EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016O0031

Linja Gwida (UE) 2016/2298 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta' Novembru 2016 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal- Eurosistema (BĊE/2016/31)

OJ L 344, 17.12.2016, p. 102–116 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2016/2298/oj

17.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/102


LINJA GWIDA (UE) 2016/2298 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta' Novembru 2016

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal- Eurosistema (BĊE/2016/31)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Centrali u tal-Bank Centrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikoli 9.2, 12.1, 14.3, 18.2, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba ta' politika monetarja waħdanija tinvolvi d-definizzjoni tal-istrumenti u l-proċeduri li għandhom jintużaw mill-Eurosistema, li tikkonsisti fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”), sabiex dik il-politika tiġi implimentata b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal- Eurosistema tista' tagħmel proċeduri għal sejħiet għal offerti b'rata fissa jew rata varjabbli. Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1) għandha tiġi emendata biex tinkorpora ċerti raffinamenti tekniċi u editorjali neċessarji dwar il-passi operattivi tal-proċeduri ta' sejħa għall-offerti.

(3)

L-Eurosistema tikkunsidra li huwa meħtieġ illi jiġu emendati l-kriterji ta' eliġibbiltà u biex jiġu aġġustati l-miżuri ta' kontroll tar-risku applikabbli għal strumenti ta' dejn mhux garantiti ta' grad ogħla maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu jew ditti ta' investiment jew l-entitajiet marbuta mill-qrib magħhom fil-qafas tal-kollateral tagħha biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fl-Istati Membri.

(4)

L- Eurosistema żviluppat qafas waħdieni għal assi eliġibbli bħala kollateral sabiex l-operazzjonijiet ta' kreditu kollha tal-Eurosistema jitwettqu b'mod armonizzat permezz tal-implimentazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Kunsill Governattiv jikkunsidra li huwa meħtieġ li jiddaħħal xi tibdil fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema biex titħalla l-inklużjoni ta' strutturi ta' kupun bi flussi ta' kontanti potenzjalment negattivi għall-assi negozjabbli.

(5)

L-Eurosistema teħtieġ li jkollha dejta ta' livell ta' self komprensiva u standardizzata fuq l-assi li jiġġeneraw l-aggregazzjoni ta' fluss ta' kontanti li jiggarantixxu t-titoli ggarantiti permezz tal-assi. Id-dejta ta' livell ta' self għandha tiġi sottomessa mill-partijiet rilevanti lil repożitorju indikat mill-Eurosistema. Ir-rekwiżiti tal-Eurosistema għall-indikazzjoni ta' repożitorji ta' dejta tal-livell ta' self, kif ukoll il-proċess ta' indikazzjoni attwali, għandhom jiġu kkjarifikati iktar fl-interess tat-trasparenza.

(6)

Bil-għan li tiġi ssalvagwardata l-adegwatezza tal-kollateral tal-Eurosistema, il-kriterji tal-eliġibbiltà għall-talbiet ta' kreditu, u, b'mod partikolari, il-kriterju fuq restrizzjonijiet għar-realizzazzjoni għandhom jiġu emendati. Il-BĊNi għandhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jeskludu jew jimmitigaw b'mod sinifikanti r-riskju ta' tpaċija meta jaċċettaw talbiet ta' kreditu bħala kollateral. Talbiet ta' kreditu oriġinati qabel l-1 ta' Jannar 2018 li ma kinux suġġetti għal dawk il-miżuri jistgħu jkunu mobilizzati bħala kollateral sal-31 ta' Diċembru 2019, iżda l-kriterji l-oħra kollha ta' eliġibbiltà għandhom jiġu ssodisfatti.

(7)

Sabiex l-Eurosistema tiġi mħarsa kontra r-riskju ta' telf finanzjarju f'każ ta' inadempjenza ta' kontroparti, assi eliġibbli mmobilizzati bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema għandhom ikunu suġġetti għall-miżuri ta' kontroll tar-riskju stipulati fit-Titolu VI tal-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60). Bħala riżultat tar-reviżjoni regolari tal-qafas għall-kontroll tar-riskji tal-Eurosistema, il-Kunsill Governattiv jikkunsidra li għandhom isiru diversi aġġustamenti.

(8)

Assi eliġibbli huma meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità ta' kreditu tal-Eurosistema speċifikati fil-qafas tal- valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema (ECAF), li jippreskrivi l-proċeduri, ir-regoli u t-tekniki sabiex jiġi żgurat li jinżamm ir-rekwiżit tal-Eurosistema għal standards ta' kreditu għoljin għall-assi eliġibbli. Wara reviżjoni tar-regoli ECAF, għandu jsir tibdil speċifiku, b'mod partikolari fir-rigward tal-kriterji ta' aċċettazzjoni ġenerali ta' istituzzjonijiet ta' evalwazzjoni ta' kreditu estern (ECAIs) u rekwiżiti operattivi addizzjonali għal EACIs fir-rigward ta' bonds koperti.

(9)

Hemm bżonn li jsiru emendi tekniċi żgħar fl-interessi taċ-ċarezza, pereżempju fir-rigward tat-terminoloġija tal-bonds koperti.

(10)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) hija emendata skont kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 12 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(12)

‘bond kopert’ tfisser strument ta' dejn li għandu rikors doppju: (a) direttament jew indirettament lil istituzzjoni ta' kreditu; u (b) lil aggregazzjoni ta' kopertura dinamika ta' assi sottostanti, u li għalihom ma jkun hemm ebda segmentazzjoni tar-riskju;”;

(b)

jigi mdaħħal il-punt (46a) li gej:

“(46a)

‘ditta ta' investiment’ tfisser ditta ta' investiment kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;”;

(c)

il-punt 48 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(48)

‘bond kopert jumbo’ tfisser bond kopert maħruġ b'volum ta' ħruġ ta' mill-inqas EUR 1 biljun, li għalihom ta' mill-inqas tliet market-makers jipprovdu kwotazzjonijiet regolari ta' offerta u talba;”;

(d)

il-punt 71 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(71)

‘bonds koperti oħrajn’ tfisser bonds koperti strutturali jew multi cédulas;”;

(e)

il-punt 74 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(74)

‘klassifikazzjoni ta' kreditu pubbliku’ tfisser klassifikazzjoni ta' kreditu li tkun: (a) maħruġa jew approvata minn aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati fl-Unjoni u aċċettati bħala istituzzjoni ta' valutazzjoni tal-kreditu esterna mill-Eurosistema; u (b) żvelati pubblikament jew iddistribwiti b'abbonament;”

(f)

il-punt (88) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(88)

‘bond kopert strutturat’ ifisser bond kopert, bl-eċċezzjoni ta' multi cédulas, li mhux maħruġ skont ir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).”;"

(g)

il-punt (94) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(94)

‘bond kopert li jikkonforma mal-UCITS’ ifisser bond kopert li jinħareġ skont ir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE;”

2.

