzjoni kombinata bħal din ma taqbiżx l-4 %.

3.   Bis-saħħa tal-Artikoli 6(3) u 16(3) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), BĊN rilevanti jista' jagħti derogi lill-aġenti ta' rapportar li huma friegħi barranin RMS sal-punt li l-BĊNi jiksbu dejta minn sorsi oħrajn dwar il-kwalità u t-tempestività meħtieġa skont l-Artikolu 14(3) ta' dak ir-Regolament. Id-dritt tal-BĊNi li jagħtu tali derogi huwa suġġett għal koordinazzjoni bejn il-BĊNi rilevanti fuq il-bażi tal-arranġamenti magħmula biex jiġi evitat ir-rapportar doppju skont l-Artikolu 6 ta' din il-Linja Gwida. Sabiex jiġi evitat kull dubju, kull aġent li jirrapporta li jingħata deroga skont l-Artikolu 16(3) m'għandux jitqies bħala aġent ta' rapportar żgħir li jingħata deroga skont l-Artikolu 16(1) jew aġent li jirrapporta żgħir li jista' jirrapporta dwar kull trimestru jew kull xahar skont l-Artikolu 16(2).

4.   Fl-eżerċitar tas-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), il-BĊN rilevanti jista' jagħti derogi għal aġenti żgħar ta' rapportar li jkopru xi wħud mir-rekwiżiti jew kollha, inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu esklużivament ma' aġenti osservati speċifiċi li huma parti minn aġent li jirrapporta li huwa entità legali.

Artikolu 16

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti

1.   Fejn id-dejta kollha jew parti minnha deskritta fir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) tista' tinkiseb minn awtoritajiet kompetenti li ma jkunux BĊNi, u din id-dejta tista' tintuża sal-limitu u għall-finijiet definiti fir-Regolament (KE) Nru 2533/98, il-BĊNi jistgħu jistabbilixxu arranġamenti xierqa ta' kooperazzjoni ma' dawn l-awtoritajiet biex jiżguraw struttura permanenti biex jirċievu tali dejta.

2.   Il-BĊNi għandhom jiżguraw li d-dejta msemmija fil-paragrafu 1 tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) qabel ma jittrażmettuhom lill-BĊE.

KAPITOLU VI

ĠESTJONI TAL-KWALITÀ TAD-DEJTA

Artikolu 17

Standards ta' trażmissjoni li jużaw is-SEBĊ-Net

1.   Il-BĊNi għandhom jużaw is-SEBĊ-Net ipprovdut mis-SEBĊ għat-trażmissjoni elettronika tad-dejta ta' kreditu u d-dejta ta' referenza tal-kontroparti kif mitlub mill-BĊE. Il-BĊNi għandhom jagħmlu dik id-dejta disponibbli għall-BĊE skont l-istandards ta' rapportar SDMX (5) stabbiliti b'mod separat.

2.   Bla ħsara għall-kunsens minn qabel tal-BĊE, il-BĊNi jistgħu jużaw mezzi oħra biex jittrażmettu d-dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti.

Artikolu 18

Ġestjoni tal-kwalità tad-dejta

1.   Bla ħsara għad-drittijiet ta' verifika tal-BĊE taħt ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 u r-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), il-BĊNi għandhom jimmonitorjaw u jiżguraw il-kwalità u l-affidabbiltà tad-dejta disponibbli għall-BĊE u jikkooperaw mill-qrib mal-BĊE bħala parti mill-ġestjoni ġenerali tal-kwalità tad-dejta.

2.   Il-BĊNi għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li jikkawżaw iċ-ċaħda tad-dejta riċevuta mill-aġenti li jirrapportaw.

3.   Il-BĊN għandhom jimmonitorjaw l-aġenti osservati li għalihom ġiet miċħuda l-informazzjoni u l-progress miksub minn perijodu ta' rapportar għal ieħor. Il-BĊNi għandhom jinfurmaw lill-BĊE bir-riżultati ta' dan il-monitoraġġ.

