EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008HB0009

Rakkomandazzjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/9)

OJ C 251, 3.10.2008, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 251/1


Rakkomandazzjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

(BĊE/2008/9)

(2008/C 251/01)

NOTA TA' SPJEGA

1.   INTRODUZZJONI

Fit-23 ta' Novembru 1998 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (1). Numru ta' emendi għandhom jiġu kkunsidrati sabiex iżommu r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 bħala strument effettiv biex jitwettaq ix-xogħol ta' ġbir ta' tagħrif statistiku tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ).

Skond l-Artikolu 107(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-BĊE kien ressaq ir-Rakkomandazzjoni BĊE/1998/10 lill-Kunsill għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (2). Huwa għalhekk xieraq li tinżamm l-istess proċedura biex jiġu ppreżentati l-emendi proposti għar-Regolament (KE) Nru 2533/98.

2.   KUMMENTI DWAR L-ARTIKOLI

Artikolu 1

Referenza ġenerali għall-kompiti tas-SEBĊ

L-Artikolu 5.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) jipprovdi li l-Kunsill jiddefinixxi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma soġġetti għal rekwiżiti ta' rappurtar. L-Artikolu 5.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 2(1) ta' Regolament (KE) Nru 2533/98 jipprovdu li l-BĊE jista' jiġbor it-tagħrif statistiku neċessarju biex iwettaq il-kompiti tas-SEBĊ. L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jidentifika l-popolazzjoni ta' rappurtar ta' referenza minn fejn il-BĊE jiġbor it-tagħrif statistiku u jagħmel lista ta' għanijiet statistiċi speċifiċi għal xiex it-tagħrif jista' jinġabar. Iżda, id-dejta qiegħda tinġabar darba biss u tintuża għal iktar minn għan statistiku wieħed, sabiex jitnaqqas il-piż ta' rappurtar. B'riżultat ta' dan, konnessjoni individwali bejn il-popolazzjoni ta' rappurtar ta' referenza u tipi speċifiċi ta' statistika ma saritx effettiva u dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bżonn jiġu emendati.

Minkejja din ir-referenza ġenerali għax-xogħlijiet tas-SEBĊ, il-BĊE jirrakkomanda li jipprovdi lista indikattiva tal-għanijiet statistiċi li għalihom tinġabar l-istatistika mingħand il-popolazzjoni ta' rappurtar ta' referenza. Din tista' tinkludi li ġej:

“statistika monetarja u finanzjarja”: it-terminu huwa iktar xieraq minn dak użat bħalissa “statistika monetarja u bankarja”, minħabba l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji u ż-żieda fil-kumplessità ta' strumenti finanzjarji,

“statistika fuq ħlas u sistemi ta' ħlas”: minflok “statistika fuq sistemi ta' ħlas” biex ikun iċċarat li l-għanijiet għalfejn tinġabar l-istatistika huma biex ikopru dejta fuq ħlas bħala parti mill-istatistika fuq sistemi ta' ħlas. L-Artikolu 105(2) tat-Trattat jagħti lis-SEBĊ il-mandat biex jiġi promoss it-tħaddim bla xkiel tas-sistemi tal-ħlas. F'dan il-kuntest, tagħrif komprensiv kemm dwar l-infrastrutturi tal-ħlas kif ukoll dwar il-ħlasijiet magħmula permezz ta' dawn l-infrastrutturi huma neċessarji għat-tfassil tal-politika tal-BĊE inkluża s-sorveljanza ta' dawn l-infrastrutturi tas-suq,

“statistika dwar bilanċ tal-ħlas u pożizzjoni ta' investiment internazzjonali”,

“statistika dwar l-istabbilità finanzjarja”: billi l-Artikolu 105(5) tat-Trattat jipprovdi li s-SEBĊ għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tal-linji politiċi segwiti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-sorveljanza prudenti tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja, jista' jkun meħtieġ li tinġabar dejta statistika dwar makro-prudenza.

