EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016O0015

Linja Gwida (UE) 2016/1061 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/8 dwar ġbir ta' dejta dwar l-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2 (BĊE/2016/15)

OJ L 173, 30.6.2016, p. 102–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2016/1061/oj

30.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/102


LINJA GWIDA (UE) 2016/1061 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta' Mejju 2016

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/8 dwar ġbir ta' dejta dwar l-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2 (BĊE/2016/15)

Il-kunsill governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 ta' Diċembru 1993, li jispeċifika definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 104 u 104b(1) tat-Trattat (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) jipprovdu li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus euro fi ħdan l-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 128(2) tat-Trattat jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu joħorġu muniti soġġett għall-approvazzjoni mill-BĊE tal-volum tal-ħruġ. Għalhekk, il-BĊE jadotta deċiżjonijiet annwali li japprovaw il-volum ta' ħruġ ta' muniti mill-Istati Membri li adottaw l-euro (iktar 'il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”) u deċiżjonijiet li japprovaw volumi addizzjonali ta' ħruġ ta' muniti minn Stat Membru wieħed jew minn bosta Stati Membri parteċipanti fuq bażi ad hoc.

(3)

L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ jipprovdi li biex ikun jista' jwettaq il-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) il-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), għandu jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ, li jikkonsisti f'tagħrif statistiku fil-qasam tal-ħruġ ta' karti tal-flus u muniti euro.

(4)

Barra minn hekk, jeħtieġ li l-BĊE jiġbor informazzjoni għall-iskop tal-monitoraġġ tal-konformità mal-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 123 tat-Trattat u implimentata bir-Regolament (KE) Nru 3603/93. B'mod partikolari, l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 3603/93 jipprovdi li kwalunkwe ż-żamma minn kwalunkwe BĊNi ta' muniti euro maħruġa minn u kkreditati lis-settur pubbliku m'għandhomx jitqiesu bħala faċilità ta' kreditu skont it-tifsira tal-Artikolu 123 tat-Trattat fejn l-ammonti ta' dawk l-assi jibqgħu inqas minn 10 % tal-muniti fiċ-ċirkolazzjoni.

(5)

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ ta' muniti euro, u meta jitqies ir-rwol essenzjali tal-biċċa l-kbira tal-BĊNi fid-distribuzzjoni tal-muniti euro, biex iwettqu l-kompiti deskritti hawn fuq, il-BĊE, flimkien mal-BĊNi, għandhom bżonn jiġbru dejta dwar karti tal-flus u muniti euro. Tali ġbir ta' dejta għandu jiffaċilita t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-ħruġ ta' karti ta' flus u muniti euro u għandu jippermetti lill-BĊE jimmonitorja l-konformità ma' kwalunkwe deċiżjonijiet f'dan il-qasam fir-rigward tal-ippjanar tal-produzzjoni tal-karti tal-flus euro u l-koordinazzjoni tal-ħruġ tagħhom, it-tqegħid ta' karti tal-flus euro f'ċirkolazzjoni u l-arranġament ta' kwalunkwe trasferiment neċessarju ta' karti ta' flus euro bejn il-BĊNi. L-effetti ta' sinerġija ta' dak il-ġbir ta' dejta għandhom jippermettu wkoll lill-BĊE biex jipprovdi dejta, fejn dan jintalab, lill-istituzzjonijiet u l-korpi b'kompetenzi fir-rigward tal-muniti euro.

(6)

Il-proċedura għall-ġbir ta' dejta relatata ma' karti tal-flus euro teħtieġ li tiġi mtejba, b'mod partikolari billi jiġu integrati ċerti elementi tal-Artikolu 2a tal-Linja Gwida BĊE/2008/8 (2) fl-Artikolu 2 u billi jitħassru elementi li m'għadhomx meħtieġa.

(7)

Il-proċedura għall-ġbir ta' dejta relatata ma' muniti euro għandha tiġi mtejba wkoll.

(8)

Definizzjoni tat-terminu “entitajiet li joħorġu muniti” skont l-Artikolu 128(2) tat-Trattat għandha tiġi inkluża għal raġunijiet ta' ċertezza legali.

