EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0021

Deċiżjoni (UE) 2018/1148 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Awwissu 2018 dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/1041 (BĊE/2018/21)

OJ L 208, 17.8.2018, p. 91–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1148/oj

17.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/91


DEĊIŻJONI (UE) 2018/1148 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta' Awwissu 2018

dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/1041 (BĊE/2018/21)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 18 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (1) (Linja Gwida dwar Dokumentazzjoni Ġenerali), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4), Titoli I, II, IV, V, VI u VIII tal-Parti Erbgħa, u Parti Sitta tagħha,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 1(3) u 6(1) u l-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq.

(2)

Il-kriterji standard u r-rekwiżiti minimi għal limiti tal-kwalità tal-kreditu li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta' assi negozjabbli bħala kollateral għall-finijiet ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u b'mod partikolari fl-Artikolu 59 u fil-Parti Erbgħa, Titolu II tagħha.

(3)

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Linja Gwida BĊE/2015/510, il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-istrumenti, ir-rekwiżiti, il-kriterji u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont l-Artikolu 59(6) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħarġa, emittent, debitur jew garanti jissodisfax ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema fuq il-bażi ta' kull informazzjoni li l-Eurosistema tista' tikkunsidra bħala rilevanti biex tiżgura protezzjoni adegwata ta' riskju tal-Eurosistema.

(4)

B'deroga mir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema għal assi negozjabbli, l-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 jipprovdi li l-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema ma japplikawx għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali ta' Stati Membri taż-żona tal-euro taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, ħlief jekk il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi li l-Istat Membru rispettiv ma jikkonformax mal-kundizzjonalità tal-appoġġ finanzjarju u/jew tal-programm makroekonomiku.

(5)

Fid-19 ta' Awwissu 2015, wara li skada l-programm preċedenti tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) għall-appoġġ finanzjarju tal-Greċja, il-Bord tal-Gvernaturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) approva programm ta' assistenza finanzjarja ta' tliet snin għall-Greċja.

(6)

Il-Kunsill Governattiv vvaluta l-effetti tal-programm MES ġdid għall-Greċja, l-implimentazzjoni kkontinwata tiegħu u l-impenn muri mill-awtoritajiet Griegi sabiex dan il-programm jiġi implimentat bi sħiħ. Fuq il-bażi ta' dik l-evalwazzjoni, il-Kunsill Governattiv ikkunsidra r-Repubblika Ellenika bħala konformi mal-kondizzjonalità tal-programm. Konsegwentement, fit-22 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2016/1041 tal-Bank Ċentrali Ewropew(BĊE/2016/18) (3) li reġa' daħħal l-eliġibilità ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew garantiti b'mod sħiħ mir-Repubblika Ellenika għall-operazzjonijiet ta' politika monetarja, bla ħsara għall-applikazzjoni ta' haircuts speċifiċi għal strumenti bħal dawn, u sakemm ir-Repubblika Ellenika għandha titqies bħala Stat Membru taż-żona tal-euro konformi mal-programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

(7)

Bħalissa, l-Artikolu 1(3) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 jipprovdi li, għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8 ta' dik il-Linja Gwida, ir-Repubblika Ellenika għandha titqies bħala Stat Membru taż-żona tal-euro li huwa konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) ta' dik il-Linja Gwida jipprovdi li strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika huma suġġetti għall-haircuts speċifiċi stipulati fl-Anness I ta' dik il-Linja Gwida.

(8)

Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim tal-Faċilità ta' Assistenza Finanzjarja bejn il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, ir-Repubblika Ellenika u l-Bank tal-Greċja u l-Fond ta' Stabbiltà Finanzjarja Elleniku datat id-19 ta' Awwissu 2015 (4), id-data ta' terminazzjoni tal-programm MSE kurrenti hija l-20 ta' Awwissu 2018. Konsegwentement, mill-21 ta' Awwissu 2018 ir-Repubblika Ellenika ma tistax tkompli titqies bħala Stat Membru taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali. Bħala riżultat minn dik id-data, il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni tal-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema fir-rigward ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika, kif stipulati fl-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, mhux ser ikunu ssodisfati aktar.

(9)

Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li mill-21 ta' Awwissu 2018 il-kriterji standard u l-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema għandhom japplikaw fir-rigward ta' strumenti tad-dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li dawk l-istrumenti ta' dejn għandhom ikunu suġġetti għall-haircuts standard stipulati fil-Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2015/35) (5),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 1(3) u 6(1) u l-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, ir-Repubblika Ellenika ma għandhiex tkompli titqies li hija Stat Membru taż-żona tal-euro konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

2.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu, kif stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u b'mod partikolari l-Artikolu 59 u fil-Parti Erbgħa tagħha, m'għandhomx japplikaw għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika.

3.   Strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika m'għandhomx jibqgħu suġġetti għall-haircuts speċifiċi stipulati fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2014/31.

Artikolu 2

Revoka

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1041 (BĊE/2016/18) hija b'dan imħassra:

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-21 ta' Awwissu 2018.

2.   F'każ ta' kwalunkwe diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u l-Linja Gwida BĊE/2014/31, kif implimentati fil-livell nazzjonali mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta' Awwissu 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3.

(2)  ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28.

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1041 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar l-eliġibilità ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bi sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2016/18) (ĠU L 169, 28.6.2016, p. 14).

(4)  Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-MES li jinsab fuq www.esm.europa.eu.

(5)  Il-Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-18 ta' Novembru 2015 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2015/35) (ĠU L 14, 21.1.2016, p. 30).


Top