L-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Paragrafu 1, it-Tabella 4 hija mibdula b'dan li ġej:

“Tabella 4

Passi operattivi għall-proċeduri ta' sejħiet għal offerti

Pass 1

Tħabbira ta' sejħa għal offerti

(a)

Tħabbira pubblika tal-BĊE

(b)

Tħabbira pubblika tal-BĊNi u tħabbira diretta lill-kontropartijiet individwali (jekk titqies meħtieġa)

Pass 2

Preparazzjoni tal-kontropartijiet u sottomissjoni ta' offerti

Pass 3

Ġbir tal-offerti mill-Eurosistema

Pass 4

Allokazzjoni tal-offerti u t-tħabbira tar-riżultati tal-offerti

(a)

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-allokazzjoni tal-offerta

(b)

Tħabbira pubblika tal-BĊE tar-riżultati tal-allokazzjoni

Pass 5

Ċertifikazzjoni tar-riżultati tal-allokazzjoni individwali

Pass 6

Saldu tat-tranżazzjonijiet”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-Tabelli 5 u 6 huma ssostitwiti b'dan li ġej:

“Tabella 5

Skeda ta' żmien indikattiva għall-passi operattivi fi proċeduri standard ta' sejħiet għall-offerti (il-ħinijiet huma indikati skont il-Ħin Ċentrali Ewropew  (3) )

Image Test ta 'immaġni

Tabella 6

Skeda ta' żmien indikattiva għall-passi operattivi fi proċeduri mgħaġġla ta' sejħiet għal offerti (il-ħinijiet huma indikati skont is-CET)

Image Test ta 'immaġni ”;

(3)  Il-Ħin Ċentrali Ewropew (Central European Time — CET) iqis il-bidla għall-Ħin tas-Sajf tal-Ewropa Ċentrali (Central European Summer Time)."

3.

fl-Artikolu 30, il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Proċeduri ta' sejħiet għal offerti standard għandhom jitħabbru pubblikament mill-BĊE bil-quddiem. Barra minn hekk, il-BĊNi jistgħu jħabbru proċeduri standard ta' sejħiet għall-offerti pubblikament u direttament lill-kontropartijiet, jekk dan jitqies li huwa neċessarju.

2.   Proċeduri ta' sejħiet għal offerti mgħaġġla jistgħu jitħabbru pubblikament mill-BĊE bil-quddiem. Fi proċeduri mgħaġġla ta' sejħiet għall-offerti li jitħabbru pubblikament bil-quddiem, il-BĊN jista' jikkuntattja lill-kontropartijiet magħżula direttament jekk dan jitqies li huwa neċessarju. Fi proċeduri mgħaġġla ta' sejħiet għall-offerti li ma jitħabbrux pubblikament bil-quddiem, il-kontropartijiet magħżula għandhom jiġu kkuntattjati direttament mill-BĊNi.”;

4.

fl-Artikolu 43, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Il-BĊE għandu jħabbar pubblikament id-deċiżjoni tal-allokazzjoni tas-sejħa għal offerti fir-rigward tar-riżultati tal-offerta. Barra minn hekk, il-BĊNi jistgħu jħabbru d-deċiżjoni tal-allokazzjoni tas-sejħa għal offerti pubblikament u direttament lill-kontropartijiet, jekk jidhrilhom li dan huwa neċessarju.”;

5.

fl-Artikolu 55a, il-paragrafu 3 huwa mibdul b'li ġej:

“3.   Fil-każ ta' friegħi, l-informazzjoni rapportata taħt il-paragrafu 1 għandha tirrigwarda l-istituzzjoni li lilha tappartjeni il-fergħa.”;

6.

fl-Artikolu 61, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Il-BĊE għandu jippubblika lista aġġornata ta' assi negozjabbli eliġibbli fuq is-sit elettroniku tiegħu, skont il-metodoloġiji indikati fis-sit elettroniku tiegħu, u għandu jaġġornah kull jum meta t-TARGET2 huwa operattiv. Assi negozjabbli inklużi fil-lista ta' assi negozjabbli eliġibbli jsiru eliġibbli għall-użu fl-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema meta jiġu ppubblikati fil-lista. Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, fil-każ speċifiku ta' strument ta' dejn għal żmien qasir bil-valur ta' saldu tal-istess jum, l-Eurosistema tista' tagħti l-eliġibbiltà mid-data ta' ħruġ. Assi vvalutati skont l-Artikolu 87(3) m'għandhomx jiġu ppubblikati f'din il-lista ta' assi negozjabbli eliġibbli.”;

7.

fl-Artikolu 63, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Sabiex ikunu eliġibbli, strumenti ta' dejn għandu jkollhom xi waħda minn dawn l-istrutturi ta' kupun li ġejjin sal-fidi finali:

(a)

kupuni fissi, żero, jew multi-step bi skeda ta' kupun predefinita u valuri tal-kupun predefiniti; jew

(b)

kupuni varjabbli li għandhom din l-istruttura: rata tal-kupun = (rata ta' referenza * l) ± x, b' f ≤ rata tal-kupun ≤ c, fejn:

(i)

ir-rata ta' referenza hija biss waħda milli ġejjin f'mument partikolari:

rata tas-suq tal-flus tal-euro eż. Euribor, LIBOR jew indiċijiet simili,

rata kostanti ta' swaġ ta' maturità eż. CMS, EIISDA, EUSA,

ir-rendiment ta' bond wieħed tal-gvern taż-żona tal-euro, jew indiċi ta' bosta minnhom, li għandhom maturità ta' sena jew inqas,

indiċi ta inflazzjoni taż-żona tal-euro;

(ii)

f (minimu), c (massimu), l (fattur ta' ingranaġġ/diżingranaġġ) u x (marġni) huma, jekk preżenti, numri li huma jew predefiniti fil-ħin tal-ħruġ, jew inkella jistgħu jinbidlu maż-żmien biss skont rotta predefinita fil-ħin tal-ħruġ, fejn l huwa aktar minn żero matul il-ħajja sħiħa tal-assi. Għall-kupuni varjabbli b'rata ta' referenza ta' indiċi ta' inflazzjoni, l għandu jkun ugwali għal wieħed.”;

8.

l-Artikolu 77a li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 77a

Restrizzjonijiet fuq investimenti għal titoli ggarantiti b'assi

Kull investiment ta' flejjes li huma ta' kreditu għal min jagħmel il-ħruġ jew ta' kull kont ta' bank SPV intermedjarju taħt id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni m'għandux jikkonsisti, għal kollox jew parzjalment, attwalment jew potenzjalment, minn segmenti ta' noti ta' ABSs, marbuta mal-kreditu, swaps jew strumenti derivati oħra, titoli sintetiċi jew talbiet simili.”;

9.

