EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010XB0423(02)
Supplementary Code of Ethics Criteria for the members of the Executive Board of the European Central Bank (in accordance with Article 11.3 of the Rules of Procedure of the European Central Bank)
Kodiċi supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (skont l-Artikolu 11.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew)
Kodiċi supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (skont l-Artikolu 11.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew)
OJ C 104, 23.4.2010, p. 8–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 014 P. 91 - 92
23.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 104/8 |
Kodiċi supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
(skont l-Artikolu 11.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew)
2010/C 104/03
1. Dikjarazzjonijiet preliminari
Il-qafas etiku ġdid (1) għall-membri tal-istaff tal-Bank Ċentrali Ewropew jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2010. Jipprovdi gwida u jistabbilixxi konvenzjonijiet, standards u punti ta’ riferiment etiċi. Fis-16 ta’ Mejju 2002, il-membri tal-Bord Eżekuttiv, bħala membri tal-Kunsill Governattiv qablu dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv (2). Bla ħsara għar-regoli stabbiliti f’dan il-Kodiċi Supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika (minn hawn ’il quddiem il-“Kodiċi”), il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fil-qafas ta’ etika ġdid għall-membri tal-istaff u r-regoli stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv.
2. Rigali jew benefiċċji finanzjarji oħra
“Rigal” huwa kwalunkwe benefiċċju jew vantaġġ, kemm jekk finanzjarju jew in natura, li huwa konness b’xi mod mal-kompiti u dmirijiet ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv u li ma jkunx il-kumpens miftiehem għas-servizzi mogħtija, kemm jekk mogħti minn jew offrut lil membru tal-Bord Eżekuttiv jew kwalunkwe membru tal-familja tiegħu jew lill-ħbieb personali mill-qrib tagħhom jew kollegi professjonali.
L-aċċettazzjoni ta’ rigal m’għandhiex, fl-ebda każ, tħassar jew tinfluwenza l-oġġettività u l-libertà ta’ azzjoni ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv u m’għandhiex toħloq obbligazzjoni jew aspettattiva mhux xierqa fuq min jirċievih jew min jagħtih. F’dan ir-rigward, jistgħu jinżammu rigali tas-settur privat ta’ valur li ma jaqbiżx EUR 50 u rigali f’relazzjonijiet ma’ banek ċentrali oħrajn u organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, li ma jmorrux lil hinn minn dak li jitqies bħala drawwa u kkunsidrat bħala xieraq. Jekk sitwazzjoni partikolari ma tippermettix li dawn ir-rigali jiġu rrifjutati, ir-rigal għandu jiġi mgħoddi lill-BĊE sakemm kull eċċess li jaqbeż EUR 50, jitħallas lill-BĊE.
Il-membri tal-Bord Eżekuttiv la għandhom jitolbu u lanqas jaċċettaw rigali mingħand parteċipanti fi proċedura ta’ akkwist pubbliku.
Membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jagħtu rigali lill-terzi persuni għas-spejjeż tal-BĊE. Jekk rigal jaqbeż il-valur ta’ EUR 150, tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni tal-Bord Eżekuttiv. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv la għandhom jospitaw u lanqas jagħtu xi benefiċċji oħrajn għas-spejjeż tal-BĊE lil xulxin inklużi lill-konjuġi, partners jew membri familjari..
