EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AB0077

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Ottubru 2012 dwar proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2214/96 li jikkonċerna l-indiċi armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP): trasmissjoni u tixrid ta’ sottoindiċi tal-HICP, rigward l-istabbiliment tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti u fuq proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien (CON/2012/77)

OJ C 73, 13.3.2013, p. 5–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 73/5


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Ottubru 2012

dwar proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2214/96 li jikkonċerna l-indiċi armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP): trasmissjoni u tixrid ta’ sottoindiċi tal-HICP, rigward l-istabbiliment tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti u fuq proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien

(CON/2012/77)

2013/C 73/03

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-27 ta’ Awwissu 2012, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kummissjoni Ewropea għal opinjoni dwar (1) proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jemenda Regolament (KE) Nru 2214/96 li jikkonċerna l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP): trasmissjoni u tixrid ta’ sottoindiċi tal-HICP, rigward l-istabbiliment tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament HICP-CT propost”) u (2) proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament OOH propost”) (minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa r-“regolamenti proposti”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (1). B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.    Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jappoġġa l-għanijiet tar-regolamenti proposti fir-rigward ta’: (a) l-istabbiliment, permezz tar-Regolament HICP-CT propost, tal-produzzjoni regolari ta’ indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti u l-iżvilupp tar-rekwiżiti relatati ta’ dejta u metadejta kif ukoll linji gwida metodoloġiċi relevanti, (b) il-kumpilazzjoni, skont ir-Regolament OOH propost, ta’ indiċi tal-prezzijiet tad-djar u ta’ infiq tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien, inkluż l-iżvilupp tad-deskrizzjoni tal-kopertura relatata, il-qafas metodoloġiku u r-rekwiżiti ta’ dejta.

2.    Konsultazzjoni tal-BĊE u l-involviment tiegħu fil-ħidma ta’ tħejjija u ta’ implimentazzjoni

2.1.

Il-BĊE jenfasizza li, kif meħtieġ taħt l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat u taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95, jeħtieġ li jiġi kkonsultat dwar kull miżura ta’ implimentazzjoni fi ħdan il-qafas tal-HICP propost mill-Kummissjoni. L-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE huwa rekwiżit proċedurali importanti li għalih għandha ssir referenza b’mod konsistenti bl-istrumenti legali kollha li jikkostitwixxu l-qafas legali tal-HICP. Dan ser ikompli japplika fir-rigward ta’ atti implimentattivi u ddelegati li l-Kummissjoni jista’ jkollha s-setgħa li tadotta taħt il-qafas legali rriformat għall-HICP, li bħalissa qiegħed jiġi mħejji (2).

2.2.

Fil-Kawża C-11/00, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE b’referenza għall-funzjonijiet u l-għarfien espert tal-BĊE (3). Indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur “iservu bħala indikaturi importanti għall-ġestjoni tal-politika monetarja” (4) u b’hekk huma ta’ importanza kruċjali għall-funzjonijiet tal-BĊE li jirrigwardaw iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet bħala għan ewlieni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) (5), kif ukoll għall-kompiti tal-Eurosistema li: (a) tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja taż-żona tal-euro, u (b) tikkontribwixxi għall-politiki relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (6). Bl-istess mod bħall-preambolu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95, li jirreferi għall-ħtieġa għall-awtoritajiet monetarji tal-Unjoni li jkollhom aċċess għal indiċi ta’ prezzijiet għall-konsumatur li jkunu kkalibrati b’mod xieraq (7), il-konnessjoni bejn il-qafas tal-HICP u t-twettiq tal-kompiti tal-bank ċentrali għandha tiġi ddikjarata espressament fil-premessi tar-Regolamenti proposti. Barra minn hekk, l-għarfien espert tal-BĊE fir-rigward tal-HICP għandu jintuża, mhux biss b’konsultazzjoni formali mal-BĊE dwar strumenti legali proposti mill-Kummissjoni, iżda wkoll billi l-BĊE jkun involut fil-ħidma ta’ tħejjija u ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ oqfsa metodoloġiċi relevanti, kif spjegat iktar ’l isfel. Fil-kontribut tiegħu, il-BĊE jista’ jinkludi kontribuzzjonijiet xierqa minn esperti pprovduti minn membri oħrajn tas-SEBĊ.