Fl-Artikolu 73, il-paragrafu 7 huwa mħassar.

10.

fl-Artikolu 78, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Dejta komprensiva u standardizzata fil-livell ta' self dwar l-aggregazzjoni ta' assi li jiġġeneraw fluss ta' flus li jiggarantixxu ABSs għandhom ikunu disponibbli skont il-proċeduri stipulati fl-Anness VIII, li jinkludi informazzjoni dwar il-punteġġ tal-kwalità tad-dejta meħtieġ u r-rekwiżiti għall-indikazzjoni tal-Eurosistema tar-repożitorji tad-dejta tal-livell ta' self. Fil-valutazzjoni tagħha tal-eliġibbiltà, l-Eurosistema tqis: (a) kull nuqqas fil-konsenja tad-dejta, u (b) il-frekwenza li fiha jinstab li l-oqsma ta' dejta individwali dwar il-livell ta' self ma fihom ebda dejta sinifikanti.”;

11.

fit-Taqsima 2, Kapitolu 1 tat-Titolu II tal-Parti Erbgħa, is-Subtaqsima 4 li ġejja hija miżjuda:

“Subtaqsima 4

Kriterji ta' eliġibbiltà speċifiċi għal ċerti strumenti ta' dejn mhux garantiti

Artikolu 81a

Kriterji ta' eliġibbiltà għal ċerti strumenti ta' dejn mhux garantiti

1.   Biex ikunu eliġibbli għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema, strumenti ta' dejn mhux garantiti maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu jew ditti ta' investiment, jew minn entitajiet marbuta mill-qrib tagħhom kif iddefinit fl-Artikolu 138(2), għandhom jikkonformaw mal-kriterji ġenerali relatati dwar it-tipi kollha ta' assi negozjabbli stabbiliti fit-Taqsima 1, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 64 sa fejn dak l-istrument ta' dejn mhux iggarantit ikun suġġett għas-subordinazzjoni statutorja.

2.   Għall-finijiet ta' din is-subtaqsima, subordinazzjoni statutorja tfisser subordinazzjoni, ibbażata fuq qafas statutorju applikabbli għal-emittent, ta' strument ta' dejn mhux iggarantit li ma huwiex suġġett għal subordinazzjoni bis-saħħa tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-istrument ta' dejn, jiġifieri subordinazzjoni kuntrattwali.”;

12.

fl-Artikolu 83, il-punt (a) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(a)

Klassifikazzjoni ta' ħruġ ECAI: din il-klassifikazzjoni tirreferi għal valutazzjoni tal-kreditu ECAI assenjata jew lil ħruġ jew, fin-nuqqas ta' klassifikazzjoni ta' ħruġ mill-istess ECAI, is-serje tal-programm jew il-ħruġ li taħtu jinħareġ l-assi. Valutazzjoni ECAI għall-programm jew serje ta' ħruġ tkun relevanti biss jekk tapplika għall-assi partikolari kkonċernat u hija espliċitament u mingħajr ambigwità mqabbla mal-kodiċi tal-assi ISIN mill-ECAI, u ma teżisti l-ebda klassifikazzjoni tal-ħruġ differenti mill-istess ECAI. Għal klassifikazzjonijiet tal-ħruġ ECAI, l-Eurosistema ma għandha tagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tal-maturità oriġinali tal-assi.”;

13.

fl-Artikolu 104, għandu jiddaħħal il-paragrafu (3a) li ġej:

“3a.   Mill-1 ta' Jannar 2018, il-BĊNi għandhom jużaw mekkaniżmu sabiex jisguraw li r-riskju ta' tpaċija ikun ġie eskluż jew immitigat b'mod sinifikanti meta jaċċettaw bħala kollateral talbiet ta' kreditu li joriġinaw wara dik id-data. Talbiet ta' kreditu oriġinati qabel l-1 ta' Jannar 2018 li ma kinux suġġetti għal dak il-mekkaniżmu jistgħu jkunu mobilizzati bħala kollateral sal-31 ta' Diċembru 2019, iżda l-kriterji l-oħra kollha ta' eliġibbiltà għandhom jiġu ssodisfatti.”;

14.

L-Artikolu 120 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma mibdulin b'dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet tal-ECAF, il-kriterji ta' aċċettazzjoni ġenerali għall-ECAIs għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

L-ECAIs għandhom ikunu reġistrati mill-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq, skont ir-[Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(b)

L-ECAIs għandhom jissodisfaw kriterji operattivi u jipprovdu kopertura relevanti sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti tal-ECAF. B'mod partikolari, l-użu tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-ECAI huwa suġġett għad-disponibbiltà lill-Eurosistema ta' informazzjoni fuq dawn il-valutazzjonijiet, kif ukoll informazzjoni għall-paragun u l-assenjazzjoni, jiġifieri l-immappjar tal-valutazzjonijiet għall-passi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema u għall-finijiet tal-proċess ta' monitoraġġ tal-prestazzjoni, skont l-Artikolu 126.

2.   L-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddeċiedi jekk tibdiex proċedura ta' aċċettazzjoni ECAF wara applikazzjoni minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (CRA). Meta tagħmel id-deċiżjoni tagħha, l-Eurosistema għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, jekk is-CRA tipprovdix kopertura rilevanti għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-ECAF skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IXa.”;

(b)

għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   Wara l-bidu ta' proċedura ta' aċċettazzjoni ta' ECAF, l-Eurosistema għandha tinvestiga l-informazzjoni addizzjonali kollha kkunsidrata rilevanti sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-ECAF, inkluża l-kapaċità tal-ECAI li tissodisfa l-kriterji u r-regoli tal-proċess ta' monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-ECAF skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IX u l-kriterji speċifiċi fl-Anness IXb (jekk ikun rilevanti). L-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddeċiedi jekk taċċettax ECAI għall-finijiet tal-ECAF fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta u l-valutazzjoni tad-diliġenza tagħha stess.”;

15.

fl-Artikolu 122(3), il-punt (b) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(b)

valutazzjoni aġġornata mill-awtorità kompetenti li tirrifletti l-informazzjoni disponibbli kurrenti fuq il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw l-użu tas-sistema IRB għall-finijiet kollaterali u l-kwistjonijiet kollha dwar id-dejta użata għall-proċess ta' monitoraġġ tal-prestazzjoni ECAF”;

16.

fl-Artikolu 137, il-paragrafu 2 huwa mibdul b'li ġej:

“2.   Il-kriterji ġenerali ta' eliġibbiltà għall-assi negozjabbli stabbiliti fit-Titolu II tal-Parti Erbgħa għandhom japplikaw, ħlief li l-assi negozjabbli:

(a)

jistgħu jinħarġu, jinzammu u jiġu regolati barra ż-ŻEE; u

(b)

jistgħu jiġu ddenominati f'valuti minbarra l-euro; u

(c)

m'għandux ikollhom valur tal-kupun li jirriżulta fluss ta' flus kontanti negattiv.”;

17.

fl-Artikolu 138(3), il-punt (a) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(a)

rabtiet mill-qrib bejn il-kontroparti u entità fis-settur pubbliku taż-ZEE li għandha d-dritt timponi taxxi, jew każijiet fejn strument ta' dejn ggarantit minn wieħed jew iktar mill-entitajiet fis-settur pubbliku taż-ŻEE li għandhom id-dritt jimponu taxxi u l-garanzija relevanti tikkonforma mal-karatteristiċi stabbiliti fl-Artikolu 114, bla ħsara fil-każijiet kollha għall-Artikolu 139 (113);”;

18.

fl-Artikolu 139, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Strumenti ta' dejn mhux garantiti maħruġa minn kontroparti jew entità oħra marbuta mill-qrib ma' dak il-kontroparti, kif iddefiniti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 138, u ggarantiti għal kollox minn entità tas-settur pubbliku taż-ŻEE waħda jew iżjed li għandhom id-dritt li jimponu t-taxxi m'għandhomx ikunu mobilizzati bħala kollateral għall-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema minn dik il-kontroparti jew:

(a)

direttament; jew

(b)

indirettament, fejn huma inklużi fil-ġabra tal-bonds koperti.”;

19.

fl-Artikolu 141, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Kontroparti m'għandhiex tissottometti jew tuża bħala kollateral strumenti ta' dejn mhux iggarantiti maħruġa minn istituzzjoni ta' kreditu, jew minn entità oħra li magħha l-istituzzjoni ta' kreditu għandha rabtiet mill-qrib sal-punt li l-valur ta' tali kollateral maħruġ minn dik l-istituzzjoni ta' kreditu jew entità oħra li magħha għandha rabtiet mill-qrib meħudin flimkien jaqbeż l-2.5 % tal-valur totali tal-assi użati bħala kollateral minn dik il-kontroparti wara l-haircut applikabbli. Dan il-limitu ta' 2.5 % m'għandux japplika fl-ebda minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk il-valur ta' dawn l-assi ma jaqbiżx EUR 50 miljun wara kull haircut applikabbli; jew

(b)

jekk dawn l-assi huma ggarantiti minn entità fis-settur pubbliku li jkollha d-dritt tiġbor it-taxxa bħala mezz ta' garanzija li tikkonforma mal-karatteristiċi stabbiliti fl-Artikoli 114.”;

20.

L-Artikolu 143 huwa mħassar;

21.

l-Artikolu 144a li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 144a

Assi eliġibbli bi flussi ta' flus kontanti negattivi

1.   Il-BĊNi għandhom jipprovdu li kontroparti għandha tibqa' responsabbli għal ħlas fil-ħin ta' kull ammont ta' fluss ta' flus kontanti negattiv relatat ma' assi eliġibbli mibgħuta jew użati minnha bħala kollateral.

2.   Jekk kontroparti tonqos milli tagħmel ħlas fil-ħin bis-saħħa tal-paragrafu 1, l-Eurosistema tista', imma ma hijiex obbligata tagħmel il-ħlas rilevanti. Il- BĊNi għandhom jipprovdu li kontroparti għandha tirrimborsa lill-Eurosistema, immedjatament ma' talba mill-Eurosistema, bi kwalunkwe ammont ta' flussi ta' flus kontanti negattivi mħallsin mill-Eurosistema bħala riżultat tan-nuqqas tal-kontraparti. Jekk kontroparti tonqos milli tagħmel ħlas fil-ħin bis-saħħa tal-paragrafu 1, l-Eurosistma għandu jkollha d-dritt li tiddebita minnufih u mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ammont daqs l-ammont li l-Eurosistema għandha tħallas f'isem tali kontroparti jew minn:

(a)

il-kont tal-modulu ta' ħlas tal-kontroparti rilevanti (PM) fit-TARGET2, kif ipprovdut fl-Artikolu 36(6) tal-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2012/27; jew

(b)

bl-awtorizzazzjoni minn qabel ta' bank ta' saldu, il-kont PM tat-TARGET2 ta' bank ta' saldu, użat għall-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema tal-kontroparti; jew

(c)

kull kont ieħor li jista' jintuża għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u li l-kontroparti rilevanti għandha mal-BĊN,

3.   Kull ammont imħallas mill-Eurosistema taħt il-paragrafu 2 li ma jiġix irrimborsat minn kontroparti minnufih wara talba u li ma jistax jiġi ddebitat mill-Eurosistema minn kwalunkwe kont rilevanti kif ipprovdut skont il-paragrafu 2, għandu jiġi kkunsidrat bħala kreditu mill-Eurosistema, li għalih hija applikabbli sanzjoni skont l-Artikolu 154.”;

22.

fl-Artikolu 154(1), il-punt (a) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(a)

fir-rigward ta' tranżazzjonijiet bil-maqlub u swaps ta' kambju barrani għall-finijiet ta' politika monetarja, l-obbligi, kif preskritt fl-Artikolu 15 sabiex jikkollateralizzaw u jirregolaw b'mod adegwat l-ammont li l-kontroparti tkun ġiet allokata matul it-terminu sħiħ ta' operazzjoni partikolari inkluż l-ammont dovut ta' operazzjoni partikolari fil-każ ta' terminazzjoni bikrija eżegwita minn BĊN matul it-terminu li jifdal minn operazzjoni”;

23.

fl-Artikolu 154(1) qed jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

kwalunkwe obbligu ta' ħlas bis-saħħa tal-Artikolu 144a(3).”;

24.

fl-Artikolu 156(1), il-punt (a) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(a)

kienet imposta penalità finanzjarja;”;

25.

fl-Artikolu 156(4), il-punt (a) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(a)

kienet imposta penalità finanzjarja;”;

26.

fl-Artikolu 166, huwa miżjud il-paragrafu 4a li ġej:

“4a.   Kull BĊN għandu japplika arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji li jiżguraw li, fi kull żmien, il-BĊN domestiku jkun f'pożizzjoni legali li jimponi penali finanzjarja għal nuqqas ta' kontroparti li tirrimborsa jew tħallas, bis-sħiħ jew parzjalment, kwalunkwe ammont tal-kreditu jew tal-prezz tax-xiri mill-ġdid, jew li l-assi mixtrija jiġu kkonsenjati, fil-maturità jew meta jkunu altrimenti dovuti, fil-każ li ma jkun disponibbli l-ebda rimedju għalih bis-saħħa tal-Artikolu 166(2). Il-penalità finanzjarja għandha tiġi kkalkulata skont l-Anness VII, Taqsima I, paragrafu 1(a) ta' din il-Linja Gwida u l-Anness VII, Taqsima I, paragrafi 2 u 4 ta' din il-Linja Gwida, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont ta' flus kontanti li l-kontroparti ma setgħetx tħallas jew tirrimbors, u n-numru ta' jiem kalendarji li matulhom il-kontroparti ma ħallsitx, ma rrimborsatx jew ma kkonsenjatx.”;

27.

