EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AB0065

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 23 ta’ Awwissu 2011 dwar proposta għal Regolament dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro u għal Regolament dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (CON/2011/65)

OJ C 273, 16.9.2011, p. 2–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta’ Awwissu 2011

dwar proposta għal Regolament dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro u għal Regolament dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(CON/2011/65)

2011/C 273/02

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-28 ta’ Ġunju 2011, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”). Fil-5 ta’ Lulju 2011, il-BĊE rċieva żewġ talbiet oħrajn mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar: (a) ir-regolament propost; u (b) proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 975/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (2) (iktar ’il quddiem ir-“regolament emendatorju propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 133 u l-Artikoli 127(4), 282(5) u 128(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Ir-regolament propost u bażi legali

1.1.

Ir-regolament propost jistabbilixxi dispożizzjonijiet obbligatorji għall-ħruġ ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni u għall-kolletturi. Jistabbilixxi wkoll ċerti limiti ta’ volumi għal muniti tal-euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni u proċedura ta’ konsultazzjoni qabel ma jinqerdu muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li għadhom fi stat tajjeb.

1.2.

Il-BĊE jifhem li r-regolament propost huwa maħsub biex jikkodifika l-istrumenti legali u l-konklużjonijiet preżenti tal-Unjoni li mhumiex vinkolanti (3) dwar il-ħruġ ta’ muniti tal-euro (4). Il-BĊE jifhem ukoll li l-għan għalfejn qegħdin jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet ġenerali għall-ħruġ ta’ muniti tal-euro fuq livell tal-Unjoni huwa sabiex jiġu armonizzati l-prattiki relevanti fost l-Istati Membri (5) u li jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trasparenza.

1.3.

Il-BĊE jinnota li skont l-Artikolu 128(2) tat-TFUE, il-ħruġ ta’ muniti tal-euro huwa r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jipparteċipaw, waqt li l-Parlament u l-Kunsill għandhom il-kompetenza li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika skont l-Artikolu 133 tat-TFUE. Barra minn hekk, il-Kunsill jista’, skont l-Artikolu 128(2) tat-TFUE, jadotta miżuri biex jarmonizza d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti kollha intiżi għal ċirkolazzjoni sal-grad meħtieġ biex dawn ikunu jistgħu jiċċirkolaw mingħajr xkiel fi ħdan l-Unjoni. B’hekk, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ħruġ ta' muniti tal-euro trid tirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri li jipparteċipaw biex joħorġu muniti tal-euro u l-kapaċità tagħhom bħala emittenti legali ta’ muniti tal-euro. Barra minn hekk, waqt li l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-BĊE taħt it-TFUE u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) mhumiex affettwati fil-kuntest tar-regolament propost, il-BĊE jirrakkomanda li kwalunkwe tħassib tal-Istati Membri dwar il-kompetenzi ta’ ħruġ tal-muniti tal-euro għandhom jiġu indirizzati bejn l-Istati Membri kkonċernati u l-Unjoni skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera taħt l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

1.4.

Huwa rakkomandabbli li tiġi armonizzata t-terminoloġija użata fir-regolament propost. B’mod partikolari, it-termini “ħruġ” u “tqegħid/dħul f’ċirkolazzjoni” mhumiex iddefiniti fir-regolament propost. Dan jista’ jirriżulta f’domandi dwar id-differenza legali bejn it-tifsiriet tagħhom. Il-kunċett ta’ ħruġ ġeneralment jinftiehem li jkopri wkoll t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni tal-muniti tal-euro relevanti (6). Għalhekk, huwa preferibbli li jintuża biss it-terminu “ħruġ” minflok ma jintużaw iż-żewġ termini, peress li dan jista’ jagħti lok għal konfużjoni. Madankollu, fil-proposti tal-abbozzar tiegħu, il-BĊE jħalli f’idejn il-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni lingwistika.

1.5.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda illi r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu ppreżentati proposti speċifiċi għall-abbozzar fl-Anness I flimkien ma’ test spjegattiv.

2.   Ir-regolament emendatorju propost

2.1.

Ir-regolament emendatorju propost jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġodda li jistabbilixxu prinċipji komuni għad-disinji li għandhom jintużaw għan-naħat nazzjonali ta’ muniti tal-euro regolari u kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni kif ukoll għan-notifika reċiproka u l-approvazzjoni ta’ dawk id-disinji mill-Istati Membri.

2.2.