Aġġustament tal-popolazzjoni ta' rappurtar ta' referenza

Is-swieq finanzjarji qegħdin issir iktar kumplessi, bi tkabbir fir-rabtiet bejn it-transazzjonijiet finanzjarji u l-pożizzjonijiet fil-karta tal-bilanċ ta' tipi differenti ta' intermedjarji finanzjarji, bħal istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji, kumpaniji tal-assigurazzjoni u koroprazzjonijiet għal għanijiet finanzjarji. Dan jista' jimplika li l-BĊE jeħtieġ statistika komparabbli, frekwenti u puntwali għal dawn is-sottosetturi, sabiex ikun jista jkompli jwettaq il-kompiti tiegħu. Għalhekk, il-BĊE għandu jkun jista' jiġbor it-tagħrif statistiku neċessarju jekk il-merti ta' dan huma ta' vantaġġ fuq l-ispejjeż u jekk dan it-tagħrif mhux ġa qiegħed jinġabar minn korpi oħra. Bħala konsegwenza, il-popolazzjoni ta' rappurtar ta' referenza għandha issa tinkludi s-settur ta' korporazzjonijiet finanzjari bħala wieħed sħiħ. Partikolarment, din għandha tinkludi l-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni (ICPF), li jirrappreżentaw it-tieni l-ikbar sottosettur ta' korporazzjonijiet finanzjarji fiż-żona tal-euro fit-termini ta' attiv finanzjarju. Flimkien ma' dan, l-għarfien tal-implikazzjonijiet finanzjarji tal-għomor itwal kif ukoll iċ-ċaqliq ġenerali lejn skemi ta' pensjoni ffinanzjati aktarx li jżid l-importanza tas-sottosettur ICPF għat-tfassil tal-politika tal-BĊE. Relatat ma' dan, dawn l-istituzzjonijiet qegħdin jimmaniġġjaw il-portafoll tagħhom b'mod aktar attiv milli kienu jagħmlu fil-passat, u dan ikompli jżid ir-relevanza tagħhom għall-politika monetarja.

Flimkien ma' dan, awżiljarji finanzjarji għandhom rwol importanti fis-suq finanzjarju u fl-interazzjonijiet tagħhom ma' sottosetturi finanzjarji oħra. Għalhekk, huwa importanti li tkun tista' tinġabar ukoll l-istatistika minn dawn l-istituzzjonijiet jekk dan jitqies neċessarju.

Finalment, minħabba l-emendi li se jsiru għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (3), dan ir-Regolament għandu jagħmel referenza dinamika għalih.

Arranġamenti tranżitorji se jsiru permanenti

Ir-rappurtar ta' pożizzjonijiet madwar pajjiżi fiż-żona tal-euro u t-transazzjonijiet relatati għandhom jiġu permessi fuq bażi permanenti. Dan huwa neċessarju għall-kumpilazzjoni ta' bilanċi ta' ħlas u kontijiet finanzjarji ta' kwalità għolja fiż-żona tal-euro. Il-qafas legali kurrenti waqqaf dan ir-rappurtar għal perjodu tranżitorju waqt is-snin bikrin ta' munita waħda. Iżda, l-esperjenza wriet li dan ir-rappurtar jibqa' indispensabbli biex jingħelbu r-restrizzjonijiet fis-sistemi ta' kollezzjoni ta' dejta u biex jitnaqqas il-piż ta' rappurtar.

Prinċipji statistiċi

Ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 għandu jirreferi għall-prinċipji tal-istatistika li jirregolaw l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ. Kemm l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 ma jsemmux il-prinċipji tal-istatistika, waqt li l-Artikolu 285(2) tat-Trattat, li jirregola l-istatistika tas-Sistema Statistika Ewropea (SSE), b'mod espliċitu jfisser il-prinċipji li jirregolaw il-produzzjoni ta' statistika tal-Komunità (4). Permezz tal-inklużjoni tal-prinċipji tal-istatistika tas-SEBĊ fir-Regolament (KE) Nru 2533/98 jiġi ċċarat li l-attivitajiet statistiċi tas-SEBĊ huma rregolati minn dawn il-prinċipji. Dan ukoll juri li l-komunità tal-istatistika Ewropea għandha l-istess konvinzjonijiet fundamentali għalkemm hija organizzata fuq bażi parallela ta' żewġ sistemi u strutturi ta' tmexxija.

