EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AB0065

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 6 ta’ Awwissu 2010 dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja ta’ politiki dwar ir-remunerazzjoni (CON/2010/65)

OJ C 223, 18.8.2010, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-6 ta’ Awwissu 2010

dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja ta’ politiki dwar ir-remunerazzjoni

(CON/2010/65)

2010/C 223/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-12 ta’ Novembru 2009, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħareġ Opinjoni CON 2009/94 (1) dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja ta’ politiki dwar ir-remunerazzjoni (minn hawn ’il quddiem “id-direttiva proposta”). Fis-7 ta’ Lulju 2010, il-Parlament Ewropew adotta d-direttiva proposta (2), li hija issa suġġetta għall-adozzjoni formali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Din l-opinjoni hija bbażata fuq il-verżjoni tad-direttiva proposta adottata mill-Parlament Ewropew.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 127(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema l-BĊE jista’ jissottometti opinjonijiet, inter alia, lill-istituzzjonijiet xierqa tal-Unjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu. F’dan ir-rigward, id-direttiva proposta fiha dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-ħidma tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni, kif imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat u fil-kontribut tas-SEBĊ għat-twettiq bla xkiel tal-politika dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE huwa mħasseb dwar l-estensjoni tar-rinunzja għal skoperturi fil-forma ta’ bonds koperti (3), iggarantiti minn self li huwa ggarantit minn propjetà immobiljari residenzjali u kummerċjali, li tinsab fl-Anness I, paragrafu 2(c)(ii) tad-direttiva proposta. L-estensjoni tar-rinunzja mill-31 ta’ Diċembru 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2013 tippermetti użu bla limitu ta’ unitajiet superjuri maħruġin minn entitajiet li joħorġu titoli, u li tikkonverti f’titoli skoperturi ta’ propjetà immobiljari residenzjali u kummerċjali fil-cover pool ta’ bonds koperti. Barra minn dan, it-test adottat ineħħi r-referenza għall-kwalità ta’ kreditu l-aktar favorevoli mitluba għal dawn l-unitajiet (4).

1.2.

Id-direttiva proposta, għalhekk, taffettwa l-bonds koperti li huma konformi mal-UCITS u titoli sostnuti minn assi (ABSs) eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, kif stabbilit fil-Linja ta’ Gwida BCE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Ewrosistema (5). F’dan ir-rigward, mill-perspettiva tal-immaniġġjar tar-riskju, il-qafas ta’ garanzija tal-Eurosistema jimponi trattament aktar strett, eż. haircuts u rekwiżiti ta’ valutazzjoni ogħla fuq ABSs meta mqabbel ma’ bonds koperti konformi mal-UCITS. Konsegwenza possibbli tad-direttiva proposta tista’ tkun l-għoti ta’ inċentivi qawwija għal kontropartijiet tal-politika monetarja biex jippakkeġġjaw it-ABSs tagħhom fil-cover pool ta’ dawn il-bonds koperti, biex b’hekk jakkwistaw trattament aktar favorevoli, għad-detriment tal-iskopertura tar-riskju tal-Eurosistema.

1.3.

Fl-istess waqt, u minghajr pregudizzju ghall-fatt li l-BĊE jilqa’ l-passi regolatori li jnaqqsu d-dipendenza tal-leġiżlazzjoni fuq valutazzjonijiet esterni, il-BĊE huwa xi tħassib dwar it-tneħħija tar-referenza għall-kwalità ta’ kreditu l-aktar favorevoli mitluba għal dawn l-unitajiet, billi dan jista’ jdgħajjef aktar il-kredibbiltà u t-trasparenza tas-suq tal-bonds koperti u, fl-aħħar mill-aħħar, ikollu konsegwenzi għall-istabbiltà finanzjarja.

1.4.

B’mod ġenerali, l-għan tar-regolaturi fil-futur qarib għandu jkun li titneħħa r-rinunzja u jigi żviluppat sett dettaljat ta’ kriterji għall-assi biex jiddaħħlu fil-cover pool ta’ bonds koperti li: (i) ma jiddependux fuq valutazzjonijiet esterni, u (ii) huma b’sahhithom bizzejjed sabiex jizguraw il-kunfidenza tas-suq fil-bonds koperti, filwaqt li jagħtu lill-istituzzjonijiet finanzjarji żmien biżżejjed biex jaġġustaw il-mudelli ta’ negozju rispettivi tagħhom. It-tnaqqis tal-limitu tal-ammont nominali tal-ħruġ pendenti minn 20 % għal 10 %, li jinsab fl-Anness I, paragrafu 2(ċ)(i) u (ii) tad-direttiva proposta, jista’ jitqies bħala moviment pożittiv f’din id-direzzjoni.