Il-BĊE jifhem li r-regolament emendatorju propost jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni jew ir-rifjut ta’ abbozzi ta’ disinji ta’ naħat nazzjonali ġodda ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li tirrifletti dik diġà ddefinita fir-Rakkomandazzjoni 2009/23/KE. L-unika differenza hija li taħt ir-regolament emendatorju propost il-kompetenza tal-Kummissjoni hija estiża, biex b’hekk hija għandha tieħu d-deċiżjoni finali dwar jekk tapprovax jew tirrifjutax l-abbozzi tad-disinji l-ġodda minflok is-sottokumitat relevanti tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Il-BĊE jinnota li din il-bidla ma taffettwax il-kompiti u r-responsabbiltajiet tiegħu taħt it-TFUE u l-Istatut tas-SEBĊ u jagħti parir li kwalunkwe kwistjoni ta' kompetenza, kemm jekk nazzjonali jew interistituzzjonali, fil-kuntest tar-responsabbiltà msemmija hawn fuq tal-Kummissjoni, għandha tkun ikkoordinata u indirizzata skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera taħt l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

2.3.

Finalment, il-BĊE jtenni r-rakkomandazzjoni preċedenti tiegħu (7) dwar il-modifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (8). B’mod partikolari, il-valuri indikattivi relatati mal-ħxuna tal-muniti tal-euro għandhom jiġu ssostitwiti mill-valuri tal-ħxuna vera tal-muniti tal-euro, li huma magħrufa sew u użati bħala referenza miz-zekek biex jipproduċu l-muniti tal-euro. F’dan ir-rigward, il-BĊE jirreferi għall-proposti speċifiċi ta’ abbozzar li huwa ppreżenta fl-Anness għall-Opinjoni CON/2011/18 u jirrakkomanda l-implimentazzjoni tagħhom fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 975/98.

2.4.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda illi r-regolament propost jiġi emendat, proposti speċifiċi għall-abbozzar huma ppreżentati fl-Anness II flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta’ Awwissu 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2011) 295 finali.

(2)  KUMM(2011) 296 finali

(3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 1998 u tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar muniti tal-euro maħsuba għall-kollezzjoni; Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52); u Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/191/UE tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro (ĠU L 83, 30.3.2010, p. 70).

(4)  Muniti tal-euro regolari għaċ-ċirkolazzjoni, muniti tal-euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni u muniti tal-euro għall-kollezzjoni.

(5)  B’mod partikolari, ir-regolament propost għandu jikkontribwixxi biex jiġi evitat li l-Istati Membri jiżviluppaw prattiki nazzjonali differenti fir-rigward tal-ħruġ tal-muniti tal-euro, b’mod partikolari muniti tal-euro tal-kollezzjoni u kommemorattivi, li inkella jistgħu jikkompromettu l-għanijiet u l-prinċipji tas-sistema ta’ munita Ewropea waħda li ġiet stabbilita bl-adozzjoni tal-euro. Ara t-tielet paragrafu tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2002/12. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu

(6)  Ara r-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Euro bħala Valuta Legali (Euro Legal Tender Expert Group – ELTEG) dwar id-definizzjoni, l-ambitu u l-effetti ta' valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, p.5, disponibbli fuq http://www.ec.europa.eu

(7)  Ara t-tieni paragrafu taħt “Osservazzjonijiet ġenerali” u ż-żewġ emendi proposti fl-Anness għall-Opinjoni tal-BĊE CON/2011/18 tal-4 ta’ Marzu 2011 dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (Kodifikazzjoni) (ĠU C 114, 12.4.2011, p. 1).

(8)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6.


ANNESS I

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emendi proposti mill-BĊE għall-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro

Emenda 1

Premessa 2 tar-regolament propost

“(2)

In-nuqqas tad-dispożizzjonijiet mandatorji għall-ħruġ tal-muniti tal-euro jista' jirriżulta fi prattiki differenti fost l-Istati Membri u ma jwassalx għal qafas integrat biżżejjed għall-munita waħdanija. Fl-interess tat-trasparenza u ċ-ċertezza legali, hu għalhekk neċessarju li jiġu introdotti regoli obbligatorji għall-ħruġ tal-muniti tal-euro.”

“(2)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 128(2) tat-Trattat li jistabbilixxi d-dritt tal-Istati Membri li joħorġu l-muniti tal-euro, in-nuqqas tad-dispożizzjonijiet mandatorji ġenerali għall-ħruġ tal-muniti tal-euro jista' jirriżulta fi prattiki differenti fost l-Istati Membri u ma jwassalx għal qafas integrat biżżejjed għall-munita waħdanija. Fl-interess tat-trasparenza u ċ-ċertezza legali, hu għalhekk neċessarju li jiġu introdotti regoli obbligatorji għall-ħruġ tal-muniti tal-euro.”

