EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AB0072

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 10 ta’ Ottubru 2013 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-forniment u l-kwalità tal-istatistika għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (CON/2013/72)

OJ C 14, 18.1.2014, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 14/5


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta’ Ottubru 2013

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-forniment u l-kwalità tal-istatistika għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi

(CON/2013/72)

2014/C 14/06

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-2 ta’ Lulju 2013 u fit-12 ta’ Lulju 2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mingħand il-Parlament Ewropew u mingħand il-Kunsill, rispettivament, għal opinjoni dwar regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-forniment u l-kwalità tal-istatistika għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (1) (minn hawn 'il quddiem “ir-regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), billi r-regolament propost jinkludi dispożizzjonijiet li għandhom implikazzjonijiet għal ċerti kompiti u objettivi tas-SEBĊ. L-Artikolu 5.1 tal-Istatut tas-SEBĊ jippermetti li l-BĊE jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ sabiex iwettaq il-kompiti tas-SEBĊ. Skont l-Artikolu 5.3 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊE huwa meħtieġ jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni, fejn ikun meħtieġ, tar-regoli u l-prattiċi li jirregolaw il-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tqassim tal-istatistika fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. L-istatistika għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi hija meħtieġa biex tiddefinixxi politika monetarja, li hija kompitu tas-SEBĊ skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat u l-Artikolu 3.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, u sabiex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, li huwa l-objettiv ewlieni tas-SEBĊ skont l-Artikolu 127(1) tat-Trattat u l-Artikolu 2 tal-Istatut tas-SEBĊ.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.    Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata dejta statistika affidabbli għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP — macroeconomic imbalances procedure) stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2). F’waħda mill-opinjonijiet preċedenti tiegħu (3), il-BĊE appoġġja l-introduzzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

1.2.

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, it-tabella ta' valutazzjoni tal-MIP għandha tinkludi għadd żgħir ta’ indikaturi makroekonomiċi u makrofinanzjarji rilevanti, prattiċi, sempliċi, li jistgħu jitkejlu u disponibbli għall-Istati Membri. Barra dan, skont l-Artikolu 4(7), il-Kummissjoni għandha tevalwa fuq bażi regolari l-adegwatezza tal-indikaturi, inkluż il-kompożizzjoni tagħhom, il-limiti stabbiliti u l-metodoloġija użata, u għandha taġġustahom u timmodifikahom fejn meħtieġ.

1.3.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni bdiet inizjattiva leġiżlattiva biex tiżgura il-kwalità statistika tal-MIP. L-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura li l-kumpilazzjoni, il-monitoraġġ u l-ħruġ tal-istatistika finanzjarja u makroekonomika relevanti għall-elaborazzjoni tal-indikaturi tat-tabella ta' valutazzjoni tal-MIP stabbilita mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 (minn hawn 'il quddiem “dejta relevanti tal-MIP”) titwettaq b’mod li twassal figuri sodi u indipendenti. Ir-regolament propost jistipula li l-Kummissjoni tista’ twettaq missjonijiet biex tinvestiga kull problema u tipproponi li l-Kunsill jimponi multi fuq Stati Membri li jirrappreżentaw b'mod żbaljat, b’mod intenzjonat jew b’negliġenza serja, id-dejta relevanti tal-MIP.

2.    Ġbir ta’ statistika makroekonomika u finanzjarja li tappoġġja Unjoni Ekonomika u Monetarja u politiki oħra tal-Unjoni

2.1.

L-indikaturi għall-MIP huma bħala regola dderivati mill-istatistika finanzjarja u makroekonomika disponibbli, bħall-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti, kontijiet finanzjarji u nazzjonali. Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS — European Statistical System) u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) (4) ilhom jipproduċu din l-istatistika finanzjarja u makroekonomika għal ħafna snin fl-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom u kontinwament japplikaw mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità statistika biex jiżguraw li din l-istatistika hija f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-istatistika u affidabbli u komparabbli fost l-Istati Membri.

2.2.

Permezz ta’ bilanċ bejn it-tempestività, l-affidabbiltà u l-livell ta’ dettall, l-ESS u s-SEBĊ jipproduċu statistika finanzjarja u makroekonomika tajba għall-użu b’mod kosteffiċjenti. Statistika ta' frekwenza għolja tiġi kkompilata b’inqas dettall biex tiżgura t-tempestività xierqa, filwaqt li statistika iktar dettaljata tipikament issir disponibbli b’distakk itwal ta’ żmien. Din l-istatistika tistrieħ fuq stħarriġ, dejta amministrattiva u stimi neċessarji, flimkien mal-użu ta' teknika statistika u opinjonijiet esperti. Il-proċess sħiħ iqis ukoll il-bżonn li jiġi limitat il-piż tar-rapportar għal dawk li jwieġbu bħal impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

L-istatistika finanzjarja u makroekonomika kienet il-bażi għad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja u ekonomika fuq livell Ewropew u nazzjonali għal ħafna snin. L-istess statistika hija użata wkoll minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi fir-rapporti tagħhom ta’ sorveljanza.