3.    Żvilupp ta’ oqfsa metodoloġiċi tal-HICP u l-inkorporazzjoni tagħhom fi strumenti legali

3.1.

Ir-Regolamenti proposti jipprovdu għall-iżvilupp mill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ta’ oqfsa metodoloġiċi għall-komputazzjoni tal-indiċi u s-sottoindiċi imdaħħla bir-Regolamenti proposti (8). Waqt li jappoġġa l-iżvilupp ta’ dawn l-oqfsa metodoloġiċi, il-BĊE jidhirlu li l-Kummissjoni għandha tinvolvih, flimkien mal-Istati Membri, fl-iżvilupp tagħhom. Dak l-involviment tal-BĊE, li jista’ jinkludi wkoll kontribuzzjonijiet xierqa minn esperti pprovduti minn membri oħrajn tas-SEBĊ, ikun soluzzjoni adattata li tqis l-importanza tal-indiċi li huma relevanti għall-objettivi tas-SEBĊ u l-għarfien espert tal-BĊE u ta’ membri oħrajn tas-SEBĊ fir-rigward tal-qafas tal-HICP.

3.2.

Barra minn hekk, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (9) jispeċifika li meta jiġu applikati l-kriterji ta’ kwalità taħt dan ir-Regolament għad-dejta koperta mil-leġiżlazzjoni settorjali f’oqsma statistiċi speċifiċi, il-modalitajiet, l-istruttura u l-perjodiċità ta’ rapporti ta’ kwalità għandhom jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-proċedura regolatorja li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-Regolament (10). F'dan l-isfond, il-BĊE jikkunsidra li l-iżvilupp ta’ oqfsa metodoloġiċi għall-komputazzjoni tal-indiċi u s-subindiċi mdaħħla bir-regolamenti proposti għandu jwassal għall-inkorporazzjoni ta’ elementi kostruttivi ewlenin u standards minimi ta’ kwalità ta’ dawk l-oqfsa metodoloġiċi fi ħdan il-liġi tal-Unjoni. Fl-interessi taċ-ċertezza legali, it-trasparenza u l-kontabilità, manwali, linji gwida jew strumenti oħrajn mhux legali jistgħu jikkumplimentaw iżda m’għandhomx jissostitwixxu dispożizzjonijiet legali.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-Regolamenti proposti jiġu emendati, f'dan ir-rigward proposti ta’ abbozzar speċifiċi qed jingħataw fl-Anness flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Ottubru 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1.

(2)  Ara “ir-Rapport dwar l-Attività Annwali 2011” tal-Kummissjoni (Eurostat), p. 30, disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni fuq htpp://www.ec.europa.eu. Ara wkoll il-paragrafu 5 tal-Opinjoni CON/2012/5 disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq htpp://www.ecb.europa.eu

(3)  Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003 fil-Kawża C-11/00 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Bank Ċentrali Ewropew (2003) Ġabra 2003, I-7147, b’mod partikolari l-punti 110 u 111. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE ‘essenzjalment huwa intiż sabiex jiżgura li l-awtur ta’ tali att jadottah biss wara li l-korp ikun ġie kkonsultat, li, permezz tal-funzjonijiet speċifiċi li huwa jeżerċita fil-kuntest Komunitarju fil-qasam ikkonċernat u permezz tal-grad għoli ta’ espertezza li huwa jgawdi minnha, partikolarment jista’ utilment jikkontribwixxi għall-proċess [leġiżlattiv] previst’.

(4)  Ara l-ewwel premessa tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1114/2010 tal-1 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward tal-istandards minimi għall-kwalità ta’ peżar HICP u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2454/97 (ĠU L 316, 2.12.2010, p. 4).

(5)  Ara l-Artikolu 127(1) tat-Trattat u l-Artikolu 2, l-ewwel sentenza tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”).