Spjegazzjoni

Dawn l-inserimenti huma meħtieġa sabiex: (a) jiġi kkonfermat b’ċertezza legali suffiċjenti li r-regolament propost ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li joħorġu muniti tal-euro taħt l-Artikolu 128(2) tat-TFUE; u (b) biex jiġi rikonoxxut in-nuqqas ta' dispożizzjonijiet vinkolanti ġenerali dwar il-ħruġ ta' muniti tal-euro.

Emenda 2

Artikolu 1 tar-regolament propost

“Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula regoli dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni, inklu¿ il-muniti kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni, dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro għall-kolletturi, u dwar il-konsultazzjoni qabel il-qerda ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li għadhom fi stat tajjeb.”

“Artikolu 1

Suġġett

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 128(2) tat-Trattat li jistabbilixxi d-dritt tal-Istati Membri li joħorġu l-muniti tal-euro, dan ir-Regolament jistipula regoli ġenerali dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni, , dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro għall-kolletturi, u dwar il-konsultazzjoni qabel il-qerda ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li għadhom fi stat tajjeb.”

Spjegazzjoni

Dawn l-inserimenti huma meħtieġa sabiex: (a) jiġi kkonfermat b’ċertezza legali suffiċjenti li r-regolament propost ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li joħorġu muniti tal-euro taħt l-Artikolu 128(2) tat-TFUE; u (b) biex jiġi rikonoxxut in-nuqqas ta' dispożizzjonijiet vinkolanti ġenerali dwar il-ħruġ ta' muniti tal-euro. Barra minn hekk, iżidu valur billi jiddefinixxu aħjar is-suġġett tar-regolament propost fir-rigward tar-rekwiżiti relevanti taħt il-punti 13.1 u 13.3 tal-Gwida Prattika Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (2). Peress li d-definizzjoni emendata ta’ ‘muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni’ tinkludi espliċitament il-muniti tal-euro kommemorattivi maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (3), mhuwiex meħtieġ li dan jiġi rripetut fil-kuntest tal-Artikolu 1.

Emenda 3

Artikolu 2 tar-regolament propost

“Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1.

‘Muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni’ tfisser muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, li d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998.

2.

‘Muniti tal-euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni’ tfisser muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni, li huma maħsuba biex jikkommemoraw avveniment speċjali, kif speċifikat fl-Artikolu 1f tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98.

3.

‘Muniti tal-euro għall-kolletturi’ tfisser muniti tal-euro maħsuba għall-kollezzjoni li mhumiex maħsuba li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni.”

“Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1.

‘Muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni’ tfisser muniti tal-euro regolari u kommemorattivi maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, li d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998.

2.

‘Muniti tal-euro regolari għaċ-ċirkolazzjoni’ tfisser muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni ħlief għal muniti tal-euro kommemorattivi maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni.

3.

‘Muniti tal-euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni’ tfisser muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni, li huma maħsuba biex jikkommemoraw avveniment speċjali, kif speċifikat fl-Artikolu 1f tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98.

4.

‘Muniti tal-euro għall-kolletturi’ tfisser muniti tal-euro maħsuba għall-kollezzjoni li mhumiex maħsuba li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni.”

Spjegazzjoni

Id-definizzjoni preżenti ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni għandha tiġi kkjarifikata u għandha tiġi miżjuda definizzjoni separata għal muniti tal-euro regolari għaċ-ċirkolazzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe ambigwità fir-rigward ta’ din it-terminoloġija.

Emenda 4

Artikolu 3 tar-regolament propost

“Artikolu 3

Tip ta' muniti tal-euro

L-Istati Membri jistgħu joħorġu żewġ tipi ta' muniti tal-euro: muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni, li jinkludu muniti tal-euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni, u muniti tal-euro għall-kolletturi”.

“Artikolu 3

Tip ta' muniti tal-euro

L-Istati Membri jistgħu joħorġu żewġ tipi ta' muniti tal-euro: muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni, , u muniti tal-euro għall-kolletturi”.

Spjegazzjoni

Peress li d-definizzjoni emendata ta’ ‘muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni’ tinkludi espliċitament il-muniti tal-euro kommemorattivi maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (4), mhuwiex meħtieġ li dan jiġi rripetut fil-kuntest tal-Artikolu 3.

