EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AB0077
Opinion of the European Central Bank of 19 November 2013 on a proposal for a directive of the European Parliament and of the Council on the comparability of fees related to payment accounts, payment account switching and access to payment accounts with basic features (CON/2013/77)
Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Novembru 2013 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (CON/2013/77)
Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Novembru 2013 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (CON/2013/77)
OJ C 51, 22.2.2014, p. 3–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.2.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/3 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tad-19 ta’ Novembru 2013
dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi
(CON/2013/77)
(2014/C 51/02)
Introduzzjoni u bażi legali
Fl-24 ta’ Settembru 2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill għal opinjoni dwar proposta għal direttiva dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (1) (minn hawn ’il quddiem “id-direttiva proposta”).
Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi d-direttiva proposta tinkludi dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali li jippromwovu t-tħaddim bla xkiel tas-sistemi tal-ħlas u li jikkontribwixxu għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) u fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. B’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. L-għan u l-kontenut tad-direttiva proposta
Id-direttiva proposta tistabbilixxi qafas komuni tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi relatati mal-aċċess għal u l-użu ta’ kontijiet tal-ħlas. Dan il-qafas ser jikkomprendi regoli dwar dawn kollha li ġejjin: (a) it-trasparenza u l-komparabbiltà tat-tariffi mitluba mill-konsumaturi b’konnessjoni mal-kontijiet tal-ħlas tagħhom fl-Unjoni (2); (b) is-servizzi għall-bdil tal-kontijiet tal-ħlas ipprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-ħlas lill-konsumaturi (3); (ċ) id-dritt tal-konsumaturi legalment residenti fl-Unjoni li jiftħu u jużaw kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fl-Unjoni, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom jew mill-Istat Membru ta’ residenza tagħhom (4); (d) kwistjonijiet relatati bħall-ħatra u d-dmirijiet tal-awtoritajiet kompetenti u s-sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas (5).
2. Osservazzjonijiet ġenerali
Il-BĊE jappoġġja ħafna d-direttiva proposta. F’każijiet oħrajn preċedenti, il-BĊE appoġġja l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi dwar it-trasparenza għat-tranżazzjonijiet finanzjarji, akkumpanjati minn monitoraġġ effettiv tal-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti, sabiex tkun aktar faċli li jitqabblu l-prodotti u s-servizzi differenti u, għalhekk, sabiex tittejjeb il-kompetizzjoni fost l-atturi finanzjarji (6). Il-BĊE ppromwova wkoll l-istabbiliment ta’ standards bħala mezz għall-iffaċilitar tal-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet transkonfinali (7). Fl-aħħar nett, id-direttiva proposta għandha tagħti lill-konsumaturi aċċess aktar faċli għall-kontijiet tal-ħlas u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ żona tal-ħlas madwar l-Unjoni kollha, mira li kienet appoġġjata b’mod konsistenti mill-BĊE (8).
3. Osservazzjonijiet speċifiċi
3.1. Termini definiti
It-termini definiti fid-direttiva proposta (9) għandhom jiġu allinjati ma’ dawk tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (minn hawn ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Servizzi tal-Ħlas” (PSD)) u tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament SEPA”), sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi għat-tbegħid minn tali termini definiti. B’mod partikolari, dan jikkonċerna d-definizzjonijiet tat-termini ‘mezz li jservi għal żmien twil’ u “debitu dirett”. L-użu ta’ terminoloġija standardizzata bbażata fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti għas-servizzi tal-ħlas sejjer itejjeb il-konsistenza u jiffaċilita l-komprensjoni tal-atti legali tal-Unjoni. Fl-interessi taċ-ċarezza u l-konsistenza, jidher ukoll li huwa sensibbli li t-terminu “bdil” jiġi definit sempliċiment f’termini tas-servizzi pprovduti skont l-Artikolu 10 tad-direttiva proposta (11).