(9)

Il-proċedura għall-ġbir ta' dejta relatata ma' infrastruttura ta' flus kontanti u attivitajiet operazzjonali ta' terzi għandha tittejjeb ukoll. Ċerti dispożizzjonijiet li jiddefinixxu meta d-dejta għandha tiġi rrapportata għall-ewwel darba u li tiddefinixxi perijodi tranżitorji m'għadhomx meħtieġa.

(10)

L-aċċess għall-Currency Information System 2 (CIS 2) ser ikun ristrett għall-BĊE, il-BĊNi u kwalunkwe BĊN futur fl-Eurosistema. Il-possibbiltà li jingħata aċċess lil terzi eliġibbli mhux ser tibqa' disponibbli. Terzi interessati, bħall-Kummissjoni Ewropea u entitajiet li joħorġu muniti fir-rigward ta' dejta relatata ma' muniti, ser jiġu infurmati mid-Direttorat tal-BĊE għall-Karti tal-Flus.

(11)

Aktar emendi minuri huma meħtieġa biex jiġu aġġornati l-proċeduri għall-ġbir ta' informazzjoni statistika fil-qasam tal-ħruġ ta' karti tal-flus u muniti euro.

(12)

Għalhekk, il-Linja Gwida BĊE/2008/8 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida BĊE/2008/8 hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(c)

‘CIS 2’ tfisser is-sistema li tinkludi: (i) id-database ċentrali installata fil-BĊE biex iżżomm l-informazzjoni relevanti kollha dwar il-karti tal-flus euro, il-muniti euro, l-infrastrutturi ta' flus kontanti u l-attivitajiet operazzjonali ta' terzi, miġbura skont din il-Linja Gwida u d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 (*); (ii) l-applikazzjoni online bbażata fuq il-web li tippermetti konfigurazzjoni flessibbli tas-sistema u informazzjoni dwar it-tqassim tad-dejta u l-istatus tal-validazzjoni, reviżjonijiet u tipi differenti ta' dejta ta' referenza u parametri tas-sistema; (iii) il-modulu tar-rappurtar sabiex wieħed jara u janalizza d-dejta miġbura; u (iv) il-mekkaniżmu ta' trażmissjoni tas-CIS 2;

(*)  Deċiżjoni BĊE/2010/14 tas-16 ta' Settembru 2010 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus euro (ĠU L 267, 9.10.2010, p. 1).”;"

(b)

il-punti (g) sa (n) huma mibdula b'dan li ġej:

“(g)

‘mekkaniżmu ta' trażmissjoni CIS 2’ tfisser l-applikazzjoni tas-SEBĊ XML Data Integration (EXDI). L-applikazzjoni EXDI tintuża biex jiġu trażmessi messaġġi ta' dejta bejn BĊNi, BĊNi futuri tal-Eurosistema u l-BĊE b'mod kunfidenzjali, indipendentement mill-infrastruttura teknika (eż. networks tal-kompjuter u applikazzjonijiet tas-software) li tappoġġhom;

(h)

‘messaġġ ta' dejta’ tfisser fajl li fih dejta ta' kuljum, ta' kull xahar jew ta' nofs sena ta' BĊN jew BĊN futur tal-Eurosistema għal perijodu ta' rappurtar wieħed jew, fil-każ ta' reviżjonijiet, perijodu wieħed jew bosta perijodi ta' rappurtar f'format ta' dejta kumpatibbli mal-mekkaniżmu ta' trażmissjoni CIS 2;

(i)

‘Stat Membru futur parteċipanti’ tfisser Stat Membru mhux parteċipanti li ssodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-adozzjoni tal-euro u li dwaru tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-abrogazzjoni tad-deroga (skont l-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea);

(j)

‘jum ta' negozju’ tfisser jum li fih BĊN li jirrapporta jkun miftuħ għan-negozju;

(k)

‘dejta ta' kontabbiltà’ tfisser il-valur mhux aġġustat ta' karti tal-flus euro f'ċirkolazzjoni kkoreġuti bl-ammont ta' klejms mhux imħallsa fil-konfront ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li joperaw programm estiż ta' kustodja tal-inventarju fl-għeluq ta' perijodu ta' rappurtar skont l-Artikolu 12(2)(a) u (b) tal-Linja ta' Gwida BĊE/2010/20 (**);