Emenda 5

Artikolu 4 tar-regolament propost

“Artikolu 4

Ħruġ tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni

1.   Il-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jinħarġu bil-valur nominali tagħhom.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, jista' jinħareġ proporzjon żgħir, li ma jaqbiżx il-5% tal-valur totali u tal-volum tal-muniti tal-euro maħruġa, b'valur nominali ogħla jekk dan ikun ġustifikat mill-kwalità speċjali tal-munita jew jekk ikunu ppre¿entati f'pakkett speċjali.”

“Artikolu 4

Ħruġ u bejgħ tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni

1.   Il-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jinħarġu u jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru bil-valur nominali tagħhom.

2.   roporzjon żgħir, li ma jaqbiżx il-5% tal-valur totali pendenti u tal-volum tal-muniti tal-euro maħruġa, jista’ jinbiegħ b'valur nominali ogħla jekk ikun ġustifikat jekk dan ikun ġustifikat mill-kwalità speċjali tal-munita jew jekk ikunu ppre¿entati f'pakkett speċjali.”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jagħti parir li l-Artikolu 4 tar-regolament propost jiġi allinjat mal-paragrafu 1 tar-Rakkomandazzjoni 2009/23/KE sabiex b’hekk din id-dispożizzjoni tkun konformi mal-prattiki relevanti tal-Istati Membri li huma bbażati fuq il-paragrafu 1 tar-Rakkomandazzjoni 2009/23/KE.

Emenda 6

Artikolu 6(2)(b) tar-regolament propost

“b)

ma għandhomx jużaw immaġni li jkunu simili għan-naħat komuni tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni jew għal xi naħa nazzjonali tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni;”

“b)

ma għandhomx jużaw immaġni li jkunu simili għan-naħat komuni tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni jew għal xi naħa nazzjonali tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni, ħlief jekk, f’dan l-aħħar każ, id-dehra ġenerali xorta waħda tista’ tiġi distinta faċilment;”

Spjegazzjoni

Din il-proposta għall-abbozzar tippermetti li jinżammu t-tradizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ ta’ muniti tal-euro għall-kolletturi. Il-BĊE jilqa’ fil-prinċipju l-ħruġ ta’ muniti tal-euro għall-kolletturi li jirrispettaw it-tradizzjonijiet u l-prattiki numismatiċi individwali tal-Istati Membri (5). Barra minn hekk, il-proposta għall-abbozzar għandha ġġib id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ecofin tal-5 ta’ Novembru 2002, li jħeġġu lill-Istati Membri biex jużaw disinji għall-muniti tagħhom għall-kolletturi li jkunu ta’ mill-inqas kemmxejn differenti minn dawk tal-uċuħ nazzjonali tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni.

Emenda 7

Artikolu 6(3) tar-regolament propost

“3.   Il-muniti tal-euro għall-kolletturi jistgħu jinħarġu bil-valur nominali tagħhom jew b'valur ogħla.”

“3.   Il-muniti tal-euro għall-kolletturi jistgħu jinbiegħu bil-valur nominali tagħhom jew b'valur ogħla.”

Spjegazzjoni

Din il-proposta għall-abbozzar għandha tirrifletti b’mod preċiż il-ftehim tal-Istati Membri li ntlaħaq fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ecofin fil-5 ta’ Novembru 2002, li jippermetti l-bejgħ tal-muniti tal-euro għall-kolletturi b'valur ogħla mill-valur nominali.

Emenda 8

Artikolu 6(5) tar-regolament propost

“5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jevitaw l-użu tal-muniti tal-euro għall-kolletturi bħala mezz ta' ħlas, pereżempju billi joħorġuhom f'pakkett speċjali, b'ċertifikat ta' awtentikazzjoni, jew joħorġu avviż minn qabel mill-awtorità tal-ħruġ jew il-muniti jinħarġu b'valur li jkun ogħla mill-valur nominali.”

“5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiskoraġġixxu l-użu tal-muniti tal-euro għall-kolletturi bħala mezz ta' ħlas, pereżempju billi joħorġuhom f'pakkett speċjali, b'ċertifikat ta' awtentikazzjoni, jew joħorġu avviż minn qabel mill-awtorità tal-ħruġ jew il-muniti jinbiegħu b'valur li jkun ogħla mill-valur nominali.”

Spjegazzjoni

L-Istati Membri m’għandhomx miżuri li jipprevjenu lill-muniti tal-euro għall-kolletturi milli jintużaw bħala mezz ta’ ħlas fl-Istat Membru li joħroġhom. Għalhekk, il-BĊE jissuġġerixxi li l-kelma “jevitaw” tinbidel b’“jiskoraġġixxu”. Ukoll għal raġunijiet ta’ konsistenza, “jinħarġu b'valur li jkun ogħla mill-valur nominali” għandha tinbidel b’ “jinbiegħu b'valur li jkun ogħla mill-valur nominali”, li għandu jirrifletti b’mod aktar preċiż il-lingwaġġ użat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ecofin tal-5 ta’ Novembru 2002.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  Ara l-Gwida Prattika Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għal persuni involuti fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunità, disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu.

