EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0030

Deċiżjoni (UE) 2016/1974 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-31 ta' Ottubru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) dwar it-tieni serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2016/30)

OJ L 304, 11.11.2016, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1974/oj

11.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/7


DEĊIŻJONI (UE) 2016/1974 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-31 ta' Ottubru 2016

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) dwar it-tieni serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2016/30)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, it-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-28 ta' April 2016, fit-twettiq tal-mandat tiegħu għall-istabbiltà tal-prezzijiet u sabiex jittaffew iktar l-kundizzjonijiet ta' kreditu tas-settur privat u jiġi stimulat il-ħolqien ta' kreditu, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2016/810 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/10) (1). Din id-Deċizjoni tistabbilixxi d-dettalji għal serje ta' erba' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTROs-II) li għandhom isiru minn Ġunju 2016 sa Marzu 2017 fuq bażi trimestrali.

(2)

Sabiex tiġi indirizzata l-inkonsistenza bejn l-iskadenza għall-istituzzjonijiet prinċipali biex japplikaw għal tibdil fil-kompożizzjoni tal-grupp TLTRO-II kif indikat fil-kalendarju indikattiv għat-TLTRO-II ippubblikat fil-websajt tal-BĊE u l-perijodu msemmi fl-Artikolu 3(7)(a) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10), il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jekk tibdil għall-kompożizzjoni ta' grupp TLTRO-II jiġi aċċettat skont l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) jew iseħħ skont l-Artikolu 3(6)(b) jew (c) ta' dik id-Deċiżjoni, l-istituzzjoni prinċipali tista' tipparteċipa fit-TLTRO-II fuq il-bażi tal-kompożizzjoni ġdida tal-grupp TLTRO-II tagħha wara li tkun kisbet konferma mill-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) tagħha li l-kompożizzjoni l-ġdida tal-grupp TLTRO-II ġiet irrikonoxxuta.

(3)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 3(6)(b), il-punt (i) huwa mindul b'li ġej:

“(i)

l-istituzzjoni prinċipali tapplika għand il-BĊN tagħha għar-rikonoxximent tal-bidla fil-kompożizzjoni tal-grupp TLTRO-II skont il-kalendarju indikattiv għat-TLTRO-II ippubblikat fuq il-websajt tal-BĊE;”;

2.

Fl-Artikolu 3(7), il-punt (a) huwa mibdul b'dan li gej:

“(a)

fir-rigward tat-tibdil li għalih japplikaw il-paragrafu 5, il-paragrafu 6(b), jew il-paragrafu 6(c), l-istituzzjoni prinċipali tista' tieħu sehem f'TLTRO-II fuq il-bażi tal-kompożizzjoni l-ġdida tal-grupp tat-TLTRO-II tagħha biss wara li tkun kisbet konferma mill-BĊN tagħha li l-kompożizzjoni ġdida tal-grupp TLTRO-II ġie rrikonoxxut; u”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Ottubru 2016.

Magħmula fi Frankfurt am Main, il-31 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/810 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar it-tieni serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2016/10) (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 107)


Top