EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0021

Deċiżjoni (UE) 2017/1198 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta' Ġunju 2017 dwar ir-rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/21)

OJ L 172, 5.7.2017, p. 32–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/08/2023; Imħassar b' 32023D1680 repealing.act.provisional.date.notification.disclaimer|http://publications.europa.eu/resource/authority/fd_365/repealing.act.provisional.date.notification.disclaimer

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1198/oj

5.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/32


DEĊIŻJONI (UE) 2017/1198 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta' Ġunju 2017

dwar ir-rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/21)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord Superviżorju,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' Ġunju 2014, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) adottat il-Linji Gwida tagħha fuq definizzjonijiet u mudelli armonizzati għal pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu skont ir-Rakkomandazzjoni A4 tal-BERS/2012/2 (3) (iktar 'il quddiem il-“Linji Gwida tal-ABE”). Il-Linji Gwida tal-ABE jridu jistabbilixxu prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi bl-armonizzazzjoni ta' mudelli u definizzjonijiet għall-faċilitazzjoni tar-rapportar tal-pjanijiet ta' finanzjament mill-istituzzjonijiet ta' kreditu.

(2)

Il-Linji Gwida tal-ABE huma indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti, kif iddefiniti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u lil istituzzjonijiet li jirrapportaw pjanijiet ta' finanzjament lill-awtoritjaiet kompetenti tagħhom skont il-qafas ta' implimentazzjoni nazzjonali tar-Rakkomandazzjoni BERS/2012/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5).

(3)

Għall-fini esklussiv tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti fuqu bl-Artikoli 4(1) u (2) u 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jitqies, skont il-każ, bħala l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nominata fl-Istati Membri parteċipanti kif stabbilit mill-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-BĊE huwa l-indirizzat tal-Linji Gwida tal-ABE fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma kklassifikati bħala sinifikanti skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(4)

Sabiex jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE, il-BĊE għandu jiżgura li istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti jirrapportaw il-pjanijiet ta' finanzjament tagħhom skont il-mudelli u d-definizzjonijiet armonizzati msemmija fil-mudell tal-pjan ta' finanzjament marbut mal-Linji Gwida tal-ABE.

(5)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jirċievi direttament informazzjoni rrapportata mill-istituzzjonijniet ta' kreditu, jew li jkollu aċċess dirett għal dik l-informazzjoni fuq bażi kontinwa, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jipprovdu speċifikament lill-BĊE bl-informazzjoni meħtieġa kollha għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(6)

Fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni dwar il-pjanijiet ta' finanzjament huma neċessarji għall-finijiet mikro u makroprudenzjali, il-BĊE iddeċieda li jeħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jipprovduh bil-pjanijiet ta' finanzjament tal-istituzzjonijiet ta' kreditu.

(7)

Il-mod kif l-awtorità nazzjonali kompetenti tipprovdi lill-BĊE bil-pjanijiet ta' finanzjament għandu jiġi speċifikat. B'mod partikolari, għandhom jiġu speċifikati il-format, il-frekwenza u l-waqt ta' kull sottomissjoni ta' informazzjoni, kif ukoll id-dettalji tal-kontrolli tal-kwalità li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu qabel ma jissottomettu informazzjoni lill-BĊE.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċizjoni teħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jipprovdu pjanijiet ta' finanzjament ta' ċerti istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti lill-BĊE, u tistabbilixxi proċeduri dwar is-sottomissjoni lill-BĊE ta' dawn il-pjanijiet ta' finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), flimkien mad-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“istituzzjoni ta' kreditu sinifikanti” tfisser istituzzjoni ta' kreditu li għandha status ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); u

(2)

“istituzzjoni ta' kreditu inqas sinifikanti” tfisser istituzzjoni ta' kreditu li m'għandhiex status ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

Artikolu 3

Rekwiżiti għal rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament

1.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovdu lill-BĊE bi pjanijiet ta' finanzjament li huma konformi mal-Linji Gwida tal-ABE tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li ġejjin stabbiliti fl-Istati Membri rispettivi tagħhom:

(a)

istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti;

(b)

istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti li ma humiex parti minn grupp taħt superviżjoni fuq bażi individwali;

(c)

istituzzjonijiet ta' kreditu inqas sinifikanti li dwarhom l-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti hija obbligata tirrapporta lill-ABE l-pjanijiet ta' finanzjament rilevanti skont id-Deċiżjoni EBA/DC/2015/130 tal-Awtorità Bankarja Ewropea (6) fuq bażi kkonsolidata jew fuq bażi individwali jekk dawk l-istituzzjonijiet mhumiex parti minn grupp taħt superviżjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jiġbru l-pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti li ma hemmx riferiment għalihom fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandhom jipprovdu dawn il-pjanijiet finanzjament lill-BĊE jekk jikkonformaw mal-Linji Gwida tal-ABE.