(3)  Ara l-emenda 3.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 3.

(5)  Ara t-tielet paragrafu tal-Opinjoni CON/2002/12.


ANNESS II

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

L-emendi proposti tal-BĊE għar-Regolament tal-Kunsill propost li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

Emenda 1

Artikolu 1f(4) tar-regolament emendatorju propost (ġdid)

L-ebda test

4.   Id-disinn ta’ muniti tal-euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni maħruġa mill-Istati Membri parteċipanti kollha għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti kostituzzjonali possibbli tagħhom.

Spjegazzjoni

Din il-proposta għall-abbozzar tagħti lok għal rekwiżiti possibbli tal-liġi nazzjonali u tippermetti li jinżammu t-tradizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ ta’ muniti tal-euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-BĊE jilqa’ fil-prinċipju l-ħruġ ta’ muniti tal-euro kommemorattivi li jirrispettaw it-tradizzjonijiet u l-prattiki numismatiċi individwali tal-Istati Membri  (2).

Emenda 2

Artikolu 1g(1) tar-regolament ta’ emenda propost (ġdid)

“1.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar l-abbozz tad-disinji tan-naħat nazzjonali l-ġodda, inklużi l-ittri tat-truf, u tal-volum ta’ ħruġ qabel ma jkunu approvaw formalment dawn id-disinji.”

“1.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar l-abbozz tad-disinji tan-naħat nazzjonali l-ġodda, inklużi l-ittri tat-truf, u -dwar il-volum ta’ ħruġ qabel l-approvazzjoni formali ta’ dawn id-disinji.”

Spjegazzjoni

Għal skopijiet lingwistiċi huwa rrakkomandat li jiġi kkjarifikat li l-Istati Membri għandhom obbligu li jinfurmaw lil xulxin dwar il-volum tal-ħruġ ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni qabel ma jkunu ġew approvati dawk id-disinji. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1g(2) u (3), huwa mifhum li l-Kummissjoni tivverifika l-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ emenda propost u “jieħu d-deċiżjoni finali dwar l-approvazzjoni jew ir-rifjut tad-disinn mingħajr dewmien”. Għaldaqstant, il-BĊE jissuġġerixxi li tiġi emendata l-aħħar parti tal-Artikolu 1g(1) li timplika li l-Istati Membri jkollhom rwol fl-approvazzjoni formali tal-abbozzi ta’ disinji tan-naħat nazzjonali ġodda tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni.

Emenda 3

Artikolu 1h(a) tar-regolament emendatorju propost (ġdid)

“a)

ma għandhomx japplikaw għall-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li nħarġu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru … [in-numru tar-Regolament emendatorju preżenti li għandu jiddaħħal meta jiġi adottat],”

“a)

ma għandhomx japplikaw għall-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li ġew prodotti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru … [in-numru tar-Regolament emendatorju preżenti li għandu jiddaħħal meta jiġi adottat],”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jifhem li l-Artikolu 1h(a) ikopri l-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni bl-istatus ta’ valuta legali qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament emendatorju, waqt li l-Artikolu 1h(b) jistabbilixxi perjodu tranżitorju sabiex jinbidlu t-timbri għad-disinji fuq muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni b’mod konformi mar-rekwiżiti l-ġodda tad-disinn. F’dan ir-rigward, il-BĊE jissuġġerixxi li l-kelma “nħarġu” tinbidel bil-kelma “ġew prodotti” fl-Artikolu 1h(a). Dan għandu jestendi l-ambitu ta’ esklużjoni ta’ dan l-abbozz ta' dispożizzjoni biex ikopri wkoll il-ħażniet ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni stampati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti iżda li ma jkollhomx l-istatus ta’ valuta legali fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regolament emendatorju propost. B’dak il-mod, tkun stabbilita salvagwardja legali għall-ispejjeż kollha li jistgħu jkunu ġarrbu l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema b’rabta mal-produzzjoni ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li jkunu għadhom ma kisbux l-istatus ta’ valuta legali sal-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regolament emendatorju propost. Il-BĊE jinnota wkoll li l-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni maħruġa matul il-perjodu tranżitorju taħt l-Artikolu 1h(B) għandhom iżommu l-istatus tagħhom bħala valuta legali wara l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  Ara t-tielet paragrafu tal-Opinjoni CON/2002/12.


Top