(l)

‘ġrajja ta' dejta’ tfisser ġrajja reġistrata fis-CIS 2 li jistkatta t-trasmissjoni ta' notifika mis-CIS 2 lil BĊN wieħed jew aktar u lill-BĊE. Ġrajja ta' dejta sseħħ: (i) meta BĊN ikun bagħat messaġġ ta' dejta ta' kuljum, ta' kull xahar jew ta' nofs sena lis-CIS 2 li jiskatta messaġġ ta' risposta lil dak il-BĊN u lill-BĊE; (ii) meta il-messaġġi ta' dejta tal-BĊNi kollha jkunu ġew ivvalidati b'suċċess għal perijodu ta' rappurtar ġdid li jiskatta messaġġ ta' rapport dwar l-istatus mis-CIS 2 lill-BĊNi u lill-BĊE; jew (iii) meta, wara li jintbgħat messaġġ ta' rapport tal-istatus ta' rapport, messaġġ ta' dejta rivedut għal BĊN jiġi vvalidat b'suċċess mis-CIS 2 li jiskatta notifika ta' reviżjoni lill-BĊNi u lill-BĊE;

(m)

‘Cash handlers’ tfisser l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 (***);

(n)

“entitajiet li joħorġu muniti” tfisser kwalunkwe korp fdat minn Stat Membru taż-żona tal-euro bil-kompitu li jpoġġi muniti euro f'ċirkolazzjoni. Entitajiet li joħorġu muniti jistgħu jinkludu BĊNi, zekek nazzjonali, teżori nazzjonali, aġenzji u entitajiet pubbliċi maħruġa li jpoġġu f'ċirkolazzjoni muniti taħt skemi ta' coin-held-to-order:

(**)  Linja Gwida BĊE/2010/20 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta' Novembru 2010 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 31)."

(***)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).”;"

(c)

Id-definizzjonijiet li ġejjin huma mdaħħla wara l-punt (n):

“(o)

‘skema ta' coin-held-to-order (CHTO)’ tfisser skema li tikkonsisti f'arranġamenti kuntrattwali individwali bejn entità li toħroġ muniti u kustodju jew kustodji fl-Istat Membru tal-entità li toħroġ il-muniti, li permezz tagħha l-entità li toħroġ il-muniti:

(i)

tissuplixxi lill-kustodji b'muniti euro sabiex iżommuhom f'kustodja barra mill-fond tal-entità li toħroġ il-muniti bl-iskop li tpoġġihom f'ċirkolazzjoni; u

(ii)

tikkredita jew tiddebita direttament il-kont tal-BĊN miżmum minn wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

il-kustodju;

istituzzjonijiet ta' kreditu li huma klijenti li jixtru muniti euro mingħand il-kustodju.

Il-muniti euro soġġetti għall-iskema CHTO huma ddepożitati ma' jew miġbuda mill-fond ta' kustodja tal-entità li toħroġ il-muniti mill-kustodju jew mill-klijenti tal-kustodju kif innotifikat lill-BĊN.

(p)

‘element ta' dejta tal-kategorija 1’ tfisser element ta' dejta rrapportat mill-BĊNi lis-CIS 2 kif iddefinit fl-Annessi I sa III u fl-Anness VII, li għandha tiġi rrapportata għal kull perijodu ta' rapportar;

(q)

‘element ta' dejta mmexxi minn avveniment’ tfisser element ta' dejta rrapportat mill-BĊNi lis-CIS 2 kif iddefinit fl-Annessi I sa III u fl-Anness VII, li għalih id-dejta hija rrapportata biss jekk l-avveniment sottostanti jseħħ matul il-perijodu ta' rapportar;

(r)

‘Identity and Access Management (IAM)’ tfisser servizz ta' sigurtà kondiviż, użat biex jagħti u jikkontrolla aċċess għal applikazzjonijiet tas-SEBĊ;”

2.