4.   Il-BĊNi għandhom jiżguraw, jivverifikaw u jżommu l-kwalità tad-dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti biex jiżguraw: (i) il-kwalità tad-dejta tal-produzzjoni aggregata; (ii) il-konsistenza ta' dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti; u (iii) konsistenza ma' statistika oħra. B'mod partikolari, qabel it-trażmissjoni ta' dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti lill-BĊE, il-BĊNi għandhom jivverifikaw li:

(a)

il-fajls trażmessi lill-BĊE jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trażmissjoni lill-BĊE;

(b)

kull rekord ikun identifikat b'mod uniku;

(c)

l-identifikatur tal-kuntratt huwa uniku għal kull kuntratt li jiġġenera riskju ta' kreditu għall-istess aġent osservat u li dak l-identifikatur ma jerġax jintuża f'xi ħin sabiex jiġi identifikat kuntratt differenti mal-istess aġent osservat;

(d)

kull identifikatur tal-istrument huwa uniku għal kull kuntratt ta' aġent osservat, u li dan l-identifikatur ma jerġax jintuża f'xi ħin sabiex jiġi identifikat strument differenti għall-istess kuntratt u aġent osservat;

(e)

l-identifikatur tal-kuntratt huwa uniku għal kull protezzjoni rċevuta mill-istess aġent osservat u li dak l-identifikatur ma jerġax jintuża f'xi ħin sabiex tiġi identifikata protezzjoni differenti mal-istess aġent osservat;

(f)

id-dejta ta' kreditu u d-dejta ta' referenza tal-kontroparti li għandha tiġi trażmessa huma kompleti u konsistenti;

(g)

il-kontropartijiet kollha huma marbuta ma' strumenti li huma rreġistrati fis-sistema RIAD u msemmija mill-identifikatur korrispondenti tal-kontroparti (kodiċi RIAD) abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-aġenti li jirrapportaw.

5.   Qabel ma tiġi trażmessa dejta tal-kreditu lill-BĊE, il-BĊNi li jittrażmettu l-Mudell 1 jew il-Mudell 2 tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13) għandhom jivverifikaw u jiżguraw li għal kull strument li jkun irrapportat għal kull kontroparti marbuta mal-istrument, id-dejta ta' referenza tal-kontroparti meħtieġa għall-kontropartijiet kollha tkun irreġistrata fir-RIAD.

6.   Id-dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti trażmessa mill-BĊN għandhom ikunu konsistenti mad-dejta maħżuna fid-databases nazzjonali bħala riżultat ta' kwalunkwe attività ta' ġestjoni tal-kwalità tad-dejta eżerċitata fuq livell nazzjonali.

7.   Fejn dejta ta' kreditu tiġi trażmessa minn żewġ BĊNi lill-BĊE għal aġenti osservati li huma friegħi barranin skont l-Artikolu 6, kull BĊN għandu jkun responsabbli għall-kwalità tad-dejta li jirrapporta. B'mod partikolari, jekk żewġ BĊNi jagħmlu arranġament biex jaqsmu r-responsabbiltajiet għal rapportar sekondarju, il-BĊNi rilevanti għandhom jiżguraw li d-dejta ta' kreditu u d-dejta ta' referenza tal-kontroparti rrapportati minn BĊN wieħed ikunu konsistenti mad-dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti rrapportata mill-BCN rilevanti l-ieħor. Għal dan il-għan u wara li l-informazzjoni tittella' fl-AnaCredit, il-BĊE għandu jibgħat lill-BĊN rilevanti l-informazzjoni trażmessa sabiex jiżgura li d-dejta ta' kreditu u d-dejta ta' referenza tal-kontroparti rrapportata lil kull wieħed minnhom tkun konsistenti.

8.   Il-BĊNi għandhom jivverifikaw il-konsistenza u l-preċiżjoni tad-dejta ta' kreditu u d-dejta ta' referenza tal-kontroparti billi jqabbluhom ma' settijiet ta' dejta oħra miġbura f'livell nazzjonali taħt il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni u fiż-żmien li huma disponibbli. Il-BĊNi għandhom iqisu d-differenzi fil-metodoloġija u t-tempestività tas-settijiet tad-dejta użati għall-valutazzjoni tal-kwalità tad-dejta fl-AnaCredit.

9.   Għal kull trażmissjoni ta' dejta ta' kreditu għal aġent osservat, data ta' referenza ta' rapportar u tip ta' rapportar, jiġifieri attributi ta' dejta ta' kull xahar fil-Mudelli 1 u 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), u attributi ta' dejta ta' kull trimestru fil-Mudell 2 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament, għandu jintbagħat awtomatikament mill-AnaCredit messaġġ ta' rikonoxximent lill-BĊN li jittrażmetti l-informazzjoni li tindika jekk il-fajl tniżżilx jew ġiex irrifjutat mis-sistema. Fil-każ tal-aħħar, il-messaġġ għandu jindika r-raġuni għar-rifjut.

