EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0001

Deċiżjoni (UE) 2017/100 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta' Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2017/1)

OJ L 16, 20.1.2017, p. 51–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/02/2020; Impliċitament imħassar minn 32020D0188

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/100/oj

20.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/51


DEĊIŻJONI (UE) 2017/100 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta' Jannar 2017

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2017/1)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/10) (1) stabbilixxiet programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku mis-swieq sekondarji (iktar 'il quddiem il-“PSPP”), li espanda l-programmi ta' xiri ta' assi eżistenti biex jinkludi titoli tas-settur pubbliku. Flimkien mat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti, il-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi u l-programm ta' xiri mis-settur korporattiv, il-PSPP huwa parti mill-programm ta' xiri ta' assi estiż (APP). L-għan tal-APP huwa li jkompli jtejjeb it-trasmissjoni tal-politika monetarja, sabiex jiffaċilita l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, iħaffef il-kundizzjonijiet għat-teħid ta' self minn unitajiet domestiċi u ditti u jikkontribwixxi sabiex ir-rati tal-inflazzjoni jinġiebu lura għal livelli li huma taħt iżda qrib għal 2 % fuq medda ta' żmien medju, b'mod konsistenti mal-objettiv primarju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(2)

Ix-xiri ta' assi taħt l-APP hija miżura proporzjonata għal mitigazzjoni tar-riskji għall-prospetti għall-iżviluppi fil-prezzijiet, billi tkompli ttaffi iżjed il-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji, inklużi dawk rilevanti għall-kundizzjonijiet ta' self tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u l-unitajiet domestiċi, biex b'hekk jiġu appoġġati l-konsum aggregat u l-infiq fl-investiment fiż-żona tal-euro biex fl-aħħar mill-aħħar jingħata kontribut għar-ritorn lejn rati ta' inflazzjoni inqas minn imma qrib it-2 % matul perijodu ta' żmien medju. L-APP jikkonforma bi sħiħ mal-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema skont it-Trattati, inkluża l-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju, u ma jfixkilx l-operat tal-Eurosistema skont il-prinċipju ta' ekonomija tas-suq miftuħ b'kompetizzjoni libera.

(3)

Fit-8 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, b'mod konformi mal-mandat tiegħu li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet, li ċerti parametri tal-APP għandhom jiġu aġġustati sabiex jinkisbu l-objettivi tal-APP. L-aġġustamenti huma konformi mal-mandat tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv, jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt it-Trattati u jirriflettu debitament kunsiderazzjonijiet ta' ġestjoni tar-riskju.

(4)

B'mod aktar speċifiku, l-orizzont maħsub ta' xirjiet taħt l-APP għandu jiġi estiż sat-tmiem ta' Diċembru 2017, jew lil hinn, jekk meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu li jikseb rati ta' inflazzjoni li jkunu taħt, iżda qrib, it-2 % fuq medda ta' żmien medju.

(5)

Il-likwidità provduta lis-suq permezz tax-xirjiet ikkombinati fix-xahar taħt l-APP għandha tkompli tammonta għal EUR 80 biljun sa tmiem Marzu 2017. Minn April 2017, ix-xirjiet fix-xahar ikkombinati taħt l-APP għandhom jipproċedu b'ritmu ta' EUR 60 biljun sat-tmiem ta' Diċembru 2017, jew lil hinn, jekk meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni li tkun konsistenti mal-mira tiegħu ta' inflazzjoni. Jekk, sadanittant, il-prospettiva ssir anqas favorevoli, jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji jsiru inkonsistenti ma' progress ulterjuri lejn aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv beħsiebu jżid il-programm f'termini ta' daqs u/jew durazzjoni.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kontinwa mingħajr skossi tax-xirjiet taħt l-APP matul l-orizzont maħsub, il-medda ta' maturità tal-PSPP għandha titwessa' billi titnaqqas il-maturità minima li jifdal għal titoli eliġibbli minn sentejn sa sena. Barra minn hekk, ix-xirjiet ta' titoli taħt l-APP b'rendIment għall-maturità li tkun taħt ir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu tal-BĊE għandhom jiġu permessi sal-grad meħtieġ.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) hija emendata skont kif ġej:

1.

fl-Artiklu 3, il-paragrafu 3 huwa mibdul b'li ġej:

“3.   Sabiex ikunu eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP, it-titoli ta' dejn, fit-tifsira tal-paragrafi 1 sa 2, għandu jkollhom maturità rimanenti minima ta' sena u maturità rimanenti massima ta' 30 sena meta jinxtraw mill-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti. Sabiex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni bla xkiel, strumenti ta' dejn negozjabbli b'maturità rimanenti ta' 30 sena u 364 jum għandhom ikunu eliġibbli taħt il-PSPP. Il-Banek ċentrali nazzjonali għandhom iwettqu wkoll xirjiet sostituti ta' titoli ta' dejn negozjabbli maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp jekk l-ammonti previsti li għandhom jinxtraw f'titoli ta' dejn negozjabbli maħruġin minn gvern ċentrali u aġenziji rikonoxxuti ma jkunux jistgħu jintlaħqu.”

2.

fl-Artiklu 3, il-paragrafu 5 huwa mibdul b'li ġej:

“5.   Huma permessi xirjiet ta' strumenti ta' dejn negozjabbli nominali b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) 'il fuq mir-rata tal-faċilità ta' depożitu. Huma permessi sal-grad meħtieġ xirjiet ta' strumenti ta' dejn negozjabbli nominali b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) taħt ir-rata tal-faċilità ta' depożitu.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-13 ta' Jannar 2017.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta' Jannar 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10) (ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20).


Top