L-Annessi VII, VIII u XII huma emendati, u Anness IXa u Anness IXb ġodda huma mdaħħla, skont l-Anness ta' din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-1 ta' Jannar 2017. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-5 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta' Novembru 2016.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(2)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).


ANNESS

L-Annessi VII, VIII u XII tal-Linja Gwida (UE) 2015/510(BĊE/2014/60) huma emendati, u l-Annessi IXa u IXb ġodda huma mdaħħla kif ġej:

1.

fl-Anness VII, il-paragrafu 1(b) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(b)

Għal nuqqas ta' konformità ma' obbligu msemmi fl-Artikolu 154(1)(d), jew (e) penali finanzjarja tiġi kkalkulata bl-użu tar-rata tal-faċilità ta' self marġinali li kienet tapplika fil-jum meta beda n-nuqqas ta' konformità flimkien ma' 5 punti perċentwali. Għal ksur ripetut tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 154(1)(d) jew tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 154(1)(e) f'perijodu ta' 12-il xahar, li jibda mill-jum tal-ewwel ksur, ir-rata tal-penalità tiżdied bi 2,5 punti perċentwali għal kull ksur.”

2.

fl-Anness II, il-paragrafu 5(a) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(a)

Japplika perijodu ta' konċessjoni ta' sebat ijiem kalendarji jekk il-ksur rriżulta minn bidla fil-valutazzjoni, mingħajr sottomissjoni ta' tali strumenti ta' dejn mhux assigurati, u mingħajr it-tneħħija ta' assi mill-aggregat ta' kollateral totali fuq il-bażi ta' dan li ġej:

(i)

żdied il-valur ta' dawk l-istrumenti ta' dejn mhux assigurati mibgħuta diġà; jew

(ii)

il-valur totali tal-aggregat kollaterali totali naqas.

F'dawn il-każijiet il-kontroparti hija meħtieġa li taġġusta l-valur tal-aggregat tal-kollateral totali tagħha u/jew il-valur ta' dawn l-istrumenti ta' dejn mhux assigurati fil-perijodu ta' konċessjoni, biex tiġi żgurata l-konformità mal-limitu applikabbli.”;

3.

fl-Anness VII, il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b'li ġej:

“6.

Jekk il-kontroparti tkun ipprovdiet informazzjoni li taffettwa l-valur tal-kollateral tagħha b'mod negattiv mill-perspettiva tal-Eurosistema fir-rigward tal-Artikolu 145(4), eż. informazzjoni skorretta fuq l-ammont pendenti ta' talba ta' kreditu użata li hija jew kienet falza jew skaduta, jew jekk il-kontroparti tonqos milli tipprovdi informazzjoni fiż-żmien kif meħtieġ skont l-Artikolu 101(1)(a)(iv), l-ammont (valur) tal-kollateral li ġie affettwat b'mod negattiv jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-penalità finanzjarja skont il-paragrafu 3 u l-ebda perijodu ta' konċessjoni ma jkun applikabbli. Jekk l-informazzjoni skorretta tiġi kkoreġuta fil-perijodu ta' notifika, pereżempju għal talbiet ta' kreditu matul il-jum tan-negozju li jmiss bis-saħħa tal-Artikolu 109(2) m'għandha tiġi imposta l-ebda penali.”;

4.

fl-Anness VII, il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b'li ġej:

“7.

Għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 154(1)(d) jew (e), tiġi kkalkulata penali finanzjarja bl-applikazzjoni tar-rata tal-penalità, skont il-paragrafu 1(b), sal-ammont tal-aċċess mhux awtorizzat tal-kontroparti għall- faċilità tas-self marġinali, jew kreditu mhux imħallas mill-Eurosistema.”;

5.

L-Anness VIII huwa emendat kif gej:

(a)

it-titolu huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“REKWIŻITI TA' RAPPURTAR TA' DEJTA TAL-LIVELL TA' SELF GĦAL TITOLI GGARANTITI MINN ASSI U L-PROĊEDURA GĦALL-INDIKAZZJONI TA' REPOŻITORJI TAD-DEJTA TAL-LIVELL TA' SELF TAL-EUROSISTEMA”;

(b)

Il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'li ġej:

“Dan l-Anness japplika għall-għoti ta' dejta komprensiva u standardizzata tal-livell ta' self fuq l-aggregat ta' assi li jiġġeneraw fluss ta' flus li jiggarnatixxu t-titoli ggarantiti b'assi (ABSs) kif speċifikat fl-Artikolu 78, u jistabbilixxi l-proċedura tal-indikazzjoni tal-Eurosistema ta' repożitorji tad-dejta tal-livell ta' self.”;

(c)

It-Taqsima I.1 hija mibdula b'li ġej:

“1.

Id-dejta tal-livell ta' self għandha tiġi sottomessa mill-partijiet rilevanti lil repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self indikat mill-Eurosistema. Ir-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self jippubblika din id-dejta elettronikament.”;

(d)

It-Taqsima IV ġdida hija mdaħħla:

“IV.   INDIKAZZJONI TA' REPOŻITORJI TAD-DEJTA TAL-LIVELL TA' SELF

I.   Rekwiżiti għal indikazzjoni

1.

Biex jiġu indikati, repożitorji tad-dejta tal-livell ta' self għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Eurosistema applikabbli, inkluż aċċess miftuħ, nondiskriminazzjoni, kopertura, struttura ta' governanza xierqa u trasparenza.

2.

