EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017O0031

Linja Gwida (UE) 2017/2193 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2017 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/280 dwar l-istabbiliment ta' Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2017/31)

OJ L 310, 25.11.2017, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2017/2193/oj

25.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/49


LINJA GWIDA (UE) 2017/2193 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta' Ottubru 2017

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/280 dwar l-istabbiliment ta' Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2017/31)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikoli 12.1 u 14.3 u l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

il-Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/44) (1) tipprovdi l-possibbiltà għall-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”), li huma parti mill-grupp intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tagħha, biex jistabbilixxu persuna ġuridika separata biex taqdi konġuntament kompiti pubbliċi, b'mod partikolari l-produzzjoni ta' karti tal-flus tal-euro. L-Artikolu 1(2) jipprovdi l-kundizzjonijiet li dik il-persuna ġuridika separata trid tissodisfa biex tikkwalifika bħala stamperija interna. Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li l-BĊNi jeżerċitaw kontroll konġunt fuq l-entità. Attwalment, il-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll konġunt permezz ta' persuna ġuridika oħra kkontrollata konġuntament, jekk applikabbli konġuntament ma' BĊN wieħed jew aktar, mhijiex ipprovduta b'mod espliċitu. Madankollu, sabiex il-BĊNi jitħallew jagħżlu l-forma legali għall-kooperazzjoni li huma jikkunsidraw bħala xierqa u b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-liġi nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-possibbiltà ta' dak il-kontroll konġunt indirett għandha tiġi inkluża fil-qafas legali. B'hekk, skont l-Artikolu 6(1) tal-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) u l-Premessa 7 tagħha, BĊN li jkun għalaq l-istamperija interna li kellu qabel u li jibda juża stamperija interna oħra li tkun organizzata bħala entità ġuridika separata billi jeżerċita kontroll konġunt indirett fuq dik l-entità, għandu jibqa' parti mill-grupp intern.

(2)

Il-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) tippermetti wkoll lil BĊNi li huma parti mill-grupp intern biex jistabbilixxu kooperazzjoni orizzontali mhux istituzzjonalizzata sabiex jaqdu kompiti pubbliċi konġuntament. Għall-finijiet ta' ċertezza u ċarezza ġuridika, il-qafas legali għandu jistabbilixxi li BĊN li jagħlaq l-istamperija interna tiegħu jista' jibqa' parti mill-grupp intern billi jipparteċipa f'dik il-kooperazzjoni orizzontali sakemm jissodisfa r-rekwiżitiiti relevanti. Bħala tali, BĊN li jagħlaq l-istamperija tiegħu jista' jagħżel bejn li jsir parti mill-grupp li jissottometti offerta fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) jew li jipparteċipa f'kooperazzjoni orizzontali.

(3)

L-Artikolu 12 tal-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) jipprovdi li l-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi din il-Linja Gwida kull sentejn. Il-Kunsill Governattiv għandu jkollu diskrezzjoni sħiħa biex jiddetermina meta u jekk hemmx bżonn ta' tali reviżjoni.

(4)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) hija emendata skont kif ġej:

1.

fil-punt (2) tal-Artikolu 1 qed jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Kontroll fuq stamperija interna organizzata bħala entità ġuridika separata jista' jiġi eżerċitat ukoll, jekk applikabbli konġuntament ma' BĊN wieħed jew aktar, minn persuna ġuridika oħra li tkun ikkontrollata konġuntament fis-sens tal-paragrafu preċedenti mill-BĊNi.”;

2.

L-Artikolu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Prinċipji Ġenerali

Il-BĊNi li la jużaw stamperiji interni u lanqas ma jipparteċipaw f'kooperazzjoni orizzontali mhux istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 8 għandhom ikunu parti mill-grupp li jissottometti offerta (BĊNi tal-grupp li jissottometti offerta).”;

3.

fl-Artikolu 6, huwa miżjud il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, BĊN li jagħlaq l-istamperija interna tiegħu jista' jiddeċiedi li jibqa' parti mill-grupp intern bil-kundizzjoni li jipparteċipa f'kooperazzjoni orizzontali mhux istituzzjonalizzata fuq il-bażi ta' ftehim ta' kooperazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8.”;

4.

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Sabiex iwettqu kompiti pubbliċi konġuntament, il-BĊNi tal-grupp li jissottometti offerta għandhom jesploraw l-istabbiliment ta': (a) persuna ġuridika separata li tikkonsisti fi stamperija interna jew li jkollha sehem fiha; jew (b) kooperazzjoni orizzontali mhux istituzzjonalizzata fuq il-bażi ta' ftehim ta' kooperazzjoni.”;

5.

L-Artikolu 12 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lill-BĊNi.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-istabbiliment tas-Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2014/44) (ĠU L 47, 20.2.2015, p. 29).

(2)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).


Top