EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0033

Deċiżjoni (UE) 2015/2101 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Novembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/33)

OJ L 303, 20.11.2015, p. 106–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/02/2020; Impliċitament imħassar minn 32020D0188

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2101/oj

20.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/106


DEĊIŻJONI (UE) 2015/2101 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta' Novembru 2015

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/33)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-4 ta' Marzu 2015, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/10) (1) li stabbilixxiet programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji (iktar 'il quddiem il-“PSPP”). L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) jipprovdi li xirjiet ta' titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli taħt il-PSPP huma soġġetti għal limitu inizjali ta' ħruġ ta' ishma ta' 25 % għal kull numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN). Dan il-limitu inizjali kellu jiġi rrevedut mill-Kunsill Governattiv wara l-ewwel sitt xhur tal-implimentazzjoni tal-PSPP.

(2)

Fit-3 ta' Settembru 2015, il-Kunsill Governattiv iddeċieda fil-prinċipju li jżid il-limitu ta' ħruġ ta' ishma tal-PSPP minn 25 % għal 33 % għal kull ISIN, soġġett għal verifika fuq bażi ta' każ b'każ li parteċipazzjoni ta' 33 % għal kull ISIN mhux ser twassal lill-banek ċentrali tal-Eurosistema biex jilħqu parteċipazzjonijiet minoritarji li jistgħu jimblukkaw ristrutturar ordnat ta' dejn.

(3)

Iż-żieda prevista tal-limitu ta' ħruġ ta' ishma tal-PSPP hija mmirata li tippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa u bla xkiel tal-PSPP, waqt li fl-istess ħin tippermetti l-operat bla xkiel tas-swieq f'titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli u tevita t-tfixkil ta' ristrutturar ordnat ta' dejn.

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 3, limitu ta' ħruġ ta' ishma skont in-numru tal-identifikazzjoni ta' titoli internazzjonali (ISIN) għandu japplika taħt il-PSPP għal titoli ta' dejn negozjabbli li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3, wara li jiġu kkonsolidati l-investimenti fil-portafolli tal-banek ċentrali tal-Eurosistema.

Sa mill-10 ta' Novembru 2015, il-limitu ta' ħruġ ta' ishma huwa ffissat għal 33 % għal kull ISIN. Bħala eċċezzjoni, il-limitu ta' ħruġ ta' ishma huwa ffissat għal 25 % għal kull ISIN għal titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli li jkun fihom klawsola ta' azzjoni kollettiva (collective action clause — CAC) li tvarja mill-mudell għaż-żona tal-euro CAC elaborat mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u implimentat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 12(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew, iżda ser jiżdied għal 33 %, soġġett għal verifika fuq il-bażi ta' każ b'każ li parteċipazzjoni ta' 33 % għal kull ISIN mhux ser twassal lill-banek ċentrali tal-Eurosistema biex jilħqu parteċipazzjonijiet minoritarji li jistgħu jimblukkaw ristrutturar ordnat ta' dejn.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-10 ta' Novembru 2015.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta' Novembru 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10) (ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20).


Top