2.   Proposti għall-abbozzar

Fejn il-BĊE jirrikkmanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qed jiġu stabbiliti fl-Anness proposti għall-abbozzar speċifiċi, akkumpanjati b’test spjegattiv għal dan il-għan.

Magħmula fi Frankfurt am Main, is-6 ta’ Awwissu 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU C 291, 1.12.2009, p. 1.

(2)  P7_TA-PROV (2010) 0274.

(3)  Kif iddefinit fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 85/611/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinament tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), (ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3).

(4)  Ara l-Anness VI, punt 68, paragrafu 3 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u t-tkomplija tan-negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (abbozzata mill-ġdid) (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1).

(5)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Parlament Ewropew

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda

Anness VI, punt 68(ii)

“(ii)

it-tielet paragrafu huwa mibdul b’li ġej:

‘Sal-31 ta’ Diċembru 2013, il-limitu ta’ 10 % għal unitajiet superjuri maħruġin mill-Fonds Communs de Créances Franċiż jew minn entitajiet ekwivalenti li joħorġu titoli kif speċifikat f’punti (d) u (e) ma japplikax, sakemm: (i) l-iskoperturi kkonvertiti f’titoli ta’ propjetà immobiljari residenzjali jew kummerċjali ġew oriġinati minn membru tal-istess grupp ikkonsolidat li tiegħu l-persuna li toħroġ il-bonds koperti hija wkoll membru, jew minn entità affiljata mal-istess korp ċentrali li magħha l-persuna li toħroġ il-bonds koperti hija wkoll affiljata (dik is-sħubija fi grupp komuni jew affiljazzjoni li trid tiġi ddeterminata fiż-żmien li l-unitajiet superjuri jsiru garanzija għal bonds koperti; u (ii) membru tal-istess grupp ikkonsolidat li tiegħu l-persuna li toħroġ il-bonds koperti hija wkoll membru, jew entita' affiljata mal-istess korp ċentrali li miegħu l-persuna li toħroġ il-bonds koperti hija wkoll affiljata, jżommu t-tranche sħiħa tal-ewwel telf li ssostni lil dawk l-unitajiet superjuri. Qabel it-tmiem ta’ dan il-perijodu, u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tevalwa kemm din id-delega hija xierqa u, jekk relevanti, kemm ikun xieraq li testendi trattament simili għal kull tip ieħor ta’ bond kopert. Fid-dawl ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk xieraq, tadotta atti delegati skont is-setgħa msemmija fl-Artikolu 151a biex testendi dan il-perijodu jew tagħmel din id-delega permanenti, jew testendiha għal tipi oħra ta’ bonds koperti.’”

“(ii)

it-tielet paragrafu huwa mibdul b’li ġej:

‘Sal-31 ta’ Diċembru 2013, il-limitu ta’ 10 % għal unitajiet superjuri maħruġin mill-Fonds Communs de Créances Franċiż jew minn entitajiet ekwivalenti li joħorġu titoli kif speċifikat f’punti (d) u (e) ma japplikax, sakemm: (i) dawk l-unitajiet superjuri għandhom valutazzjoni ta’ kreditu minn ECAI nnominata, li hija l-kategorija l-aktar favorevoli ta’ valutazzjoni ta’ kreditu magħmula mill-ECAI fir-rigward ta’ bonds koperti; (ii) l-iskoperturi kkonvertiti f’titoli ta’ propjetà immobiljari residenzjali jew kummerċjali ġew oriġinati minn membru tal-istess grupp ikkonsolidat li tiegħu l-persuna li toħroġ il-bonds koperti hija wkoll membru, jew minn entità affiljata mal-istess korp ċentrali li magħha l-persuna li toħroġ il-bonds koperti hija wkoll affiljata (dik is-sħubija fi grupp komuni jew affiljazzjoni, biex tiġi ddeterminata fiż-żmien li l-unitajiet superjuri jsiru garanzija għal bonds koperti); u (iii) membru tal-istess grupp ikkonsolidat li tiegħu l-persuna li toħroġ il-bonds koperti hija wkoll membru, jew entita' affiljata mal-istess korp ċentrali li miegħu l-persuna li toħroġ il-bonds koperti hija wkoll affiljata, jżommu t-tranche sħiħa tal-ewwel telf li ssostni lil dawk l-unitajiet superjuri. .’ ”