3. Aċċettazzjoni ta’ stediniet
Il-membri tal-Bord Eżekuttiv, filwaqt li jżommu f’moħħhom l-obbligu tagħhom biex jirrispettaw il-prinċipju tal-indipendenza u jevitaw il-kunflitti ta’ interess, jistgħu jaċċettaw stediniet għal konferenzi, riċevimenti jew okkażjonijiet kulturali u divertiment relatat, inkluża ospitalità xierqa, jekk il-parteċipazzjoni tagħhom fl-okkażjoni tkun kumpatibbli mat-twettiq ta’ dmirijiethom jew hija fl-interess tal-BĊE. F’dan ir-rigward, huma jistgħu jaċċettaw mingħand l-organizzaturi l-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni fi proporzjon mat-tul tal-impenn tagħhom. B’mod partikolari, il-membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jaċċettaw stediniet għal okkażjonijiet li għalihom ikun hemm attendenza kbira, waqt li għandhom josservaw prudenza partikolari fir-rigward ta’ stediniet individwali. Kull miżata li tiġi aċċettata minn membri tal-Bord Eżekuttiv għal lekċers jew diskorsi li huma jagħtu fil-kapaċità uffiċjali tagħhom għandha tintuża mill-BĊE għal finijiet ta’ karità.
Dawn ir-regoli għandhom japplikaw bl-istess mod għall-konjuġi jew partners tagħhom, jekk l-istediniet isiru lilhom ukoll u jekk il-parteċipazzjoni tagħhom hija konsistenti mad-drawwa aċċettata internazzjonalment.
4. Aċċettazzjoni ta’ remunerazzjoni għal attivitajiet magħmula f’kapaċità personali
Il-membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ studji akkademiċi kif ukoll f’attivitajiet oħra bla qliegħ. Huma jistgħu jaċċettaw ir-remunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż għal dawn l-attivitajiet, magħmula fil-kapaċità personali tagħhom u li ma jinvolvux lill-BĊE, bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u bil-kundizzjoni li din ir-remunerazzjoni u dawn l-ispejjeż ikunu f’proporzjon max-xogħol imwettaq u li jibqgħu fi ħdan il-limiti skont id-drawwa stabbilita. Kull sena huma għandhom jinnotifikaw bil-miktub lill-President tal-BĊE dwar kwalunkwe attività li huma jkunu wettqu f’kapaċità personali, kif ukoll dwar kull remunerazzjoni bħala riżultat ta’ dan.
5. Konformità mar-regoli dwar insider trading
Il-membri tal-Bord Eżekuttiv huma suġġetti għar-regoli komprensivi ta’ konformità dwar insider trading u r-reġim ta’ sorveljanza fis-seħħ fil-BĊE. Huma rrikkmandati bis-sħiħ sabiex ipoġġu l-investimenti tagħhom taħt il-kontroll ta’ wieħed jew aktar mill-maniġers ta’ portafolli rikonoxxuti b’diskrezjoni sħiħa. Din ir-rakkomandazzjoni ma tapplikax għal kontijiet kurrenti, kontijiet ta’ depożiti, kontijiet ta’ tfaddil u fondi tas-suq tal-flus (money market funds) jew strumenti finanzjarji simili għal żmien qasir. Din ir-rakkomandazzjoni hija wkoll mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li kultant wieħed iċaqlaq il-fondi għax-xiri ta’ ċerti oġġetti jew biex jinvesti fil-propjetà immobbli.
6. Uffiċjal għall-Etika
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan il-Kodiċi, il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom, f’każ ta’ dubju dwar l-applikazzjoni prattika ta’ xi kriterju ta’ etika stabbilit f’dan il-Kodiċi u l-qafas ta’ etika għall-membri tal-istaff, sa fejn dan japplika għalihom, jikkonsultaw lill-Uffiċjal għall-Etika tal-BĊE.
7. Tħassir
Dan il-Kodiċi jħassar u jieħu post il-Kodiċi Supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika tal-5 ta’ Settembru 2006 għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-1 ta’ April 2010.
8. Distribuzzjoni u pubblikazzjoni
Magħmul f’kopja waħda oriġinali, iddepożitat fil-kamra tas-sigurtà tal-BĊE. Tqassmet kopja lil kull membru tal-Bord Eżekuttiv.
Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta’ Marzu 2010.
Il-President tal-BĊE
Jean-Claude TRICHET
(1) Ara paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(2) ĠU C 123, 24.5.2002, p. 9.