Reġim ta' kunfidenzjalità

Skambju ta' tagħrif kunfidenzjali fis-SEBĊ

Sabiex jiġi minimizzat il-piż ta' rappurtar u biex tinġabar dejta darba biss, kif ukoll biex tiġi żgurata il-kwalità għolja tal-istatistika prodotta u t-twettiq kif suppost tal-kompiti tas-SEBĊ, jeħtieġ li jiġi estiż l-iskambju ta' tagħrif ta' statistika kunfidenzjali fis-SEBĊ. Barra dan, hemm il-bżonn ta' ċarezza legali għat-trażmissjoni ta' tagħrif kunfidenzjali bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) u bejn il-BĊNi. Għal dan il-għan, din it-trażmissjoni ta' tagħrif statistiku kunfidenzjali miġbur skond l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ għandha tkun possibbli, sakemm din hi neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ jew għall-iżvilupp, għall-produzzjoni jew t-tixrid effiċjenti ta' tagħrif jew biex tiżdied il-kwalità tiegħu. Għall-istess raġuni, tagħrif disponibbli diġà għandu jintuża b'mod massimu, mingħajr ma jingħata każ għalfejn dan kien inġabar oriġinarjament waqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tiegħu jekk dan ikun meħtieġ. Fil-fatt, it-tagħrif isir tagħrif statistiku jekk jintuża għall-kumpilazzjoni ta' statistika mingħajr ma jingħata każ għalfejn dan kien inġabar oriġinarjament.

Skambju ta' tagħrif kunfidenzjali bejn is-SEBĊ u s-SSE

L-iskambju estiż ta' tagħrif kunfidenzjali bejn is-SEBĊ u s-SSE huwa neċessarju biex jitnaqqas il-piż ta' rappurtar jew għall-iżvilupp, il-kumpilazzjoni u t-tixrid effiċjenti tal-istatistika Ewropea, jew biex tiżdied il-kwalità tagħha. Dan l-iskambju għandu jkun organizzat b'mod li tinżamm il-kunfidenza tal-aġenti ta' rappurtar fil-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali. Dispożizzjonijiet simili li jiżguraw dan l-iskambju ta' tagħrif kunfidenzjali bejn is-SSE u s-SEBĊ għandu jkun imniżżel fir-Regolament (KE) Nru 2533/98 u fir-regolament propost dwar Statistika Ewropea. Għandhom japplikaw il-prinċipji ta' gwida li ġejjin:

(1)

l-iskambju ta' dejta kunfidenzjali bejn is-SEBĊ u s-SSE għandu jseħħ jekk dan huwa neċessarju biex jitnaqqas il-piż ta' rappurtar jew għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew it-tixrid effiċjenti tal-istatistika Ewropea jew biex tiżdied il-kwalità tagħha;

(2)

l-iskambju ta' dejta kunfidenzjali bejn is-SEBĊ u s-SSE għandu jseħħ għal għanijiet statistiċi biss: jiġifieri, esklużivament għall-kumpilazzjoni ta' statistika fl-isfera ta' kompetenza rispettiva tagħhom;

(3)

l-iskambju ta' dejta kunfidenzjali għandu jiġi protett minn kwalunkwe żvelar illegali;

(4)

is-SEBĊ u s-SSE għandhom jinfurmaw lill-aġenti ta' rappurtar li jistgħu jiskambjaw id-dejta kunfidenzjali;

(5)

fl-interessi taċ-ċarezza, miżuri ta' protezzjoni ta' kunfidenzjalità uniformi għandhom jiġu applikati għall-iskambju ta' dejta kunfidenzjali bejn is-SEBĊ u s-SSE. Dawn il-miżuri ta' protezzjoni huma spjegati fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru [XX] fuq Statistika Ewropea.