Spjegazzjoni

Għar-raġunijiet stabbiliti f’din l-opinjoni, il-BĊE għandu xi tħassib dwar it-tneħħija tal-obbligu biex unitajiet superjuri jkollhom l-aktar kategorija favorevoli ta’ valutazzjoni ta’ kreditu magħmula minn istituzzjoni ta’ valutazzjoni ta’ kreditu esterna (ECAI) innominata, billi dan jista’ jdgħajjef aktar il-kredibbiltà u t-trasparenza tas-suq tal-bonds koperti. Għal din ir-raġuni, il-BĊE huwa tal-parir li dan l-obbligu jiddaħħal mill-ġdid. Madankollu, l-għan għall-futur qarib għandu jkun li titneħħa r-rinunzja u jiġi żviluppat sett dettaljat ta’ kriterji għall-assi biex jiddaħħlu fil-“cover pool” ta’ bonds koperti li (i) ma jiddependix fuq valutazzjonijiet esterni, u (ii) huwa b’saħħtu biżżejjed sabiex jiżgura l-kunfidenza tas-suq fil-bond koperti. Għalhekk, għandha titħassar kull referenza għal-possibbiltà ta’ estensjoni (indefinita) tar-rinunzja.

Il-BĊE huwa konxju li l-Anness VI, punt 68(i) jeħtieġ li l-unitajiet superjuri li jintużaw bħala garanzija jikkwalifikaw għall-pass 1 ta’ kwalità ta’ kreditu. Madankollu, dan ma jtaffix it-tħassib dwar it-tneħħija tal-obbligu biex unitajiet superjuri jkollhom l-aktar kategorija favorevoli ta’ valutazzjoni ta’ kreditu magħmula minn ECAI innominata. Dan minħabba l-fatt li l-obbligu għall-pass 1 ta’ kwalità japplika biss rigward il-limitu ta’ 10 % għall-ammont nominali tal-ħruġ pendenti applikabbli fejn ir-rinunzja ma tkunx attivata. F’dan ir-rigward, huwa nnutat li l-passi ta’ kwalità ta’ kreditu 1 sa 6 għandhom jiġu ddeterminati mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 82 tad-Direttiva 2006/48/KE, li jimplika ċerta diskrezzjoni f’termini ta’ kwalità ta’ kreditu. Madankollu l-BĊE jifhem li l-kunċett tal-“kategorija l-aktar favorevoli ta’ valutazzjoni ta’ kreditu” huwa ddefinit b’mod aktar ristrett.

Fil-verżjoni tad-direttiva proposta adottata mill-Parlament Ewropew, ir-rinunzja tista’ tiġi applikata suġġetta għal żewġ obbligi. L-ewwel obbligu huwa li l-iskoperturi ikkonvertiti f’titoli ta’ proprjetà immobiljari residenzjali jew kummerċjali ma oriġinawx barra l-istruttura tal-grupp, li tiegħu l-persuna li toħroġ il-bonds koperti tagħmel ukoll parti. Il-BĊE iqis li dan l-obbligu jista’ jkun diffiċli biex jiġi vverifikat fil-prattika. It-tieni obbligu huwa li membru tal-istess struttura tal-grupp iżomm it-“tranche” sħiħa tal-ewwel telf li ssostni dawk l-unitajiet superjuri. Fil-fehma tal-BĊE, saħansitra jekk it-“tranche” tal-ewwel telf tinżamm ġewwa l-grupp, l-entitajiet jistgħu faċilment jiskappaw dan l-obbligu billi jużaw strateġiji ta’ “hedging”. Għal dawn ir-raġunijiet, il-BĊE ma jqisx li dawn l-obbligi fihom innifishom jipprovdu biżżejjed salvagwardji li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ dawn l-assi fil-“cover pool” ta’ bonds koperti. Madankollu, il-BĊE jirrikonoxxi li l-obbligi jagħtu ċertu livell ta’ protezzjoni għad-detenturi tal-bonds, speċjalment jekk abbinati mal-inklużjoni mill-ġdid tar-referenza għall-kwalità ta’ kreditu l-aktar favorevoli mitluba għall-unitajiet superjuri.


(1)  It-tipa skura fit-test tindika fejn il-BĊE jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE jipproponi li jitħassar xi test.


Top