L-Artikolu 2 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Ġbir ta' dejta relatata mal-karti tal-flus euro

1.   Il-BĊNi għandhom jirrapurtaw lill-BĊE id-dejta tas-CIS 2 relatata mal-karti tal-flus euro, i.e. l-elementi tad-dejta speċifikati fil-Parti 1 tal-Anness I u fl-Anness VII, waqt li josservaw il-frekwenza tar-rapportar speċifikata fihom u r-regoli ta' prenotazzjoni speċifikati fil-Parti 3 tal-Anness I.

2.   Il-BĊNi għandhom jittrażmettu d-dejta ta' kull xahar identifikata bħala dejta mmexxija minn avvenimenti relatata ma' karti tal-flus euro sa mhux aktar tard mis-sitt ġurnata ta' xogħol tax-xahar ta' wara l-perijodu ta' rappurtar.

3.   Il-BĊNi għandhom jittrażmettu d-dejta ta' kuljum identifikata bħala dejta mmexxija minn avvenimenti relatata ma' karti tal-flus euro sa mhux aktar tard mill-17.00, Ħin Ċentrali Ewropew (CET) (****) fil-jum ta' ħidma ta' wara l-perijodu ta' rapportar.

4.   Il-BĊNi għandhom jużaw il-mekkaniżmu ta' trażmissjoni CIS2 biex jittrażmettu d-dejta relatata mal-karti tal-flus euro lill-BĊE skont din il-Linja Gwida.

(****)  Is-CET iqis il-bidla għall-Ħin tas-Sajf tal-Ewropa Ċentrali (Central European Summer Time).”;"

3.

L-Artikolu 2a huwa mħassar;

4.

L-Artikolu 3 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Ġbir ta' dejta relatata mal-muniti euro

1.   Il-BĊNi għandhom jiġbru d-dejta tas-CIS 2 relatata mal-muniti euro, i.e. l-elementi ta' dejta speċifikati fil-Parti 1 tal-Anness II, mill-entitajiet relevanti li joħorġu muniti euro fl-Istati Membri tagħhom.

2.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE dejta tas-CIS 2 relatata mal-muniti euro fuq bażi ta' kull xahar, waqt li josservaw ir-regoli ta' prenotazzjoni speċifikati fil-Parti 3 tal-Anness II.

3.   Il-BĊNi għandhom jużaw il-mekkaniżmu ta' trażmissjoni CIS2 biex jittrażmettu d-dejta relatata mal-karti tal-flus euro lill-BĊE skont din il-Linja Gwida.”;

5.

L-Artikolu 4 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

it-titolu huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Ġbir ta' dejta relatata mal-infrastruttura tal-flus kontanti u l-attivitajiet operazzjonali ta' terzi skont id-Deċiżjoni BĊE/2010/14”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-BĊNi għandhom jipprovdu lill-BĊE bl-infrastruttura tal-flus kontanti u bid-dejta operazzjonali, kif speċifikat fl-Anness IIIa, fuq bażi ta' kull sitt xhur. Id-dejta pprovduta lill-BĊE għandha tkun ibbażata fuq id-dejta li l-BĊNi jkunu kisbu mingħand il-cash handlers skont l-Anness IV tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14.”;

(c)

il-paragrafi 2, 3 u 7 huma mħassra.

6.

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“1.   BĊN għandu jinkludi fl-arranġamenti kuntrattwali li huwa jinkludi ma' BĊN futur tal-Eurosistema skont l-Artikolu 3(3) tal-Linja Gwida BĊE/2006/9 (*****), dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-obbligi ta' rapportar stipulati f'dik il-Linja Gwida. Barra minn hekk, l-arranġamenti kuntrattwali għandhom jeħtieġu li l-BĊN futur tal-Eurosistema jirrapporta lill-BĊE fuq bażi ta' kull xahar l-elementi ta' dejta speċifikati fit-Taqsimiet 4 u 5 tat-tabella tal-Anness I u t-Taqsimiet 4 u 7 tat-tabella fl-Anness II. Il-BĊN futur tal-Eurosistema għandu jkun meħtieġ li jirrapporta waqt li josserva mutatis mutandis ir-regoli ta' prenotazzjoni speċifikati fil-Parti 3 tal-Anness I u l-Parti 3 tal-Anness II, relatati ma' kwalunkwe karti tal-flus euro u/jew muniti li huwa jissellef mingħand BĊN u li jkunu ġew ikkonsenjati lilu mill-istess BĊN. Meta BĊN futur tal-Eurosistema ma jkunx ikkonkluda dawn il-ftehimiet kontrattwali ma' BĊN, il-BĊE għandu jikkonkludi dawn il-ftehimiet kontrattwali ma' dak il-BĊN futur tal-Eurosistema, inklużi l-obbligazzjonijiet ta' rappurtar riferiti f'dan l-Artikolu.