Il-qafas legali propost ma jaffetwa ebda ftehim f'livell nazzjonali fuq l-iskambju ta' tagħrif statistiku kunfidenzjali għajr dak it-tagħrif msemmi f'din ir-rakkomandazzjoni.

Ir-reġim il-ġdid ta' kunfidenzjalità għandu l-iskop li jirrifletti d-dispożizzjonijiet korrispondenti li jinsabu fl-Opinjoni CON/2007/35 tal-14 ta' Novembru 2007 fuq it-talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar proposta għal regolamenttal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Statistika Ewropea (5), sabiex l-istess mekkaniżmu ta' trażmissjoni jintuża għat-trasferiment ta' dejta mis-SSE għas-SEBĊ u għat-trasferiment ta' dejta mis-SEBĊ għas-SSE.

Aċċess għal tagħrif statistiku kunfidenzjali li ma jiġix identifikat direttament għal għanijiet ta' riċerka

Aċċess għal tagħrif statistiku kunfidenzjali li ma jistax jiġi identifikat direttament huwa meħtieġ dejjem aktar għal għanijiet ta' riċerka, per eżempju biex jiġi analizzat u miftiehem l-iżvilupp fis-setturi u fost il-pajjiżi. Bħalissa, il-qafas legali jipprovdi primarjament għal aċċess deċentralizzat ta' korpi xjentifiċi ta' riċerka għal dan it-tagħrif statistiku fuq bażi nazzjonali. Għalhekk dan għandu jiġi msaħħaħ b'qafas legali xieraq fil-livell tas-SEBĊ li jippermetti li l-korpi ta' riċerka xjentifika jingħataw aċċess għal dan it-tagħrif statistiku kunfidenzjali, waqt li jinżammu proċeduri stretti ta' kunfidenzjalità.

Rakkomandazzjoni għal:

“REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (hawn 'il quddiem l-‘Istatut’), u partikolarment l-Artikolu 5.4 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru [XX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Statistika Ewropea,

Bi qbil mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 107(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 42 tal-Istatut,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/1998 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (6) huwa parti importanti mill-qafas legali li jgħin fil-kompiti tal-BĊE li jiġbor tagħrif statistiku mgħejjun mill-banek ċentrali nazzjonali. Il-BĊE konsistentement serraħ fuqu biex iwettaq u biex jimmonitorja l-ġbir koordinat ta' tagħrif statistiku neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ).

(2)

Sabiex ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 jinżamm bħala strument effettiv tal-BĊE biex iwettaq ix-xogħlijiet ta' ġbir ta' tagħrif statistiku tas-SEBĊ u biex tiġi ggarantita d-disponibbiltà kontinwa għall-BĊE għal tagħrif statistiku ta' kwalità neċessarja u li jkopri l-isfera tal-kompiti tas-SEBĊ huwa essenzjali li jiġi rivedut l-iskop tar-rekwiżiti ta' rappurtar li jimponi dan ir-Regolament. F'dan il-kuntest, hemm bżonn li tingħata attenzjoni mhux biss għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ u għall-indipendenza tagħha, imma wkoll għall-prinċipji ta' statistika pprovduti f'dan ir-Regolament.

(3)

Huwa neċessarju li r-Regolament (KE) Nru 2533/98 jiġi emendat biex il-BĊE jkun jista' jiġbor it-tagħrif statistiku li għandu bżonn biex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ mogħtija mill-Istatut. Skond dan, l-għanijiet għalfejn jista' jinġabar it-tagħrif statistiku jridu jinkludu l-kumpilazzjoni tat-tagħrif makro-prudenzjali meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ taħt l-Artikolu 105(5) tat-Trattat.