3.    L-assigurazzjoni ta’ kwalità tal-istatistika tal-ESS u tas-SEBĊ sottostanti għal MIP

3.1.

L-assigurazzjoni ta’ kwalità tal-istatistika finanzjarja u makroekonomika hija ggarantita mill-ESS u s-SEBĊ bħala produtturi tal-istatistika Ewropea. Il-BĊE iqis illi b’mod ġenerali dawn l-arranġamenti ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità pproduċew kwalità għolja ta’ statistika għas-sostenn tal-politika ekonomika u monetarja li sservi l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Unjoni kollha.

3.2.

Għall-bilanċ tal-istatistika tal-ħlasijiet, kontijiet finanzjarji, kontijiet nazzjonali, statistika tal-finanzi tal-gvern u statistika tal-prezzijiet, il-leġiżlazzjoni statistika tal-Unjoni fis-seħħ diġa’ tipprovdi għal rapporti ta’ kwalità regolari dwar id-dejta tal-istatistika, li ġeneralment takkompanja inventarji li jinkludu deskrizzjoni tas-sorsi u l-metodi applikati fil-ġbir tal-istatistika.

3.3.

Ir-rapporti ta’ kwalità prodotti mill-ESS u s-SEBĊ jeżaminaw, inter alia, jekk l-istatistika prodotta tikkorrispondix mar-rekwiżiti stipulati fil-liġi tal-Unjoni, jekk humiex affidabbli u komparabbli fost l-Istati Membri, u jekk dawn humiex adegwati għall-finijiet li għalihom huma użati.

3.4.

Il-qafas ta’ kwalità suġġerit mir-Regolament propost jimmira dejta tal-istatistika għall-MIP, filwaqt li jittraskura skopijiet oħrajn ta' politika ekonomika u monetarja. Għalhekk jidher li jistabbilixxi valutazzjonijiet ta’ kwalità b’mod parallel minflok l-integrazzjoni tad-dejta tal-istatistika għall-MIP fl-oqfsa ta' kwalità eżistenti.

3.5.

Konsegwentament, il-BĊE jirrakkomanda li iktar milli jiġi introdott qafas ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità ġdid permezz tar-Regolament propost, l-arranġamenti eżistenti tal-assigurazzjoni ta’ kwalità tal-ESS u s-SEBĊ għandhom jiġu applikati għad-dejta tal-istatistika għall-MIP. Dan il-metodu huwa appoġġjat mill-prinċipji ta' rilevanza tad-dejta, il-kost-effettività u l-minimizzazzjoni tal-piż tar-rapportar kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 u Regolament (KE) Nru 2533/98.

4.    Tisħiħ tal-assigurazzjoni ta’ kwalità tal-istatistika permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib tal-ESS u tas-SEBĊ

4.1.

Billi r-responsabbiltajiet għall-produzzjoni tal-istatistika finanzjarja u makroekonomika bħala bażi għall-indikaturi għall-MIP huma kondiviżi bejn l-ESS u s-SEBĊ, kooperazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ sistemi hija meħtieġa biex tiżgura l-kwalità tagħhom, kif rikjesta minn Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u l-Artikolu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98, u kif emfasizzat mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-istatistika tal-UE tat-30 ta’ Novembru 2011 u t-13 ta’ Novembru 2012 (5).

4.2.

Fid-dawl ta’ dak li ssemma hawn fuq, il-BĊE jipponta lejn ix-xogħol mibdi mill-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Ħlasijiet (CMFB — Committee on Monetary, Financial and Balance of Payments Statistics), bil-ħsieb li tiġi evalwata l-kwalità u komparabbiltà tad-dejta relevanti tal-MIP taħt il-qafas legali attwali tal-istatistika. Is-CMFB jista' jagħti parir ukoll dwar metodi possibbli li jiżviluppaw għarfien pubbliku ta’ dawn il-kwistjonijiet. Ladarba x-xogħol tas-CMFB għamel progress, arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni bejn l-ESS u s-SEBĊ dwar l-oqfsa ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità għad-dejta dwar l-istatistika għall-MIP jistgħu jiġu stipulati f'memorandum ta’ ftehim, jekk meqjus xieraq.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2013) 342 finali.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Opinjoni tal-BĊE CON/2011/13 tas-16 ta’ Frar 2011 dwar ir-riforma tal-governanza ekonomika fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 150, 20.5.2011, p. 1). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu

(4)  Ara Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164) u Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8).

(5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-UE, it-3129 laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Brussell, 30 ta’ Novembru 2011 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-UE, it-3198 laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Brussell, 13 ta’ Novembru 2012, disponibbli fuq il-website tal-Kunsill fuq http://www.consilium.europa.eu


Top