10.   Il-BĊE għandu jivvaluta dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti billi japplika sett ta' kontrolli ta' validazzjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊN. L-evalwazzjoni għandha ssir fil-ħin. Il-BĊE u l-BĊNi jistgħu jikkoordinaw b'mod konġunt l-isforzi ta' ġestjoni tal-kwalità tad-dejta filwaqt li jqisu s-sinifikat tad-diskrepanza bejn il-metriċi DQM u l-miri tad-DQM kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak taż-żona tal-euro.

11.   Għal kull trażmissjoni ta' dejta ta' kreditu għal aġent osservat, data ta' referenza ta' rapportar u tip ta' rapportar li jittella' fl-Anacredit, għandu jintbagħat awtomatikament mill-AnaCredit messaġġ ta' rikonoxximent bir-riżultati tal-verifiki tal-validazzjoni. Dan il-messaġġ għandu jagħti dettalji dwar id-dejta li naqset milli tikkonforma mal-verifiki ta' validazzjoni tal-Anacredit u l-verifika tal-validazzjoni li skattat l-iżball.

12.   Jekk l-aġent osservat huwa fergħa barranija RMS u żewġ BĊNi jirrapportaw informazzjoni għall-aġent osservat:

(a)

il-messaġġi indikati fil-paragrafu 11 għandhom jiġu trażmessi liż-żewġ BĊN rilevanti; u

(b)

kull BĊN għandu jkun responsabbli għall-kwalità tad-dejta tal-informazzjoni inkluża fil-mudell. B'mod partikolari, kull BĊN għandu jkun responsabbli għall-verifiki tal-validazzjoni li jivverifikaw il-konsistenza u l-integrità tal-informazzjoni irrapportata fil-Mudelli 1 u 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13). Għal dan il-għan, kull BĊN għandu jiżgura l-korrettezza tat-tagħrif irrapportat fil-mudell li għalih kull BĊN huwa responsabbli.

13.   Il-BĊNi għandhom jistabbilixxu u jissorveljaw il-mekkaniżmi meħtieġa għall-aġenti li jirrapportaw biex jirrevedu u jikkoreġu kwalunkwe dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti rrapportati li ma jikkonformawx mal-kontrolli ta' validazzjoni tal-AnaCredit, sabiex il-BĊN ikunu jistgħu jissottomettu reviżjonijiet disponibbli minnufih.

14.   Sabiex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-proċeduri xierqa għall-ġbir, il-verifika, l-ipproċessar u t-tixrid ta' informazzjoni li tiżgura l-kwalità tad-dejta miġbura, il-BĊE u l-BĊNi għandhom jissottomettu rapport ta' kwalità fuq bażi biennali lill-Kunsill Governattiv. Ir-rapporti dwar il-kwalità għandhom ikopru kemm dejta ta' kreditu kif ukoll dejta ta' referenza tal-kontroparti, u jipprovdu wkoll informazzjoni dwar il-metodi u l-proċeduri stabbiliti mill-BĊNi għall-identifikazzjoni unika tal-kontropartijiet residenti. L-ewwel rapport dwar il-kwalità għandu jitħejja f'Diċembru 2020, b'Settembru 2020 bħala data ta' referenza tar-rapportar.

Artikolu 19

Politika ta' reviżjoni

1.   Il-BĊNi għandhom jittrażmettu lill-BĊE r-reviżjonijiet kollha riċevuti mill-aġenti li jirrapportaw hekk kif ikunu ġew ipproċessati.

2.   Il-BĊNi għandhom jistabbilixxu arranġamenti ma' aġenti ta' rapportar sabiex reviżjonijiet għad-dejta identifikata fil-messaġġi ta' rikonoxximent imsemmija fl-Artikolu 18(11) bħala li ma jikkonformawx mal-kontrolli ta' validazzjoni tal-AnaCredit jistgħu jiġu trażmessi minnufih u mhux iktar tard mid-data li jmiss li fiha informazzjoni għal dak l-aġent osservat huwa dovut.