(4)

Għall-iskop ta' rekwiżiti ta' rappurtar neċessarji għat-twettieq tal-kompiti tas-SEBĊ hemm bżonn li jiġu kkunsidrati l-iżviluppi strutturali fis-swieq finanzjarji u li jiġu ndirizzati rekwiżiti relatati ta' tagħrif statistiku li kienu jidhru inqas fiż-żmien li r-Regolament (KE) Nru 2533/98 kien adottat. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġi permess il-ġbir ta' tagħrif statistiku mis-settur kollu ta' korporazzjonijiet finanzjarji, u partikolarment mingħand il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni li jirrappreżentaw it-tieni l-akbar sottosettur ta' korporazzjonijiet finanzjarji fiż-żona tal-euro f'termini ta' assi finanzjarji.

(5)

Sabiex tkun tista' ssir kumpilazzjoni kontinwa ta' statistika dwar bilanċi ta' ħlas ta' kwalità suffiċjenti, huwa neċessarju li jiġu ċċarati r-rekwiżiti ta' rappurtar imposti b'konnessjoni mad-dejta dwar il-pożizzjonijiet u t-transazzjonijiet bejn ir-residenti ta' Stati Membri parteċipanti.

(6)

Riċerkaturi għandhom bżonn dejjem aktar għal aċċess għal tagħrif statistiku kunfidenzjali li ma jistax jiġi identifikat direttament biex jiġi analizzat u miftiehem l-iżvilupp fis-setturi u fost il-pajjiżi. Għalhekk huwa importanti li l-BĊE u l-BĊNi jitħallew jagħtu aċċess lil korpi ta' riċerka xjentifika għal dan it-tagħrif statistiku dettaljat fil-livell tas-SEBĊ, waqt li jinżammu proċeduri stretti ta' kunfidenzjalità.

(7)

Biex jintaqqas il-piż ta' rappurtar fuq l-aġenti ta' rappurtar u biex jiġu żgurati l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid effiċjenti ta' kwalità għolja ta' statistika, u t-twettiq kif suppost tal-kompiti tas-SEBĊ, huwa neċessarju li jiġi permess l-użu massimu ta' tagħrif eżistenti biex tiġi kkumpilata l-istatistika, inkluż l-iskambju ta' tagħrif statistiku kunfidenzjali fis-SEBĊ.

(8)

Barra dan, huwa importanti li tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn is-SEBĊ u Sistema ta' Statistika Ewropea, notevolment biex jitrawwem l-iskambju ta' data kunfidenzjali bejn iż-żewġ sistemi għal għanijiet statistiċi, fid-dawl tal-Artikolu 285 tat-Trattat u l-Artikolu 5 tal-Istatut.

(9)

Statistika Ewropea qiegħda u sa tiġi żviluppata, prodotta u mxerrda mis-SEBĊ u mis-SSE iżda taħt qafas legali separat li jirrefletti l-istrutturi tat-tmexxija rispettivi tagħhom. Dan ir-Regolament għandu għalhekk japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru [XX].

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1(4) huwa emendat kif ġej: il-kliem ‘fl-Anness A’ għandhom jinbidlu bil-kliem ‘fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità;’.

2.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Minflok il-paragrafu 1 għandu jidħol dan li ġej:

‘1.   Għat-twettieq tar-rekwiżiti ta' rappurtar statistiku tal-BĊE, il-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali skond l-Artikolu 5.2 tal-Istatut, għandu d-dritt li jiġbor tagħrif statistiku għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta' Statistika Ewropea sal-limiti tal-popolazzjoni ta' rappurtar ta' referenza u għal dak li hu neċessarju biex iwettaq il-kompiti tas-SEBĊ. Partikolarment, tagħrif jista' jinġabar biex jitwettqu r-rekwiżiti ta' rappurtar statistiku tal-BĊE inklużi fil-qasam ta' statistika monetarja u finanzjarja, statistika dwar ħlasijiet u sistemi ta' ħlas, statistika dwar stabbilità finanzjarja, bilanċ ta' ħlas u statistika dwar il-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali.’

