EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013HB0008

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Oesterreichische Nationalbank (BĊE/2013/8)

OJ C 115, 23.4.2013, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 115/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Oesterreichische Nationalbank

(BĊE/2013/8)

2013/C 115/01

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 27.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma vverifikati minn awdituri esterni indipendenti rrakkomandati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u approvati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Wara li saret emenda, l-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar l-Oesterreichische Nationalbank, issa jistipula illi l-Laqgħa Ġenerali tal-Oesterreichische Nationalbank teleġġi awditur estern u awditur estern alternattiv ta’ kull sena minflok żewġ awdituri esterni u żewġ awdituri esterni alternattivi. L-awditur estern alternattiv jingħata l-mandat biss f’każ li l-awditur estern ma jistax iwettaq il-verifika.

(3)

Il-mandati kemm tal-awdituri esterni kurrenti kif ukoll tal-awdituri esterni alternattivi kurrenti tal-Oesterreichische Nationalbank intemmu wara l-verifika għas-sena finanzjarja 2012. Huwa għalhekk meħtieġ illi jinħatru awdituri esterni mis-sena finanzjarja 2013.

(4)

Għas-sena finanzjarja 2013 l-Oesterreichische Nationalbank għażel lil KPMG Wirtschaftsprüfungs- und Steuerberatungs AG bħala l-awdituri esterni tiegħu u lil PwC Wirtschaftsprüfung GmbH bħala l-awdituri esterni alternattivi l-ġodda tiegħu.

(5)

Il-mandati tal-awdituri esterni u tal-awdituri esterni alternattivi jistgħu jiġġeddu fuq bażi annwali, f’kull każ għal perijodu totali ta' mhux aktar minn ħames snin,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Huwa rrakkomandat illi KPMG Wirtschaftsprüfungs- und Steuerberatungs AG jinħatru bħala l-awdituri esterni tal-Oesterreichische Nationalbank għas-sena finanzjarja 2013.

2.

Huwa rrakkomandat illi PwC Wirtschaftsprüfung GmbH jinħatru bħala l-awdituri esterni alternattivi tal-Oesterreichische Nationalbank għas-sena finanzjarja 2013.

3.

Il-mandati tal-awdituri esterni u tal-awdituri esterni alternattivi jistgħu jiġġeddu fuq bażi annwali. F’kull wieħed miż-żewġ każijiet il-mandat m’għandux jeċċedi perijodu totali ta' ħames snin, li jintemm sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 2017.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ April 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


Top