3.   Il-BĊNi għandhom jittrażmettu r-reviżjonijiet fi kwalunkwe ħin wara d-data ta' referenza tar-rapportar.

4.   Il-BĊN għandhom jittrażmettu reviżjonijiet, fejn jeżistu, għall-perijodi ta' referenza kollha.

5.   Il-BĊE għandu awtomatikament jipproċessa r-reviżjonijiet u jaħżinhom fid-database maqsuma mingħajr dewmien żejjed wara li jkunu ġew riċevuti mill-BĊN. Il-BĊE għandu jinforma lill-BĊNi konċernati dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tal-kwalità addizzjonali wara pproċessar ulterjuri tar-reviżjonijiet.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Proċedura ta' emenda simplifikata

Il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jista' jagħmel xi emendi tekniċi fl-annessi ta' din il-Linja Gwida, filwaqt li jqis l-opinjonijiet tal-STC, sakemm emendi bħal dawn la jibdlu l-qafas kunċettwali sottostanti u lanqas ma jaffettwaw il-piż tar-rapportar fuq aġenti li jirrapportaw jew BĊNi. Il-Bord Eżekuttiv għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Kunsill Governattiv b'kull emenda bħal din.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 22

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2016 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2016/13), (ĠU L 144, 1.6.2016, p. 44).

(2)  Linja Gwida BĊE/2014/15 tal-4 ta' April 2014 dwar statistika monetarja u finanzjarja (ĠU L 340, 26.11.2014, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta' Settembru 2013 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/33) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-poter tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p. 19-22).

(5)  Dejta Statistika u Metadata eXchange.


ANNESS I

Identifikazzjoni u ġestjoni tad-dejta ta' referenza tal-kontropartijiet fid-Database tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (RIAD)

Image

1.   Suppożizzjonijiet ġenerali sottostanti l-flow chart tal-proċess

1.1.

Huwa preżunt li l-BĊN kollha jżommu sett ta' dejta ta' referenza nazzjonali fejn il-kontropartijiet (kemm domestiċi kif ukoll mhux residenti) huma identifikati b'mod uniku u m'hemmx duplikazzjonijiet fil-livell nazzjonali (i.e. għandhom identifikatur intern tal-BĊN uniku u esklużiv). Dan ifisser li għalkemm aġenti li jirrapportaw differenti fl-istess Stat Membru jistgħu jkunu qed jużaw identifikaturi tal-kontroparti differenti biex jirreferu għall-kontroparti fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-BĊN rilevanti, il-BĊN eventwalment jiżgura li l-identifikaturi kollha bħal dawn ikunu assoċjati mal-kontroparti unika attwali.

1.2.

Jekk meħtieġ, biex jiġu evitati duplikazzjonijiet (eż. l-istess kontroparti rreġistrata darbtejn fis-sett tad-dejta ta' referenza nazzjonali), l-identifikaturi tal-kontroparti użati minn aġenti ta' rapportar meta jirrapportaw lill-BĊN huma mmarkati mill-BĊN f'identifikaturi interni uniċi tal-BĊN. Meta jittrażmettu informazzjoni lil RIAD u lill-AnaCredit, il-BĊN eventwalment jidentifikaw dawk l-identifikaturi interni tal-BĊN f'kodiċi RIAD uniku, jekk ikun meħtieġ.

2.   Noti mal-flow chart:

2.1.

Kontroparti “magħrufa” hija kontroparti li hija diġà rreġistrata fir-RIAD u li għaliha l-BĊN li joriġina jaf il-kodiċi RIAD.

2.2.

Kontroparti ġdida tista' tiġi rreġistrata fir-RIAD biss sakemm is-sett minimu neċessarju ta' attributi ta' dejta ta' referenza ikunu pprovduti (“rekord validu”), kif previst fir-rekwiżiti RIAD.

2.3.

RIAD ma tippermettix li kontroparti ġdida tiġi rreġistrata bl-istess identifikaturi (LEI u/jew identifikatur nazzjonali) ta' kontroparti eżistenti.

2.4.

Kull BĊN jista' jiddeċiedi li jiddetermina jekk kontroparti domestika rreġistrata minn BĊN ieħor hijiex kopja ta' kontroparti eżistenti jew le barra s-servizz ċentrali ta' identifikazzjoni (CIS), eż. bl-użu tal-proċess intern tagħhom (l-algoritmu li jqabbel) għal dan il-għan.

2.5.

Is-CIS hija funzjonalità fir-RIAD li tfittex għal duplikati potenzjali fost kontropartijiet eżistenti residenti fl-istess pajjiż permezz ta' “għodda ta' tqabbil” iddedikata kull darba li kontroparti ġdida tkun irreġistrata fis-sistema b'kodiċi RIAD temporanju. Il-kontropartijiet li għandhom jiġu pproċessati mill-għodda ta' tqabbil jitpoġġew fi “kju ta' input”, waqt li l-eżitu tal-proċess ta' tqabbil jiġi akkumulat fi “kju ta' output” u ppreżentat lill-BĊN kompetenti, permezz ta' backflow awtomatizzat iddedikat, għall-valutazzjoni finali tiegħu.