(*****)  Linja Gwida BĊE/2006/9 tal-14 ta' Lulju 2006, dwar ċerti preparazzjonijiet għat-tibdil tal-flus kontanti euro u dwar il-frontloading u s-subfrontloading tal-karti tal-flus u muniti euro barra ż-żona tal-euro (ĠU L 207, 28.7.2006, p. 39).”;"

7.

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 huwa mibdul b'dan li ġej:

“4.   Il-BĊNi għandhom jużaw il-mekkaniżmu ta' trażmissjoni CIS2 biex jittrażmettu d-dejta msemmija fil-paragrafu 1.”;

8.

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

“3.   Il-BĊNi għandhom jittrasmettu b'mod tempestiv lill-BĊE, meta jintalbu jagħmlu dan, il-parametri tas-sistema speċifikati fl-Anness IV u għandhom jittrasmettu wkoll lill-BĊE kwalunkwe bidla sussegwenti fil-parametri tas-sistema.”;

9.

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“1.   BĊNi għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw il-kompletezza u l-korrettezza tad-dejta meħtieġa skont din il-Linja ta' Gwida qabel jittrażmettuha lill-BĊE. Bħala minimu, huma għandhom iwettqu:

(a)

il-verifiki tal-kompletezza, jiġifieri jiżguraw li elementi ta' dejta tal-kategorija 1 u li huma mmexxija minn ġrajjiet jiġu rrapportati skont il-prinċipji stipulati f'din il-Linja Gwida u fl-Annessi V u VII;

(b)

il-verifiki ta' korrettezza stipulati fl-Anness VI.

L-applikazzjoni CIS 2 għandha tiċħad messaġġi ta' dejta li ma jkunux jinkludu elementi ta' dejta tal-kategorija 1 kif iddefinit fl-Anness I sa III u fl-Anness VII, li għandhom jiġu rrapportati għall-perijodu ta' rapportar rispettiv.”;

10.

L-Artikolu 8 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Aċċess għas-CIS 2

1.   Malli jirċievi talba għal aċċess minn utent elettroniku permezz tal-IAM u soġġett għall-konklużjoni tal-arranġamenti kuntrattwali separati deskritti fil-paragrafu 2, il-BĊE għandu jagħti aċċess lis-CIS 2 għall-utenti individwali minn kull BĊN u kull BĊN futur tal-Eurosistema, soġġett għad-disponibbiltà u l-kapaċità.

2.   Ir-responsabbiltà għall-ġestjoni teknika tal-utenti għall-utenti individwali għandha tiġi stipulata f'arranġamenti kuntrattwali separati bejn il-BĊE u BĊN għall-utenti individwali tiegħu u bejn il-BĊE u BĊN futur tal-Eurosistema għall-utenti individwali ta' dan tal-aħħar. Il-BĊE jista' jinkorpora wkoll f'dawn il-ftehimiet kontrattwali referenzi għal ftehimiet dwar il-ġestjoni tal-utenti, standards ta' sigurtà u kundizzjonijiet għal-liċenzjar applikabbli għas-CIS 2.”;

11.

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit skont kif ġej:

“2.   Skont l-Artikolu 17.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bord Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jagħmel emendi tekniċi għall-Annessi f'din il-Linja Gwida u għall-ispeċifikazzjonijiet tal-mekkaniżmu ta' trasmissjoni tas-CIS 2, wara li jqis il-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus, tal-Kumitat Legali u tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida mill-1 ta' Lulju 2016.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 26 ta' Mejju 2016.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 1. L-Artikoli 104 u 104b(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ġew issostitwiti bl-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)  Linja Gwida BĊE/2008/8 tal-11 ta' Settembru 2008 fuq il-ġbir ta' dejta dwar l-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2 (ĠU L 346, 23.12.2008, p. 89).


Top