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' aċċess miftuħ u nondiskriminazzjoni, repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self:

(a)

m'għandux jiddiskrimina inġustament bejn utenti tad-dejta meta jiġi pprovdut aċċess għal dejta tal-livell ta' self;

(b)

għandu japplika kriterji għall-aċċess għal dejta tal-livell ta' self li hija oġġettiva, mhux diskriminatorja u disponibbli pubblikament;

(c)

jista' jirrestrinġi biss aċċess bl-inqas mod possibbli sabiex jitħares ir-rekwiżit ta' proporzjonalità;

(d)

għandu jistabbilixxi proċeduri ġusti għal drabi meta jiċħad l-aċċess għall-utenti ta' dejta jew fornituri tad-dejta;

(e)

għandu jkollu l-kapaċitajiet tekniċi neċessarji biex jipprovdi l-aċċess kemm għall-utenti tad-dejta kif ukoll il-fornituri tad-dejta fiċ-ċirkustanzi raġonevoli kollha inklużi proċeduri ta' backup ta' dejta, salvagwardji ta' sigurtà tad-dejta, u arranġamenti għall-irkupru minn disastri;

(f)

ma jistax jimponi spejjeż għall-utenti tad-dejta għall-forniment jew l-estrazzjoni ta' dejta fil-livell ta' self li huma diskriminatorji sabiex jingħata lok indebitament għal restrizzjonijiet fuq l-aċċess għad-dejta tal-livell ta' self.

3.

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' kopertura, repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self:

(a)

għandu jistabbilixxi u jżomm sistemi ta' teknoloġija robusti u kontrolli operattivi sabiex ikun jista' jipproċessa dejta tal-livell ta' self b'mod li jsostni r-rekwiżiti tal-Eurosistema għas-sottomissjoni ta' dejta tal-livell ta' self fir-rigward ta' assi eliġibbli suġġetta għal rekwiżiti ta' żvelar ta' dejta tal-livell ta' self, kif speċifikat kemm fl-Artikolu 78 kif ukoll f'dan l-Anness;

(b)

għandu juri b'mod kredibbli lill-Eurosistema li l-kapaċità teknika u operattiva tiegħu tippermettilu jikseb kopertura sostanzjali jekk jikseb status ta' repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self.

4.

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' struttura ta' governanza u trasparenza xierqa, repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self:

(a)

għandu jistabbilixxi arranġament ta' governanza li jservu l-interessi tal-partijiet interessati fis-suq ABS biex titkattar it-trasparenza;

(b)

għandu jistabbilixxi arranġamenti ta' governanza dokumentata b'mod ċar, jirrispetta standards ta' governanza xierqa u jiżgura ż-żamma u l-operazzjoni ta' struttura organizzattiva adegwata biex jiġu żgurati l-kontinwità u l-funzjonament ordnat; u

(c)

għandu jagħti lill-Eurosistema aċċess suffiċjenti għad-dokumenti u informazzjoni ta' appoġġ sabiex jimmonitorja, fuq bażi kontinwa, l-idonjetà kontinwa tal-istruttura ta' governanza tar-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self.

II.   Proċeduri għall-indikazzjoni u l-irtirar tal-indikazzjoni

1.

Applikazzjoni għal indikazzjoni mill-Eurosistema bħala repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self għandha tintbagħat lid-Direttorat tal-Ġestjoni tar-Riskju tal-BĊE. L-applikazzjoni għandha tipprovdi motivazzjoni xierqa u dokumentazzjoni ta' appoġġ kompleta li turi l-konformità tal-applikant mar-rekwiżiti għal repożitorji tad-dejta tal-livell ta' self stabbiliti f'din il-Linja Gwida. L-applikazzjoni, il-motivazzjoni u d-dokumentazzjoni ta' appoġġ għandhom jingħataw bil-miktub u, kull meta jkun possibbli, f'format elettroniku.

2.

Fi żmien 25 jum tax-xogħol minn meta tiġi rċevuta l-applikazzjoni, il-BĊE għandu jivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompleta. Jekk l-applikazzjoni mhijiex kompleta, il-BĊE jiffissa skadenza li sa dakinhar ir-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

3.

Wara li jikkunsidra li applikazzjoni hija kompleta, il-BĊE għandu jinnotifika b'dan lir-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self.

4.

L-Eurosistema għandha, fi żmien raġonevoli stabbiliti fil-paragrafu 6, teżamina applikazzjoni għall-indikazzjoni magħmula minn repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self skont il-konformità ta' repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Linja Gwida. Bħala parti mill-eżami tagħha, l-Eurosistema tista' teħtieġ li r-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self jagħmel wirja waħda jew iżjed interattiva live mal-persunal tal-Eurosistema, sabiex juri l-kapaċitajiet tekniċi tar-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima IV.I, paragrafi 2 u 3. Jekk tkun meħtieġa wirja bħal dik, għandu jiġi kkunsidrat bħala rekwiżit obbligatorju tal-proċess tal-applikazzjoni.

5.

L-Eurosistema tista' testendi l-perijodu ta' eżami b'20 jum tax-xogħol, f'każijiet fejn kjarifikazzjoni addizzjonali hija kkunsidrata neċessarja mill-Eurosistema jew fejn kien hemm ħtieġa ta' wirja skont il-paragrafu 4.

6.

L- Eurosistema għandha l-għan li tadotta deċiżjoni mmotivata biex tindika jew tirrifjuta li tindika fi żmien 60 jum tax-xogħol min-notifika msemmija fil-paragrafu 3, jew fi żmien 80 jum tax-xogħol minnha meta jkun japplika l-paragrafu 5.

7.

Fi żmien ħamest ijiem mill-adozzjoni ta' deċiżjoni taħt il-paragrafu 6, l-Eurosistema għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lir-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self kkonċernat. Meta l-Eurosistema tirrifjuta li tindika r-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self jew tirtira l-indikazzjoni tar-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self, hija tipprovdi raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha fin-notifika.

8.

Id-deċiżjoni adottata mill-Eurosistema bis-saħħa tal-paragrafu 6 tidħol fis-seħħ fil-ħames jum tax-xogħol li jsegwi n-notifika tagħha bis-saħħa tal-paragrafu 7.

9.

Repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self indikat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifika lill-Eurosistema b'kull bidla materjali tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti għal indikazzjoni.

10.

L-Eurosistema għandha tirtira l-indikazzjoni ta' repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self meta r-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self:

(a)

ikun kiseb l-indikazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor; jew

(b)

ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet li bihom ikun ġie indikat.

11.

Deċiżjoni għall-irtirar tal-indikazzjoni ta' repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self tidħol fis-seħħ minnufih. ABSs li fir-rigward tagħhom dejta tal-livell ta' self kienet saret disponibbli permezz ta' repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self li l-indikazzjoni tiegħu tkun ġiet irtirata skont il-paragrafu 10 jistgħu jibqgħu eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet ta' keditu tal-Eurosistema, iżda r-rekwiżiti l-oħra kollha għandhom jiġu ssodisfatti għal perijodu

(a)

sad-data tar-rapportar tad-dejta tal-livell ta' self meħtieġ li jmiss speċifikata fit-Taqsima I.3; jew

(b)

jekk il-perijodu permess taħt (a) teknikament mhuwiex fattibbli għall-parti li tissottometti dejta tal-livell ta' self u spjegazzjoni bil-miktub ġiet ipprovduta lill-BĊN li tivvaluta l-eliġibbiltà sad-data tar-rapportar tad-dejta tal-livell ta' self meħtieġ li jmiss speċifikata fit-Taqsima I.3, tliet xhur wara d-deċiżjoni taħt il-paragrafu 10.

