EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0041(01)
2014/4/EU: Decision of the European Central Bank of 22 October 2013 on transitional provisions for the application of minimum reserves by the European Central Bank following the introduction of the euro in Latvia (ECB/2013/41)
2014/4/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 22 ta’ Ottubru 2013 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja (BĊE/2013/41)
2014/4/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 22 ta’ Ottubru 2013 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja (BĊE/2013/41)
OJ L 3, 8.1.2014, p. 9–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
8.1.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 3/9 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-22 ta’ Ottubru 2013
dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja
(BĊE/2013/41)
(2014/4/UE)
IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, partikolarment l-Artikolu 19.1 u l-ewwel inċiż tal-Artiklu 46.2 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9) (2)
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (3)
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-ġbir tal-informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), partikolarment l-Artikoli 5(1) u 6(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2013 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2012/33) (5),
Billi:
(1) |
L-adozzjoni tal-euro mil-Latvja fl-1 ta’ Jannar 2014 tfisser illi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fil-Latvja ser ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżerva minn dik id-data. |
(2) |
L-integrazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fis-sistema tar-riżervi minimi tal-Eurosistema titlob l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex tiġi żgurata integrazzjoni bla xkiel mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, inkluż il-Latvja. |
(3) |
Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Europea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jimplika illi l-BĊE, megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali, jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi ukoll sabiex jiżgura tħejjija f’waqtha fil-qasam tal-istatistika minħabba l-adozzjoni tal-euro minn Stat Membru, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-kliem “istituzzjoni”, “rekwiżit tar-riżerva”, “perijodu ta’ manutenzjoni” u “bażi tar-riżerva” għandhom l-istess tifsira bħal fir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja
1. B’deroga minn Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju jiddekorri mill-1 sal-14 ta’ Jannar 2014 għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja.
2. Il-bażi tar-riżerva ta’ kull istituzzjoni li tinsab fil-Latvja għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għandha tkun definita fir-rigward ta’ elementi tal-karta tal-bilanċ tagħha fil-31 ta’ Ottubru 2013. Istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja jirrapportaw il-bażi tar-riżerva tagħhom lil-Latvijas Banka skont il-qafas tal-BĊE għar-rapportar ta’ statistika monetarja u bankarja, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33). Istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja illi jibbenefikaw mid-deroga fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (ECB/2013/33) jikkalkolaw bażi tar-riżerva għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju fuq il-bażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2013.
3. Fir-rigward tal-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju, istituzzjoni li tinsab fil-Latvja jew Latvijas Banka tikkalkula r-riżervi minimi ta’ din l-istituzzjoni. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tissottometti l-kalkolu tagħha lill-parti l-oħra u tħalli biżżejjed żmien għal din tal-aħħar biex tivverifikah u tissottometti reviżjonijiet. Ir-riżervi minimi kkalkolati, inklużi r-reviżjonijiet li jsirulhom, jiġu kkonfermati miż-żewġ partijiet sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Diċembru 2013. Jekk il-parti nnotifikata ma tikkonfermax l-ammont ta’ riżervi minimi sal-10 ta’ Diċembru 2013, hija titqies li tkun irrikonoxxiet illi l-ammont ikkalkolat japplika għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju.
4. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, għall-perijodi ta’ manutenzjoni inizjali tagħhom, inaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet fil-Latvja, għalkemm fiż-żmien li jiġu kkalkolati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta’ istituzzjonijiet soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).
Artikolu 3
Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro
1. Il-perijodu ta’ manutenzjoni applikabbli għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro, bis-saħħa tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), għandu jibqa’ mhux effettwat mill-eżistenza ta’ perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja.
2. Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jiddeċiedu li għall-perijodi ta’ manutenzjoni mill-11 ta’ Diċembru 2013 sal-14 ta’ Jannar 2014 u mill-15 ta’ Jannar sal-11 ta’ Frar 2014 inaqqsu mill-bażi ta’ riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja, anke jekk fiż-żmien li jiġu kkalkolati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta’ istituzzjonijet soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżerva msemmijin fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) No 1745/2003 (BĊE/2003/9).
3. Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro li jixtiequ jnaqqsu l-passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja għandhom, għall-perijodi ta’ manutenzjoni mill-11 ta’ Diċembru 2013 sal-14 ta’ Jannar 2014 u mill-15 ta’ Jannar sal-11 ta’ Frar 2014, jikkalkolaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom għall-31 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Novembru 2013 rispettivament u jirrapportaw tagħrif statistiku skont Parti 1 ta’ Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li turi l-istituzzjonijiet fil-Latvja bħala diġà soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont it-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.
It-tabelli għandhom ikunu rrappurtati skont l-iskadenzi u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33).
4. Għall-perijodi ta’ manutenzjoni li jibdew f’Diċembru 2013, Jannar u Frar 2014, istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro u li jibbenefikaw mid-deroga taħt l-Artikolu 9(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) u jixtiequ jnaqqsu passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja, għandhom jikkalkolaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom għat-30 ta’ Settembru 2013 u jirrapportaw tagħrif statistiku skont Parti 1 ta’ Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li juri l-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja bħala diġà soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont it-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.
It-tagħrif statistiku huwa rrapportat skont l-iskadenzi u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33).
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Latvijas Banka, istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja u istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro.
2. Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2013.
3. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) u (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) japplikaw.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Ottubru 2013.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1.
(2) ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.
(3) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.
(4) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.
(5) ĠU L 297, 7.11.2013, p. 1.