(6)  Ara l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) u l-Artikolu 127(5) flimkien mal-Artikolu 139(2)(c) tat-Trattat u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 3.3, flimkien mal-Artikolu 42.1 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(7)  Ara t-tielet premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95.

(8)  Ara l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2214/96 tal-20 ta' Novembru 1996 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur: trasmissjoni u tixrid ta' sotto-indiċi tal-HICP (ĠU L 296, 21.11.1996, p. 8) kif emendat bl-Artikolu 1(2) tar-Regolament HICP-CT propost u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament OOH propost.

(9)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(10)  Preżentament b’mod konformi mal-Artikoli 5 jew 5a, flimkien mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23). Taħt il-qafas futur li ddaħħal bl-emendi għar-Regolament (KE) Nru 223/2009 propost mill-Kummissjoni fis-17 ta’ April 2012 (KUMM(2012) 167 finali) il-Kummissjoni ser taġixxi b’mod konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS

Proposti ta’ abbozzar tar-Regolament HICP-CT propost

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Preambolu għar-Regolament HICP-CT propost

“Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur ( ), u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Billi:

[…]

(3)

Għall-inflazzjoni tal-analiżi [Għal analiżi tal-inflazzjoni] u għall-valutazzjoni tal-konverġenza fl-Istat Membri tal-UE, huwa meħtieġ li jinġabar it-tagħrif dwar l-impatt tal-bidliet ta' taxxi fuq l-inflazzjoni. Għal dan l-għan, l-HICP għandhom addizzjonalment jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta' prezzijiet tar-rati tat-taxxa kostanti minflok ma jiġu kkalkolati fuq il-prezzijiet osservati fil-forma ta' indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum f'rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT).

[…]

(6)

Il-Bank Ċentrali Ewropew ġie kkonsultat b’mod konformi mal-Artikolu 5(3) tar- Regolament (KE) Nru 2494/95.”

“Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur ( ), u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Billi:

[…]

(3)

[Għal analiżi tal-inflazzjoni], għal politiki monetarji u finanzjarji u għall-valutazzjoni tal-konverġenza fl-Istat Membri tal-UE, huwa meħtieġ li jinġabar it-tagħrif dwar l-impatt tal-bidliet ta' taxxi fuq l-inflazzjoni. Għal dan l-għan, l-HICP għandhom addizzjonalment jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta' prezzijiet tar-rati tat-taxxa kostanti minflok ma jiġu kkalkolati fuq il-prezzijiet osservati fil-forma ta' indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum f'rati tat-taxxa kostanti.

[…]

(6)

Il-Bank Ċentrali Ewropew ġie kkonsultat b’mod konformi mal-Artikolu 5(3) tar- Regolament (KE) Nru 2494/95.

Spjegazzjoni

L-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE huwa rekwiżit proċedurali li għalih għandha ssir referenza b’mod konsistenti fil-preamboli tal-istrumenti legali kollha li jikkostitwixxu l-qafas legali tal-HICP. Barra minn hekk, bl-istess mod bħall-preambolu għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95, il-konnessjoni bejn il-qafas tal-HICP u l-kompiti tal-banek ċentrali għandhom jiġu ddikjarati espressament fi premessa tar-Regolament HICP-CT propost.

Emenda 2

Artikolu 1(2) tar-Regolament HICP-CT propost

“(2)   L-Artikolu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 3

Il-produzzjoni u l-għoti ta' subindiċijiet

L-Istati Membri għandhom jipproduċu u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) kull xahar bis-subindiċijiet kollha (l-Anness I) li għandhom piż li jkopri aktar minn parti waħda f'elf tal-ispiża totali koperta mill-HICP. Flimkien mal-indiċi għal Jannar ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar il-ponderazzjoni korrispondenti lill-Kummissjoni (Eurostat).