Wara l-iskadenza ta' dan il-perijodu d-dejta tal-livell ta' self għal tali ABSs għandha tkun disponibbli permezz ta' repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self skont ir-rekwiżiti kollha tal-Eurosistema applikabbli.

12.

L-Eurosistema se tippubblika fil-websajt tal-BĊE lista ta' repożitorji tad-dejta tal-livell ta' self indikati skont din il-Linja Gwida. Dik il-lista tiġi aġġoranata fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni skont il-paragrafu 6 jew il-paragrafu 10.”;

6.

L-Anness IXa li ġej huwa mdaħħal:

“ANNESS IXs

Rekwiżiti ta' kopertura minima għall-istituzzjonijiet ta' valutazzjoni ta' kreditu estern fil-qafas tal-valutazzjoni ta' kreditu tal-Eurosistema

Dan l-Anness japplika għall-aċċettazzjoni ta' aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu (CRA) bħala istituzzjoni ta' valutazzjoni tal-kreditu estern (ECAI) fil-qafas tal-valutazzjoni ta' kreditu tal-Eurosistema (ECAF), kif speċifikat tal-Artikolu 120(2).

1.   REKWIŻITI TA' KOPERTURA

1.

Fir-rigward ta' kopertura kurrenti, f'kull waħda ta' mill-inqas tlieta mill-erba' klassijiet ta' assi (a) bonds tal-bank skoperti, (b) bonds korporattivi (c) bonds koperti u (d) ABS, is-CRA għandha tipprovdi kopertura minima ta':

(i)

10 % fl-univers eliġibbli ta' assi taż-żona tal-euro, maħdumin f'termini ta' assi kklassifikati u emittenti kklassifikati, ħlief għall-klassi tal-assi ABS, li għalihom tapplika biss kopertura f'termini ta' assi kklassifikati;

(ii)

20 % fl-univers eliġibbli ta' assi taż-żona tal-euro, ikkomputati f'termini ta' ammonti nominali pendenti;

(iii)

f'mill-inqas 2/3 tal-pajjiżi taż-żona tal-euro b'assi eliġibbli fil-klassijiet ta' assi rispettivi, is-CRA għandha tipprovdi l-kopertura meħtieġa ta' assi kklassifikati, emittenti kklassifikati jew ammonti nominali kklassifikati kif imsemmi fil-punti (i) u (ii).

2.

Is-CRA għandha tipprovdi klassifikazzjonijiet sovrani għal, bħala minimu, pajjiżi tar-residenza tal-emittent taż-żona tal- euro fejn l-assi f'waħda mill-erba' klassijiet msemmija fil-paragrafu 1 huma kklassifikati minn din is-CRA, bl-eċċezzjoni ta' assi li l-Eurosistema tikkunsidra li l-valutazzjoni tar-riskju tal-pajjiż rispettiv bħala irrilevanti għall-klassifikazzjoni ta' kreditu pprovduta mis-CRA għall-ħruġ, l-emittent jew il-garanti.

3.

Dwar il-kopertura storika, is-CRA għandha tissodisfa mill-inqas 80 % tar-rekwiżiti ta' kopertura minimi previsti fil-paragrafi 1 u 2 f'kull waħda mit-tliet snin qabel l-applikazzjoni għall-aċċettazzjoni ECAF, u għandha tissodisfa 100 % ta' dawk ir-rekwiżiti fiż-żmien tal-applikazzjoni u matul il-perijodu kollu tal-aċċetazzjoni ECAF.

2.   KALKOLU TAL-KOPERTURA

1.

Il-kopertura hija kkalkulata fuq il-bażi ta' klassifikazzjonijiet ta' kreditu maħruġa jew approvati mis-CRA skont ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u li tissodisfa r-rekwiżiti kollha l-oħra għall-finijiet ECAF.

2.

Il-kopertura ta' CRA partikolari hija bbażata fuq klassifikazzjonijiet ta' kreditu ta' assi eliġibbli għall-operazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema, u hija kkomputata skont ir-regoli ta' prijorità taħt l-Artikolu 84 billi jiġu kkunsidrati biss il-klassifikazzjonijiet ta' dik is-CRA.

3.

Fil-kalkolu tal-kopertura minima ta' CRA li mhix aċċettata għall-finijiet ECAF, l-Eurosistema tinkludi wkoll il-klassifikazzjonijiet ta' kreditu rilevanti pprovduti għall-assi li mhumiex eliġibbli minħabba nuqqas ta' klassifikazzjoni minn (ECAI) aċċettati ECAF.

3.   REVIŻJONI TAL-KONFORMITÀ

1.

Il-konformità ta' ECAIs aċċettati b'dawn ir-rekwiżiti ta' kopertura jiġu rriveduti kull sena.

2.

Nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-kopertura jistgħu jiġu ssanzjonati skont ir-regoli u l-proċeduri ECAF.”;

7.

L-Anness IXb li ġej huwa mdaħħal:

“ANNESS IXb

Rekwiżiti minimi fil-qafas tal-valutazzjoni ta' kreditu tal-Eurosistema għal ħruġ ġdid u rapporti ta' sorveljanza fuq programmi ta' bonds koperti

1.   INTRODUZZJONI

Għall-finijiet tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema (ECAF), l-istituzzjonijiet għall-valutazzjoni tal-kreditu estern (ECAIs), fir-rigward tal-Artikolu 120(2a), għandhom jikkonformaw mal-kriterji operattivi speċifiċi fir-rigward tal-bonds koperti, b'effett minn 1 ta' Lulju 2017. B'mod partikolari, ECAIs għandhom:

(a)

jispjegaw programmi ta' bonds koperti kklassifikati ġodda f'rapport ta' klassifikazzjoni ta' kreditu pubblikament disponibbli; u

(b)

jagħmlu rapporti ta' sorveljanza fuq programmi ta' bonds koperti disponibbli trimestralment.

Dan l-Anness jistabbilixxi dawn ir-rekwiżiti minimi fid-dettall.

Il-konformità ECAIs ma' dawn ir-rekwiżiti jiġu rriveduti regolarment. Jekk ma jiġux ssodisfatti l-kriterji għall-programm ta' bonds koperti partikolari, l-Eurosistema tista' tqis il-klassifikazzjoni(jiet) ta' kreditu pubbliku relatat(i) mal-programm ta' bonds koperti li ma jilħaqx(jilħqux) l-istandards ta' kreditu għoljin tal-ECAF. Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta' kreditu pubbliku tal-ECAI jista' ma jintużax biex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' kwalità tal-kreditu għal ass negozjabbli taħt il-programm ta' bonds koperti speċifiku.

