EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0017(01)

Deċiżjoni (UE) 2016/956 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2) li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2016/17)

OJ L 159, 16.6.2016, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/956/oj

16.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/21


DEĊIŻJONI (UE) 2016/956 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta' Ġunju 2016

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2) li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2016/17)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 11.6 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Għall-finijiet taċ-ċarezza, uħud mir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (BĊE/2016/2) (2) għandhom jiġu rraffinati iktar.

(2)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2) hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa mibdul b'li ġej:

“2.   Il-BĊE jista' jordna mill-kuntrattur inizjali provvisti, servizzi jew xogħlijiet addizzjonali, irrispettivament mill-valur tagħhom, sakemm l-emendi meħtieġa għall-kuntratt inizjali ma jkunux sostanzjali.

L-emendi għandhom jiġu kkunsidrati sostanzjali jekk jibdlu n-natura kumplessiva tal-kuntratt, partikolarment fejn kundizzjoni waħda jew iżjed milli ġejjin jiġu ssodisfatti:

(a)

l-emenda tintroduċi kundizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura ta' akkwist inizjali, kienu jippermettu d-dħul ta' kandidati oħrajn minbarra dawk magħżula inizjalment, jew għall-aċċettazzjoni ta' offerta li mhix dik aċċettata oriġinarjament jew li kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura ta' akkwist;

(b)

l-emenda tbiddel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt favur il-kuntrattur b'mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali;

(c)

l-emenda testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-kuntratt b'mod konsiderevoli;

(d)

kuntrattur ġdid jissostitwixxi lil dak li jkun ingħata l-kuntratt inizjali f'każijiet minbarra dawk stabbiliti fil-paragrafu 4.

Emendi għandhom jiġu kkunsidrati li mhumiex sostanzjali fi kwalunkwe ċirkustanza jekk il-valur kumulattiv tagħhom jibqa' taħt (a) il-livelli rilevanti previst fl-Artikolu 4(3), u (b) 10 % tal-valur inizjali tal-kuntratt għal kuntratti ta' provvista u servizz jew 15 % tal-valur tal-kuntratt inizjali għal kuntratti ta' xogħlijiet.”;

2.

Fl-Artikolu 11, l-aħħar sentenza tal-paragrafu 3 hija mħassra;

3.

Fl-Artikolu 12, l-aħħar sentenza tal-paragrafu 4 hija mħassra;

4.

Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 1 huwa mħassar.

5.

fl-Artikolu 30, il-paragrafu 7 huwa mibdul b'li ġej:

“7.   Meta kandidat jew offerent, jew impriża relatata ma' kandidat, ikunu involuti fit-tħejjija ta' proċedura ta' akkwisti, pereżempju billi jagħtu pariri dwar l-istrateġija tal-akkwisti jew l-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet, il-BĊE għandu jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura li l-kompetizzjoni mhijiex distorta bil-parteċipazzjoni ta' dak il-kandidat jew offerent. Il-BĊE jista' jeskludi lill-kandidat jew lill-offerent ikkonċernat mill-proċedura, jekk dan ikun meħtieġ għal dawk il-finijiet. Qabel l-esklużjoni, il-kandidat jew l-offerent għandhom jingħataw l-opportunità biex iressqu prova li l-involviment preċedenti tagħhom ma joħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni.”;

6.

fl-Artikolu 35, punt 3 huwa mibdul b'li ġej:

“3.

Il-BĊE għandu jagħżel il-fornituri mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura ta' sejħa għal offerti jew minn fost l-offerenti ammessi għal sistema ta' xiri dinamika jew, meta ma jkunx hemm sistema bħal din fis-seħħ, minn lista ta' fornituri adattati mħejjija wara sejħa għal espressjonijiet ta' interess. Meta ebda lista ta' dan it-tip ma tiġi stabbilita, il-BĊE għandu jagħżel il-fornituri li għandhom jiġu mistiedna skont id-diskrezzjoni tiegħu, fuq il-bażi ta' analiżi tas-suq kif suppost, waqt li jitqies kwalunkwe interess transkonfinali, hekk kif jikkonferma l-adegwatezza tal-fornituri u l-interess tagħhom biex jipparteċipaw fil-proċedura. L-analiżi tas-suq tista' tinkludi pubblikazzjoni tal-opportunità ta' kuntratt f'sistema ta' akkwisti elettronika. Alternattivament, il-BĊE jista' jippubblika avviż ta' kuntratt fuq il-websajt tiegħu jew juża mezzi oħra xierqa. F'dak il-każ, il-fornituri mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura ta' sejħa għal offerti għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tar-risposti riċevuti. Fornituri oħrajn li jissodisfaw l-istess kriterji jistgħu wkoll jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura ta' sejħa għal offerti.”;

7.

fl-Artikolu 35, punt 4 huwa mibdul b'li ġej:

“4.

Jekk il-valur ta' kuntratt ta' servizz imsemmi fl-Artikolu 6(2) imnaqqsal-VAT ikun iktar minn jew ta' EUR 750 000 jew aktar, il-BĊE għandu jippubblika avviż ta' kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-fornituri mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura ta' sejħa għal offerti għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tar-risposti riċevuti. Fornituri oħrajn li jissodisfaw l-istess kriterji jistgħu wkoll jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura ta' sejħa għal offerti.”;

8.

fl-Artiklu 41, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 hija mibdula b'li ġej:

“Proċeduri ta' akkwisti li jkunu nbdew qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu kkompletati skont id-Deċiżjoni BĊE/2007/5.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

Magħmula fi Frankfurt am Main, is-7 ta' Ġunju 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(2)  Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Frar 2016 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2016/2), ĠU L 45, 20.2.2016, p. 15.


Top