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipproduċu u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) kull xahar bis-subindiċijiet ikkalkulati skont ir-rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT). Il-Kummissjoni (Eurostat), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi linji gwida li jipprovdu qafas metodoloġiku għall-kalkolu tal-indiċi u s-subindiċijiet tal-HICP-CT. Meta jkun iġġustifikat kif xieraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-metodoloġija ta' referenza, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea.’ ”

“(2)   L-Artikolu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 3

Il-produzzjoni u l-għoti ta' subindiċijiet

L-Istati Membri għandhom jipproduċu u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) kull xahar bis-subindiċijiet kollha (l-Anness I) li għandhom piż li jkopri aktar minn parti waħda f'elf tal-ispiża totali koperta mill-HICP. Flimkien mal-indiċi għal Jannar ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar il-ponderazzjoni korrispondenti lill-Kummissjoni (Eurostat).

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipproduċu u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) kull xahar bis-subindiċijiet ikkalkulati skont ir-rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT). Il-Kummissjoni (Eurostat), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-Bank Ċentrali Ewropew, għandha tistabbilixxi linji gwida li jipprovdu qafas metodoloġiku għall-kalkolu tal-indiċi u s-subindiċijiet tal-HICP-CT. Meta jkun iġġustifikat kif xieraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-metodoloġija ta' referenza, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea.’ ”

Spjegazzjoni

Il-BĊE għandu jkun involut fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-Regolament HICP-CT propost, u, b’mod partikolari, fl-iżvilupp ta’ qafas metodoloġiku relevanti. Dan l-involviment tal-BĊE, li jista’ jinkludi wkoll kontribuzzjonijiet xierqa minn esperti mogħtija minn membri oħrajn tas-SEBĊ, huwa pass neċessarju, li huwa addizzjonali għall-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE dwar l-istrumenti legali proposti li jikkostitwixxu l-qafas tal-HICP. Ir-raġunijiet għal dan huma: (a) l-għarfien espert tal-BĊE fir-rigward tal-qafas tal-HICP, u (b) l-importanza tal-qafas tal-HICP għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet ta’ bank ċentrali, b’mod partikolari għall-kisba mis-SEBĊ tal-għan tagħha li jkun hemm stabbiltà fil-prezzijiet, u għall-kompiti tal-Eurosistema li tiddefinixxi u timplimenta politika monetarja għaż-żona tal-euro u li tikkontribwixxi għall-politiki relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Emenda 3

Artikolu 1a (ġdid) tar-Regolament HICP-CT propost

Ebda test

Artikolu 1a

Miżuri tranżitorji

Il-Kummissjoni (Eurostat), bil-kontribut tal-Bank Ċentrali Ewropew, għandha, fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, tħejji rapport biex: (i) tevalwa l-effettività tal-qafas metodoloġiku għall-komputazzjoni tal-indiċi u s-subindiċijiet stabbiliti taħt l-Artikolu 3(2) kif emendat tar-Regolament (KE) Nru 2214/96, u (ii) tirrakkomanda elementi kostruttivi importanti u standards minimi ta’ kwalità ta’ dak il-qafas metodoloġiku li għandhom jiġu stipulati fil-liġi tal-Unjoni permezz ta' emendi adattati għall-qafas legali tal-HICP.

Spjegazzjoni

Il-BĊE jikkunsidra li l-iżvilupp ta’ oqfsa metodoloġiċi għall-komputazzjoni tal-indiċi u s-subindiċijiet li ddaħħlu bir-Regolament HICP-CT propost għandhom jiżguraw l-inklużjoni ta’ elementi kostruttivi importanti u standards minimi ta’ kwalità għal dawk l-oqfsa fi ħdan l-istrumenti relevanti tal-liġi tal-Unjoni. Manwali, linji gwida u strumenti oħrajn mhux legali jistgħu jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet legali, iżda fl-interessi taċ-ċertezza legali, it-trasparenza u l-kontabilità, m’għandhomx jissostitwixxuhom. Il-BĊE għandu jkun involut fit-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi relevanti tal-Kummissjoni għar-raġunijiet indikati taħt l-emenda 2 aktar ‘il fuq. Fil-kontribut tiegħu, il-BĊE jista’ jinkludi kontribuzzjonijiet xierqa minn esperti pprovduti minn membri oħrajn tas-SEBĊ.