2.   REKWIŻITI MINIMI

(a)

Ir-rapporti ta' klassifikazzjoni ta' kreditu pubblikament disponibbli (rapport ta' ħarġa ġdida) msemmija fil-paragrafu 1(a) għandhom jinkludu analiżi komprensiva tal-aspetti strutturali u legali tal-programm, valutazzjoni tal-aggregazzjoni tal-kollateral iddettaljata, analiżi tar-rifinanzjament u r-riskju tas-suq, analiżi tal-parteċipanti tat-tranżazzjoni, assunzjonijiet u metriċi proprjetarji ECAI, u analiżi ta' kull dettal rilevanti ieħor tat-tranżazzjoni.

(b)

Ir-rapporti ta' sorveljanza li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1(b) għandhom jiġu ppubblikati mill-ECAI mhux iktar tard minn tmien ġimgħat wara t-tmiem ta' kull trimestru. Ir-rapporti ta' sorveljanza għandu jkollhom l-informazzjoni li ġejja.

(i)

Kull metrika proprjetarja ECAI, inklużi l-aħħar metriċi proprjetari dinamiċi disponibbli użati fid-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni. Jekk id-data li għaliha jirriferu l-metriċi proprjetarji hija differenti mid-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport, id-data li għaliha jirriferu l-metriċi proprjetarji għandha tiġi speċifikata.

(ii)

Ħarsa ġenerali tal-programm, li tinkludi, tal-inqas, l-assi u l-obbligazzjonijiet pendenti, l-emittent u partijiet tat-tranżazzjoni ewlenin oħrajn, it-tip ta' assi kollaterali, il-qafas legali li għalih huwa suġġett il-programm, u l-klassifikazzjoni tal-programm u l-emittent.

(iii)

Livelli ta' kollateralizzazzjoni żejda, inklużi kollateralizzazzjonijiet kurrenti u kommessi.

(iv)

Il-profil tal-obbligu tal-assi, inkluż it-tip ta' maturità tal-bonds koperti, eż. hard bullet, soft bullet, jew pass through, il-ħajja medja peżata tal-bonds koperti u tal-aggregazzjoni ta' kopertura u informazzjoni fuq ir-rata tal-imgħax u diskrepanzi fil-muniti.

(v)

Arrangamenti ta' rata ta' imgħax u swap ta' munita eżistenti meta ssir il-pubblikazzjoni tar-rapport, inklużi ismijiet tal-kontroparti tal-iswap u, meta jkunu disponibbli, l-identifikaturi tal-entità legali tagħhom.

(vi)

Id-distribuzzjoni tal-muniti, inkluż tqassim f'termini ta' valur fil-livell kemm tal-aggregazzjoni koperta u tal-bonds individwali.

(vii)

Assi tal-aggregazzjoni koperta, inklużi bilanċ tal-assi, tipi ta' assi, numru u daqs medju ta' self, staġonatura, maturità, proprozjonijiet self għal valutazzjoni, distribuzzjoni reġjunali u distribuzzjoni ta' arretrati.

(viii)

Assi sostituti tal-aggregazzjoni koperta, inkluż il-bilanċ tal-assi.

(ix)

Il-lista tat-titoli kklassifikati kollha fil-programm, identifikati min-numru ta' identifikazzjoni ta' titoli internazzjonali tagħhom (ISIN). Dan l-iżvelar jista' jsir ukoll permezz ta' fajl separat li jista' jitniżżel mill-websajt tal-ECAI.

(x)

Lista ta' definizzjonijiet u sorsi tad-dejta użati fil-produzzjoni tar-rapport ta' sorveljanza. Dan l-iżvelar jista' jsir ukoll permezz ta' fajl separat ippubblikat fuq il-websajt tal-ECAI.”

8.

L-Anness XII, Taqsima VI huwa emendat kif ġej:

(a)

It-Tabella 1 hija ssostitwita b'dan li ġej:

“Tabella 1

Assi negozjabbli mobilizzati fit-tranżazzjonijiet

Karatteristiċi

Isem

Klassi tal-assi

Data tal-maturità

Definizzjoni tal-kupun

Frekwenza tal-kupun

Maturità residwa

Haircut

Assi A

Bond kopert jumbo li jikkonforma tal-UCITS

30.8.2018

Rata fissa

6 xhur

4 snin

2,50 %

Assi B

Bond tal-Gvern ċentrali

19.11.2018

Rata varjabbli

12-il xahar

4 snin

0,50 %

Assi C

Bond ta' kumpannija

12.5.2025

Rata kupun żero

 

> 10 snin

13,00 %


Prezzijiet f'persentaġġi (inkluż imgħax akkumulat) (*1)

30.7.2014

31.7.2014

1.8.2014

4.8.2014

5.8.2014

6.8.2014

7.8.2014

101,61

101,21

99,50

99,97

99,73

100,01

100,12

 

98,12

97,95

98,15

98,56

98,59

98,57

 

 

 

 

 

53,71

53,62

(b)

il-paragrafu 1 taħt “SISTEMA TA' ASSENJAZZJONI” huwa mibdul b'li ġej:

“1.

Fit-30 ta' Lulju 2014, il-kontroparti tidħol fi tranżazzjoni ta' xiri mill-ġdid ma' BĊN, li jixtri EUR 50.6 miljun ta' Assi A. Assi A huwa bond tal-bank kopert jumbo b'kupun fiss li jimmatura fit-30 ta' Awwissu 2018 u allokat lill-pass ta' kwalità ta' kreditu 1-2. Għalhekk għandu maturità reżidwa ta' erba' snin biex b'hekk ikun meħtieġ haircut ta' valutazzjoni ta' 2,5 %. Il-prezz tas-suq ta' Assi A fis-suq ta' referenza tiegħu f'dak il-jum huwa 101,61 %. li jinkludi l-imgħax akkumulat fuq il-kupun. Il-kontroparti hija meħtieġa tipprovdi ammont ta' Assi A, li wara t-tnaqqis tal-haircut ta' valutazzjoni tat-2,5 %, jaqbeż l-ammont allokat ta' EUR 50 miljun. Il-kontroparti għalhekk tikkonsenja Assi A għal ammont nominali ta' EUR 50,6 miljun, li l-valur tas-suq aġġustat huwa ta' EUR 50 129 294 f'dak il-jum.”.


(*1)  Il-prezzijiet murija għal data ta' valutazzjoni speċifika jikkorrespondu mal-prezz l-aktar rappreżentattiv fil-jum tan-negozju ta' qabel din id-data ta' valutazzjoni.”;


Top