(b)

Minflok il-paragrafu 2 għandu jidħol dan li ġej:

‘2.   Sakemm it-tagħrif statistiku li jiġi pprovdut huwa neċessarju biex jitwettqu r-rekwiżiti ta' rappurtar statistiku tal-BĊE, il-popolazzjoni ta' rappurtar ta' referenza għandha tinkludi l-aġenti ta' rappurtar li ġejjin:

(a)

persuni fiżiċi u ġuridiċi li r-residenza tagħhom hi fi Stat Membru u li jaqgħu fis-settur ta' “korporazzjonijiet finanzjarji” kif definit fl-ESA95;

(b)

istituzzjonijiet post office giro;

(c)

persuni fiżiċi u ġuridiċi li r-residenza tagħhom hi fi Stat Membru sakemm huma għandhom pożizzjonijiet trans-konfinali jew inkella wettqu transazzjonijiet trans-konfinali;

(d)

persuni fiżiċi u ġuridiċi li r-residenza tagħhom hi fi Stat Membru sakemm huma ħarġu titoli jew flus elettroniċi;

(e)

persuni fiżiċi u ġuridiċi li r-residenza tagħhom hi fi Stat Membru sakemm huma jżommu pożizzjoni finanzjarja mqabbla ma' residenti oħra ta' Stati Membri parteċipanti jew wettqu transazzjonijiet finanzjarji ma' residenti oħra ta' Stati Membri parteċipanti.’

3.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fil-bidu:

‘Il-prinċipji ta' imparzjalità, oġġettività, indipendenza professjonali, effikaċja fl-ispejjeż, kunfidenzjalità statistika flimkien mal-prinċipji tal-minimizzazzjoni tal-piż ta' rappurtar u tal-kwalità għolja fil-produzzjoni għandhom jirregolaw l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta' statistika mis-SEBĊ.’

(b)

Il-paragrafu (a) huwa ssostitwit b'li ġej:

‘(a)

għandu juża statistika eżistenti sakemm huwa possibbli.’

4.

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 huwa mibdul b'li ġej:

‘2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru [XX],

(a)

it-trażmissjoni fis-SEBĊ ta' tagħrif statistiku kunfidenzjali li nġabar skond l-Artikolu 5 tal-Istatut, għandu jseħħ (i) sakemm u għall-livell ta' dettall neċessarju għat-twettieq tal-kompiti tas-SEBĊ taħt l-Artikolu 105 tat-Trattat jew (ii) kemm-il darba din it-trażmissjoni hija neċessarja għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew it-tixrid effiċjenti ta' statistika taħt l-Artikolu 5 tal-Istatut jew biex tiżdied il-kwalità tagħha;

(b)

il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi dwar il-ġbir u t-trażmissjoni, sal-livell ta' dettall neċessarju, fis-SEBĊ ta' tagħrif kunfidenzjali li nġabar oriġinarjament għal għanijiet oħra minn dawk tal-Artikolu 5 tal-Istatut, sakemm dan huwa neċessarju għall-iżvilupp u l-produzzjoni effiċjenti ta' statistika jew biex tiżdied il-kwalità tagħha u li din l-istatistika hija neċessarja għat-twettieq tal-kompiti tas-SEBĊ taħt l-Artikolu 105 tat-Trattat.’

(b)

Minflok il-paragrafu 3 għandu jidħol dan li ġej:

‘3.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru [XX], aġenti ta' rappurtar għandhom jiġu nfurmati dwar l-użu statistiku jew amministrattiv tat-tagħrif statistiku provvdut minnhom. Aġenti ta' rappurtar għandhom id-dritt li jiksbu tagħrif dwar il-bażi legali għat-trażmissjoni u dwar il-miżuri ta' protezzjoni adottati.’