Proposti ta’ abbozzar tar-Regolament OOH propost

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (3)

Emenda 1

Preambolu għar-Regolament OOH propost

“Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Billi:

[…]

(3)

Bl-għan li jiġu kkompilati l-indiċijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien, jeħtieġ li jiġu prodotti indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet. L-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar huma wkoll, fihom infushom, indikaturi importanti.

[…]

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew ġie kkonsultat … .”

“Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (4),

Billi:

[…]

(3)

Bl-għan li jiġu kkompilati l-indiċijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien, jeħtieġ li jiġu prodotti indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet. L-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar huma importanti wkoll, fihom infushom, indikaturi importanti u għall-finijiet tal-politiki monetarji u finanzjarji.

[…]

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew ġie kkonsultat…

Spjegazzjoni

L-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE huwa rekwiżit proċedurali li għalih għandha ssir referenza b’mod konsistenti fil-preamboli tal-istrumenti legali kollha li jikkostitwixxu l-qafas legali tal-HICP. Barra minn hekk, bl-istess mod bħall-preambolu għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95, il-konnessjoni bejn il-qafas tal-HICP u l-kompiti tal-banek ċentrali għandhom jiġu ddikjarati espressament fi premessa tar-Regolament OOH propost.

Emenda 2

Artikolu 2(2) tar-Regolament OOH propost

“(2)

‘indiċi tal-prezzijiet tad-djar’ tfisser indiċi li jkejjel it-tibdil fil-prezzijiet tat-tranżazzjoni tad-djar mixtrija mill-unitajiet domestiċi.”

“(2)

‘indiċi tal-prezzijiet tad-djar’ tfisser indiċi li jkejjel it-tibdil fil-prezzijiet tat-tranżazzjoni tad-djar mixtrija mill-unitajiet domestiċi, inkluż kwalunkwe komponent ta’ art.”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jikkunsidra li l-prezzijiet tal-art huma komponent importanti tal-indiċi tal-prezzijiet tad-djar peress li għandhom rwol kruċjali fl-istabbiltà finanzjarja u l-analiżi ekonomika, b’mod partikolari fl-iskoperta ta’ inflazzjoni spekulattiva potenzjali tal-prezzijiet. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ prezzijiet tal-art għandha tkun stipulata fir-Regolament OOH u mhux fil-manwal metodoloġiku.

Emenda 3

Artikolu 4(1) tar-Regolament OOH propost

“1.   Il-Kummissjoni (Eurostat), b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi manwal li jipprovdi qafas metodoloġiku għall-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar u tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien prodotti skont dan ir-Regolament (minn hawn ’il quddiem il-"manwal OOH-HPI"). Fejn ikun ġustifikat kif xieraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-manwal, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tas-SSE.”

“1.   Il-Kummissjoni (Eurostat), b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-Bank Ċentrali Ewropew, għandha tistabbilixxi manwal li jipprovdi qafas metodoloġiku għall-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar u tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien prodotti skont dan ir-Regolament (minn hawn ’il quddiem il-"manwal OOH-HPI"). Fejn ikun ġustifikat kif xieraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-manwal, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tas-SSE.”

Spjegazzjoni

Il-BĊE għandu jkun involut fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-Regolament HICP-CT propost, u, b’mod partikolari, fl-iżvilupp ta’ qafas metodoloġiku relevanti. Dan l-involviment tal-BĊE, li jista’ jinkludi wkoll kontribuzzjonijiet xierqa minn esperti pprovduti minn membri oħrajn tas-SEBĊ, huwa pass neċessarju, li huwa addizzjonali għall-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE dwar l-istrumenti legali proposti li jikkostitwixxu l-qafas tal-HICP. Ir-raġunijiet għal dan huma: (a) l-għarfien espert tal-BĊE relatat mal-qafas tal-HICP, u (b) l-importanza tal-qafas tal-HICP għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet ta’ bank ċentrali, b’mod partikolari għall-kisba mis-SEBĊ tal-għan tagħha li jkun hemm stabbiltà fil-prezzijiet, u għall-kompiti tal-Eurosistema li tiddefinixxi u timplimenta politika monetarja għaż-żona tal-euro u li tikkontribwixxi għall-politiki relatati mal-istanbiltà tas-sistema finanzjarja.