3.   Il-pjanijiet ta' finanzjament għandhom jiġu ssottomessi lill-BĊE skont il-mudelli u d-definizzjonijiet armonizzati msemmija fil-mudell tal-pjan ta' finanzjament mehmuż mal-Linji Gwida tal-ABE. Il-pjanijiet ta' finanzjament għandu jkollhom data ta' referenza tal-31 ta' Diċembru tas- sena ta' qabel.

Artikolu 4

Dati ta' spedizzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jissottomettu l-pjanijiet ta' finanzjament tal-istituzzjoni ta' kreditu sinifikanti msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) lill-BĊE sal-10 jum tax-xogħol wara d-dati ta' trasferiment imsemmija fil-paragrafu 8 tal-Linji Gwida tal-ABE.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jissottomettu l-pjanijiet ta' finanzjament tal-istituzzjonijiet ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 3(1)(c) u l-Artikolu 3(2) tal-BĊE sa 12.00 CET fid-dati sa meta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jissottomettu pjanijiet ta' finanzjament lill-ABE skont il-paragrafu 8 tal-Linji Gwida tal-ABE.

Artikolu 5

Kontrolli tal-kwalità tad-dejta

1.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jimmoniterjaw u jiżguraw il-kwalità u l-affidabbiltà tad-dejta li titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-BĊE. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom japplikaw ir-regoli ta' validazzjoni żviluppati u miżmuma mill-ABE u għandhom japplikaw il-kontrolli tal-kwalità tad-dejta addizzjonali ddefiniti mill-BĊE b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

2.   Minbarra l-konformità mar-regoli ta' validazzjoni u l-kontrolli tal-kwalità, id-dejta għandha tiġi ppreżentata skont l-istandards minimi addizzjonali li ġejjin għall-finijiet ta' preċiżjoni:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jipprovdu informazzjoni, jekk applikabbli, dwar l-iżviluppi sottointiżi mid-dejta ppreżentata; u

(b)

l-informazzjoni għandha tkun kompleta: il-lakuni eżistenti għandhom jiġu rikonoxxuti, spjegati lill-BĊE u, jekk applikabbli, għandhom jiġu solvuti mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 6

Informazzjoni kwalitattiva

1.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jissottomettu lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed l-ispjegazzjonijiet korrispondenti f'każ li l-kwalità tad-dejta għal tabella partikolari fit-tassonomija ma tkunx iġġustifikata.

2.   Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkomunikaw lill-BĊE r-raġunijiet għal kull reviżjoni sinifikanti ppreżentata.

Artikolu 7

Speċifikazzjoni tal-format tat-trasmissjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jissottomettu d-dejta speċifikata f'din id-Deċiżjoni bl-użu tal-eXtensible Business Reporting Language taxonomy sabiex jipprovdu format tekniku uniformi għall-iskambju ta' dejta li tirrigwarda l-Linji Gwida tal-ABE.

2.   L-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jiġu identifikati fit-trasmissjoni korrispondenti bl-użu ta' Legal Entity Identifier [Identifikatur tal-Entità Legali].

Artikolu 8

L-ewwel dati ta' referenza tar-rapportar

L-ewwel data ta' referenza għar-rapportar bis-saħħa tal-Artikolu 3 għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċìżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-indirizzati.

Artikolu 10

Indirizzati

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri partecipanti.

Magħmula fi Frankfurt am Main, is-27 ta' Ġunju 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(3)  ABE/GL/2014/04.

(4)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(5)  Rakkomandazzjoni BERS/2012/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Rskju Sistemiku tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU C 119, 25.4.2013, p. 1).

(6)  Deċiżjoni ABE/DC/130 tal-Awtorità Bankarja Ewropew tat-23 ta' Settembru 2015 dwar rapportar mill-awtoritajiet kompetenti lill-ABE.


Top