(c)

Minflok il-paragrafu 4 għandu jidħol dan li ġej:

‘4.   Bla ħsara għal paragrafu 12 ta' dan l-Artikolu, is-SEBĊ għandha tuża t-tagħrif statistiku kunfidenzjali trażmess lilha esklussivament għall-eżerċizzju tal-kompiti tas-SEBĊ għajr fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

jekk l-aġent ta' rappurtar jew il-persuna ġuridika l-oħra, persuna fiżika, entità jew fergħa li tista' tiġi identifikata, taw il-kunsens espliċitu tagħhom biex jintuża dan it-tagħrif statistiku għal għanijiet oħra;

(b)

għat-trażmissjoni lill-membri tas-Sistema ta' Statistika Ewropea ('SSE') skond il-paragrafu 11;

(c)

biex jagħtu aċċess lil korpi ta' riċerka xjentifika għal tagħrif statistiku kunfidenzjali li ma jippermettix l-identifikazzjoni diretta u bil-kunsens espliċitu minn qabel tal-awtorità li pprovdiet it-tagħrif;

(d)

fir-rigward ta' BĊNi, jekk dan it-tagħrif statistiku huwa użat fil-qasam ta' superviżjoni prudenzjali jew għall-ezerċizzju ta' funzjonijiet oħra minn dawk speċifikati fl-Istatut, skond l-Artikolu 14.4 tal-Istatut.’;

(d)

Minflok il-paragrafu 5 għandu jidħol dan li ġej:

‘5.   Tagħrif statistiku kunfidenzjali jista' jiġi skambjat fis-SEBĊ sabiex jingħata aċċess lil korpi ta' riċerkaturi xjentifiċi għal dan it-tagħrif, skond il-paragrafi 3 u 4(c) ta' dan l-Artikolu.’

(e)

Minflok il-paragrafu 8 għandu jidħol dan li gej:

‘8.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (7).’

(f)

Fil-paragrafu 9, l-aħħar żewġ sentenzi huma mibdula bis-sentenza li ġejja:

‘Il-BĊE għandu jiddefinixxi regoli komuni u jimplimenta standards minimi biex jevita l-iżvelar illegali u l-użu mhux awtorizzat ta' dejta trasmessa taħt il-paragrafi 1 u 2.’

(g)

Il-paragrafi 11 u 13 li ġejjin huma miżjuda:

‘11.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq l-iskambju ta' tagħrif statistiku kunfidenzjali għajr it-tagħrif msemmi f'dan ir-Regolament, it-trażmissjoni ta' tagħrif statistiku kunfidenzjali bejn membru tas-SEBĊ li ġabar dak it-tagħrif u awtorità tas-SSE jista' jseħħ kemm-il darba din it-trażmissjoni hija neċessarja għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew it-tixrid effiċjenti jew biex tiżdied il-kwalità ta' Statistika Ewropea fl-isfera rispettiva ta' kompetenza tas-SSE u tas-SEBĊ. Kull trażmissjoni wara l-ewwel trażmissjoni għandha tiġi espliċitament awtorizzata mill-membru tas-SEBĊ li ġabar dak it-tagħrif.

12.   Jekk dejta kunfidenzjali tiġi trażmessa bejn awtorità tas-SSE u membru tas-SEBĊ, din id-dejta għandha tintuża esklużivament għal għanijiet statistiċi u tkun aċċessibli biss għal ħaddiema li jaħdmu f'attivitajiet statistiċi fil-qasam speċifiku tax-xoghol.

13.   Il-miżuri ta' protezzjoni li jissemmew fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru [XX] għandhom japplikaw għad-dejta kunfidenzjali trasmessa bejn awtorità tas-SSE u membru tas-SEBĊ skond il-paragrafi 11 u 12 hawn fuq, u skond l-Artikolu 20(1a) tar-Regolament (KE) Nru [XX]. Il-BĊE għandu jippubblika rapport ta' kunfidenzjalità annwali fuq il-miżuri adottati biex tiġi salvagwardata l-kunfidenzjalità tad-data statistika.’

5.

L-Annessi A u B huma mħassra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-[data]

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.”

Magħmul fi Frankfurt am Main, 15 ta' Settembru 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(2)  ĠU C 246, 6.8.1998, p. 12.

(3)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

(4)  “Statistika tal-Komunità” hija parti mill-“istatistika Ewropea” msemmija fil-premessi tar-Regolament (KE) Nru [XX] fuq Statistika Ewropea.

(5)  ĠU C 291, 5.12.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top