Emenda 4

Artikolu 6 tar-Regolament OOH propost

“(1)   Sena u tliet snin rispettivament wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bir-rapporti dwar il-kwalità tad-dejta, fuq il-bażi tal-istandards definiti fis-Sistema Statistika Ewropea u fil-manwal OOH-HPI.

(2)   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, fi żmien ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, tħejji rapport dwar l-indiċijiet stabbiliti skont dan ir-Regolament u b’mod partikolari dwar il-grad ta' konformita mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1749/96 (5) u mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1114/20106 (6). Ir-rapport għandu jindirizza wkoll l-adegwatezza tal-indiċijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien għall-integrazzjoni fil-kopertura tal-HICP.

“(1)   Sena u tliet snin rispettivament wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) u l-Bank Ċentrali Ewropew bir-rapporti dwar il-kwalità tad-dejta, fuq il-bażi tal-istandards definiti fis-Sistema Statistika Ewropea u fil-manwal OOH-HPI.

(2)   Il-Kummissjoni (Eurostat), bil-kontribut tal-Bank Ċentrali Ewropew, għandha, fi żmien ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, tħejji rapport biex: dwar (i) tevalwa l-indiċijiet stabbiliti skont dan ir-Regolament u b’mod partikolari dwar il-grad ta' konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1749/96 (7) u mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1114/20106 (8). (ii) Ir-rapport għandu tindirizza wkoll l-adegwatezza tal-indiċijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien għall-integrazzjoni fil-kopertura tal-HICP, u (iii) tirrakkomanda elementi kostruttivi ewlenin u standards minimi ta’ kwalità għal abitazzjonijiet okkupati mis-sidien u indiċijiet ta' prezzijiet tad-djar li għandhom ikunu stipulati fil-liġi tal-Unjoni permezz ta' emendi adattati għall-qafas legali tal-HICP.

Spjegazzjoni

Il-BĊE jikkunsidra li l-iżvilupp ta’ qafas metodoloġiku għall-komputazzjoni tal-indiċijiet u s-subindiċijiet li ddaħħlu bir-Regolament OOH propost għandhom jiżguraw l-inklużjoni ta’ elementi kostruttivi ewlenin u standards minimi ta’ kwalità għal dawk l-oqfsa fi ħdan l-istrumenti relevanti tal-liġi tal-Unjoni. Manwali, linji gwida u strumenti oħrajn mhux legali jistgħu jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet legali, iżda fl-interessi taċ-ċertezza legali, it-trasparenza u l-kontabilità, m’għandhomx jissostitwixxuhom. Il-BĊE għandu jkun involut fit-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi relevanti tal-Kummissjoni għar-raġunijiet indikati taħt l-emenda 3 aktar ‘il fuq. Fil-kontribut tiegħu, il-BĊE jista’ jinkludi kontribuzzjonijiet xierqa minn esperti pprovduti minn membri oħrajn tas-SEBĊ.


(1)  Il-grassett fit-test jindika fejn il-BĊE jipproponi li jiddaħħal test ġdid. Fejn it-test huwa ingassat, dan jindika li l-BĊE qiegħed jipproponi t-tħassir tat-test.

(2)  ĠU C x, xx.xx.2012, p. xx”

(3)  Il-grassett fit-test jindika fejn il-BĊE jipproponi li jiddaħħal test ġdid. Fejn it-test huwa ingassat, dan jindika li l-BĊE qiegħed jipproponi tħassir tat-test.

(4)  ĠU C x, xx.xx.2012, p. xx”

(5)  ĠU L 229, 10.9.1996, p. 3.

(6)  ĠU L 316, 2.12.2010, p. 4.”

(7)  ĠU L 229, 10.9.1996, p. 3.

(8)  ĠU L 316, 2.12.2010, p. 4.”


Top