3.2. Lista tas-servizzi koperti u s-setgħat tal-awtoritajiet li jiksbu l-informazzjoni
Il-lista tas-servizzi tal-ħlas bażiċi koperti mid-direttiva proposta għandha tirrifletti s-servizzi tal-ħlas li jammontaw għal mill-inqas 80 % tal-aktar servizzi tal-ħlas rappreżentattivi soġġetti għal tariffa fil-livell nazzjonali. Madankollu, kondizzjonijiet aktar estensivi, li jagħtu mandat għal ċertu numru ta’ servizzi fuq tali lista jistgħu jirriżultaw bħala eċċessivi. Barra minn hekk, għandu jiġi kkjarifikat li l-awtoritajiet kompetenti huma intitolati li jiksbu informazzjoni mingħand il-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas dwar il-profittabbiltà ta’ servizzi individwali pprovduti b’konnessjoni mal-kontijiet tal-ħlas għall-finijiet tal-kompilazzjoni tal-lista tal-aktar servizzi tal-ħlas rappreżentattivi (12). Għal dan il-għan, jista’ jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi ta’ rapportar speċifiċi, li fl-istess waqt għandhom jiżguraw id-dritt tal-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas li jipproteġu s-sigrieti kummerċjali mill-kompetituri tagħhom (13).
3.3. Id-dritt li tiftaħ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi – limitazzjoni f’termini tal-munita tal-kont
Id-direttiva proposta tintroduċi dritt għall-konsumaturi legalment residenti fl-Unjoni li jiftħu u jużaw kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fi kwalunkwe Stat Membru (14). Madankollu, il-kliem tal-Artikolu 15 tad-direttiva proposta jista’ jinftiehem bħala li jimplika li l-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas jistgħu jintalbu sabiex jiftħu kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ddenominat fil-munita ta’ kwalunkwe Stat Membru. Minħabba li l-implimentazzjoni ta’ rekwiżit wiesa’ bħal dan tista’ ma tkunx ekonomikament vijabbli, huwa biżżejjed li dan id-dritt jiġi limitat għall-ftuħ u l-użu ta’ kontijiet tal-ħlas fil-munita tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas (15).
3.4. Il-kooperazzjoni transkonfinali
Fl-aħħar nett, l-obbligu propost fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi Stat Membru sabiex jikkooperaw bil-għan li jiżguraw konformità effettiva mad-direttiva proposta (16) għandu jiġi estiż sabiex jinkludi obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti minn Stati Membri differenti sabiex jikkooperaw fuq bażi transkonfinali. Dan isir bil-għan li jiġi żgurat li l-miżuri u l-prattiki ta’ implimentazzjoni nazzjonali ma jiddevjawx b’tali mod li jipperikola l-għan tad-direttiva proposta li jiġu approssimizzati l-liġijiet u l-miżuri li jwasslu għal suq uniku fis-servizzi tal-kontijiet tal-ħlas fi ħdan l-Unjoni (17).
Fejn il-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qegħdin jiġu stabbiliti fl-Anness proposti speċifiċi għall-abbozzar, akkumpanjati minn test ta’ spjegazzjoni għal dan il-għan.
Magħmula fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Novembru 2013.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) COM(2013) 266 finali.
(2) Ara l-Kapitolu II tad-direttiva proposta.
(3) Ara l-Kapitolu III tad-direttiva proposta.
(4) Ara l-Kapitolu IV tad-direttiva proposta.
(5) Ara l-Kapitoli V u VI tad-direttiva proposta.
(6) Ara l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2007/29, il-paragrafu 1.1 tal-Opinjoni CON/2012/103 u l-paragrafu 3 tal-Osservazzjonijiet ġenerali fl-Opinjoni CON/2012/10. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu
(7) Ara l-paragrafu 11 tal-Opinjoni CON/2001/34.
(8) Ara d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1).
(9) Ara l-Artikolu 2 tad-direttiva proposta.
(10) Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti bl-euro (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).
(11) Ara l-emendi 1 sa 3 li qegħdin jiġu proposti. Ara wkoll il-paragrafu 3.3 tal-Opinjoni CON/2013/32.
