EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0012

Deċiżjoni (UE) 2016/955 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-6 ta' Mejju 2016 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/54 dwar il-proċeduri ta' akkreditazzjoni għal manifatturi ta' oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro (BĊE/2016/12)

OJ L 159, 16.6.2016, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/05/2021; Impliċitament imħassar minn 32020D0637

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/955/oj

16.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/19


DEĊIŻJONI (UE) 2016/955 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-6 ta' Mejju 2016

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/54 dwar il-proċeduri ta' akkreditazzjoni għal manifatturi ta' oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro (BĊE/2016/12)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 16 u l-Artikolu 34.3,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Settembru 1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jipprovdu li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Dan id-dritt jinkludi l-kompetenza biex jieħu miżuri biex jipproteġi l-integrità ta' karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta' pagament.

(2)

Wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni BĊE/2013/54 (3), beda jidher ċar li s-setgħa tal-BĊE li jimponi penali xierqa u proporzjonati, inklużi penali finanzjarji, f'każ ta' nuqqas ta' konformità, għandha tiġi msaħħa sabiex tkopri x-xenarji kollha li jistgħu jeħtieġu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet skont l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/54.

(3)

Għalhekk, id-Deċiżjoni BĊE/2013/54 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 20 tad-Deċizjoni BĊE/2013/54 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 20

Penali finanzjarji f'każ ta' diskrepanzi fil-kwantitajiet ta' karti tal-flus tal-euro jew karta tal-karti tal-flus

1.   B'konformità mar-rekwiżiti ta' sigurtà sostantivi, manifattur li jwettaq produzzjoni ta' karta tal-karti tal-flus tal-euro jew ta' karti tal-flus tal-euro għandu jirrapporta lill-BĊE kull diskrepanza identifikata fil-kwantitajiet ta' karta tal-karti tal-flus tal-euro jew fil-kwantitajiet ta' karti tal-flus tal-euro stampati kollha jew partijiet minnhom matul attività tal-euro sigura fis-sit ta' manifattura akkreditat tiegħu.

2.   Jekk matul attività tal-euro sigura fis-sit tal-manifattura akkredita isseħħ diskrepanza fil-kwantitajiet ta' karta tal-karti tal-flus tal-euro jew fil-kwantitajiet ta' karti tal-euro stampati totalment jew parzjalment, u jekk dik id-diskrepanza ma tiġix indirizzata mill-manifattur skont ir-rekwiżiti ta' sigurtà sostantivi, il-BĊE jista' jimponi penali finanzjarja kontra l-manifattur.

3.   Is-serjetà tad-diskrepanza għandha tittieħed f'kunsiderazzjoni f'kull każ meta tittieħed deċiżjoni dwar l-ammont tal-penali finanzjarja. B'mod partikolari, il-valur nominali tal-karti tal-flus li jikkostitwixxu d-diskrepanza u s-serjetà tal-ksur tar-rekwiżiti tas-sigurtà sostantivi għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni. Jekk l-imsemmi valur nominali jkun jaqbeż EUR 50 000, il-BĊE għandu jimponi kontra l-manifattur penali finanzjarja ugwali għal dak il-valur nominali, ħlief jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ ikunu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta' penali differenti. Jekk il-valur nominali jkun inqas minn EUR 50 000, il-BĊE għandu jimponi penali ta' EUR 50 000 kontra l-manifattur, ħlief jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ ikunu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta' penali aktar baxxa. Il-penali finanzjarji m'għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jaqbżu EUR 500 000.

4.   Penali finanzjarja għandha tapplika biss meta ksur tar-rekwiżiti tas-sigurtà sostantivi minn manifattur ikun ivverifikat b'mod ċar. Id-deċiżjonijiet dwar il-penali finanzjarji għandhom isegwu l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2532/98 u r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/1999/4) (*). Minbarra l-penali finanzjarji, il-BĊE jista' jiddeċiedi li joħroġ deċiżjoni ta' twissija, jew li jirrevoka jew jissospendi l-akkreditazzjoni provviżorja jew l-akkreditazzjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċìżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lid-destinatarji.

Għandha tapplika mill-1 ta' Ġunju 2016.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil manifatturi ta' oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro u lill-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, kull meta dawn iwettqu kontrolli tal-istokks, kontrolli fuq il-qerda jew kontrolli fuq it-trasport.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-6 ta' Mejju 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(2)  ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21.

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2013/54 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013 dwar il-proċeduri ta' akkreditazzjoni għal manifatturi ta' oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/3 (ĠU L 57, 27.2.2014, p. 29).


Top