2.6.

Il-BĊN kompetenti jirrevedi l-lista tad-duplikazzjonijiet potenzjali riċevuti minn RIAD u, għal kull kontroparti b'kodiċi RIAD temporanju, jagħżel il-kandidat preferut mil-lista (qabel) jew jiddetermina li eventwalment l-ebda opzjoni ma tintgħażel mil-lista (ebda qbil).

2.7.

Id-“diduplikazzjoni” tal-kontroparti hija proċess li bih il-BĊN kompetenti jiddeċiedi, wara t-tqabbil b'suċċess bejn żewġ kontropartijiet irreġistrati fir-RIAD, liema kontroparti se tiġi invalidata (“kontroparti ffriżata”), u liema waħda għandha tinżamm fis-sistema (“kontroparti ħajja”).


ANNESS II

Allokazzjoni ta' responsabbiltajiet għal friegħi barranin RMS

It-tabella tistabbilixxi l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet għar-rapportar mill-BĊNi lill-BĊE ta' dejta ta' kreditu u dejta ta' referenza tal-kontroparti ta' aġenti osservati li huma friegħi barranin RMS abbażi tal-informazzjoni dwar derogi mogħtija lil aġenti li jirrapportaw.

Allokazzjoni ta' responsabbiltajiet għal friegħi barranin RMS

 

Aġenti li jirrapportaw li jirrapportaw lill-BĊN Domestiku

Ebda deroga

Iġbor biss T2

Rapportar trimestrali

Deroga Parzjali

Deroga Sħiħa

Aġenti li jirrapportaw lill-BĊN ospitanti.

Ebda deroga

BĊN Domestiku: T1&T2

BĊN ospitanti T1&T2

BĊN ospitanti T1&T2

BĊN ospitanti T1&T2

BĊN ospitanti T1&T2

Iġbor biss T1

BĊN Domestiku: T1&T2

BĊN ospitanti T1

BĊN Domestiku: T2

T2 meħtieġ (1)

BĊN ospitanti T1&T2

T2 meħtieġ (1)

BĊN ospitanti T1&T2

T2 meħtieġ (1)

BĊN ospitanti T1&T2

Rapportar trimestrali

BĊN Domestiku: T1&T2

T2 meħtieġ (2)

BĊN Domestiku: T1&T2

BĊN Domestiku: T1&T2 (Q)

BĊN ospitanti T1&T2 (Q)

BĊN ospitanti T1&T2 (Q)

Deroga Parzjali

BĊN Domestiku: T1&T2

T1 meħtieġ (2)

BĊN Domestiku: T1&T2

BĊN Domestiku: T1&T2 (Q)

Deroga Sħiħa

BĊN Domestiku: T1&T2

T1 meħtieġ (2)

BĊN Domestiku: T1&T2

BĊN Domestiku: T1&T2 (Q)

Nota:

(i)

T1: tfisser Mudell 1 kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).

(ii)

T2: tfisser Mudell 2 kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13).


(1)  Jekk il-BĊN domestiku

(a)

jagħti deroga skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), jew

(b)

jippermetti rapportar tad-dejta fuq bażi trimestrali skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); u

il-BĊN li jospita

(c)

ma jagħtix deroga skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), u

(d)

ma jippermettix rapportar tad-dejta fuq bażi trimestrali skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13);

allura l-BĊN ospitanti ma jistax jiddeċiedi li ma jiġborx, jew li jiġbor biss parti ta', l-attributi ta' dejta elenkati fil-Mudell 2 skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), u jittrasmetti l-Mudelli 1 u 2 lill-BĊE.

(2)  Jekk il-BĊN li jospita

(a)

jagħti deroga skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), jew

(b)

jippermetti rapportar tad-dejta fuq bażi trimestrali skont l-Artikolu 16 (2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); u

il-BĊN domestiku

(c)

ma jagħtix deroga skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), jew

(d)

ma jippermettix rapportar tad-dejta fuq bażi trimestrali skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13); u

allura l-BĊN ospitanti ma jistax jiddeċiedi li ma jiġborx, jew li jiġbor biss parti ta', l-attributi ta' dejta elenkati fil-Mudell 1 skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament (UE) 2016/867 (BĊE/2016/13), u jittrażmetti l-Mudelli 1 u 2 lill-BĊE.


Top