(12) Ara l-punti (4) u (5) tal-Artikolu 3(2) tad-direttiva proposta.
(13) Ara l-emenda 4 li qiegħda tiġi proposta.
(14) Ara l-Artikolu 15 tad-direttiva proposta.
(15) Ara l-emenda 5 li qiegħda tiġi proposta.
(16) Ara l-Artikolu 20(2) tad-direttiva proposta.
(17) Ara l-emenda 6 li qiegħda tiġi proposta.
ANNESS
Proposti għall-abbozzar
Test propost mill-Kummissjoni |
Emendi proposti mill-BĊE (1) |
||||
Emenda 1 |
|||||
Artikolu 2(l) |
|||||
|
|
||||
Spjegazzjoni Din id-definizzjoni għandha tiġi allinjata ma’ dik fl-Artikolu 4(25) tal-PSD, li ma tirreferix għall-fornitur tas-servizz tal-ħlas. Skont dik id-definizzjoni, ‘mezz li jservi għal żmien twil’ tirreferi biss għal strumenti li huma disponibbli għall-utent tas-servizz ta’ ħlas, jiġifieri l-konsumatur fil-każ preżenti. |
|||||
Emenda 2 |
|||||
Artikolu 2(m) |
|||||
|
|
||||
Spjegazzjoni Id-definizzjoni proposta ta’ ‘bdil’ tissuġġerixxi li l-kont tal-ħlas innifsu qiegħed jiġi mċaqlaq minn postu, xi ħaġa li ma tkunx korretta. Jekk din id-definizzjoni tkun meħtieġa, hija għandha tinkludi biss referenza sempliċi għall-Artikolu 10, minflok deskrizzjoni kondensa. |
|||||
Emenda 3 |
|||||
Artikolu 2(n) |
|||||
|
|
||||
Spjegazzjoni Dan it-terminu għandu jiġi allinjat mad-definizzjonijiet ta’ “debitu dirett” fil-PSD u fir-Regolament SEPA, li jirreferu għal din il-forma ta’ arranġament ta’ ħlas li jkopri servizz ta’ ħlas nazzjonali jew transkonfinali għad-debitu ta’ kont tal-ħlas ta’ min iħallas. |
|||||
Emenda 4 |
|||||
Artikolu 3 |
|||||
“Artikolu 3 Lista tas-servizzi tal-ħlas l-aktar rappreżentattivi soġġetti għal tariffa fuq livell nazzjonali u terminoloġija standardizzata 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 20 jiddeterminaw lista provviżorja ta’ mill-inqas 20 servizz ta’ ħlas li jirrappreżentaw mill-inqas 80 % tas-servizzi tal-ħlas l-aktar rappreżentattivi soġġetti għal tariffa fuq livell nazzjonali. Il-lista għandha tinkludi termini u definizzjonijiet għal kull wieħed mis-servizzi identifikati. […] 3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-listi provviżorji msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien 6 xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. 4. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati, skont l-Artikolu 24, dwar it-twaqqif, abbażi tal-listi provviżorji sottomessi skont il-paragrafu 3, ta’ terminoloġija standardizzata tal-UE għal dawk is-servizzi ta’ ħlas li huma komuni mill-inqas għall-maġġoranza tal-Istati Membri. It-terminoloġija standardizzata tal-UE sejra tinkludi termini u definizzjonijiet għas-servizzi komuni. 5. Wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-atti ddelegati msemmija fil-paragrafu 4, kull Stat Membru għandu jintegra mingħajr dewmien it-terminoloġija standardizzata tal-UE adottata skont il-paragrafu 4 fil-lista provviżorja msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jippubblika din il-lista.” |
“Artikolu 3 Lista tas-servizzi tal-ħlas l-aktar rappreżentattivi soġġetti għal tariffa fuq livell nazzjonali u terminoloġija standardizzata 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 20 jiddeterminaw lista provviżorja ta’ mill-inqas 20 servizz ta’ ħlas li jirrappreżentaw mill-inqas 80 % tas-servizzi tal-ħlas l-aktar rappreżentattivi soġġetti għal tariffa fuq livell nazzjonali. Il-lista għandha tinkludi termini u definizzjonijiet għal kull wieħed mis-servizzi identifikati. […] 3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu intitolati li jiksbu mingħand il-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiddeterminaw l-indikaturi stabbiliti fil-punti (1) sa (5) tal-paragrafu 2. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jiżguraw il-protezzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. 3.4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-listi provviżorji msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien 6 xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. 4 5. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati, skont l-Artikolu 24, dwar it-twaqqif, abbażi tal-listi provviżorji sottomessi skont il-paragrafu 3 4, ta’ terminoloġija standardizzata tal-UE għal dawk is-servizzi ta’ ħlas li huma komuni mill-inqas għall-maġġoranza tal-Istati Membri. It-terminoloġija standardizzata tal-UE sejra tinkludi termini u definizzjonijiet għas-servizzi komuni. 56. Wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-atti ddelegati msemmija fil-paragrafu 4 5, kull Stat Membru għandu jintegra mingħajr dewmien it-terminoloġija standardizzata tal-UE adottata skont il-paragrafu 4 5 fil-lista provviżorja msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jippubblika din il-lista.” |
||||
Spjegazzjoni Għandu jiġi kkjarifikat kif l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiksbu dejta rilevanti għall-kompilazzjoni tal-lista tas-servizzi tal-ħlas l-aktar rappreżentattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-indikaturi msemmija fil-punti (4) u (5) tal-Artikolu 3(2). Billi xi kategoriji ta’ din id-dejta ġeneralment jikkostitwixxu informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, jeħtieġ li jiġu żgurati salvagwardji xierqa għall-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas. |
|||||
Emenda 5 |
|||||
Artikolu 15(1) |
|||||
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas fornitur wieħed tas-servizzi tal-ħlas fit-territorju tagħhom joffri kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi lill-konsumaturi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma jiġux offruti biss minn fornituri ta’ servizzi tal-ħlas li jipprovdu l-kont biss b’faċilitajiet bankarji online.” |
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas fornitur wieħed tas-servizzi tal-ħlas li jinsab fit-territorju tagħhom joffri lill-konsumaturi kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fil-munita tal-Istat Membru kkonċernat lill-konsumaturi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma jiġux offruti biss minn fornituri ta’ servizzi tal-ħlas li jipprovdu l-kont biss b’faċilitajiet bankarji online.” |
||||
Spjegazzjoni Jista’ ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas li jintalbu jiftħu, jekk meħtieġ, kont tal-ħlas fil-munita ta’ kwalunkwe Stat Membru. Huwa biżżejjed li dan id-dritt ta’ aċċess jikkomprendi d-dritt għall-ftuħ u l-użu ta’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fil-munita tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas. |
|||||
Emenda 6 |
|||||
Artikolu 20(2) |
|||||
“2. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikollhom il-poteri kollha meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom. Meta jkun hemm aktar minn awtorità waħda kompetenti sabiex tiżgura u tissorvelja l-konformità effettiva ma’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet jikkollaboraw mill-qrib sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom b’mod effettiv.” |
“2. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikollhom il-poteri kollha meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom. Meta jkun hemm aktar minn awtorità waħda kompetenti sabiex tiżgura u tissorvelja l-konformità effettiva ma’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet jikkollaboraw mill-qrib sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom b’mod effettiv. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin kif previst fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2007/64/KE.” |
||||
Spjegazzjoni Skont l-objettiv tad-direttiva proposta li jittejjeb is-suq uniku, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jintalbu wkoll jikkooperaw fuq bażi transkonfinali fi ħdan l-Unjoni kif meħtieġ bħalissa skont il-PSD bil-għan li jiżguraw li jitnaqqsu d-diverġenzi bejn it-traspożizzjonijiet nazzjonali tad-direttiva proposta. |
(1) It-tipa skura fit-test tindika fejn il-BĊE qiegħed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qiegħed jipproponi li jitħassar xi test.