EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0003(01)

Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l-4 ta' Marzu, 2004, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3)

OJ L 80, 18.3.2004, p. 42–44 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 01 Volume 005 P. 51 - 53
Special edition in Estonian: Chapter 01 Volume 005 P. 51 - 53
Special edition in Latvian: Chapter 01 Volume 005 P. 51 - 53
Special edition in Lithuanian: Chapter 01 Volume 005 P. 51 - 53
Special edition in Hungarian Chapter 01 Volume 005 P. 51 - 53
Special edition in Maltese: Chapter 01 Volume 005 P. 51 - 53
Special edition in Polish: Chapter 01 Volume 005 P. 51 - 53
Special edition in Slovak: Chapter 01 Volume 005 P. 51 - 53
Special edition in Slovene: Chapter 01 Volume 005 P. 51 - 53
Special edition in Bulgarian: Chapter 10 Volume 005 P. 229 - 231
Special edition in Romanian: Chapter 10 Volume 005 P. 229 - 231
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 014 P. 49 - 51

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 29/03/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/258/oj

32004D0003(01)



Official Journal L 080 , 18/03/2004 P. 0042 - 0044


Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew

ta' l-4 ta' Marzu, 2004,

dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew

(ECB/2004/3)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikolu 12.3,

Wara li kkunsidra r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew [1], partikolarment l-Artikolu 23,

Billi:

(1) It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiġbor fih il-kunċett tat-trasparenza, jiddikjara li t-Trattat jikkaratterizza pass ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta' Unjoni dejjem aktar qrib tal-popli ta' l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod miftuħ kemm jista' jkun possibbli u kemm jista' jkun mill-aktar qrib lejn iċ-ċittadin. Il-ftuħ itejjeb il-leġittimita' ta' l-amministrazzjoni, l-effettivita' u l-kontabilita', b'hekk jissaħħu l-prinċipji tad-demokrazija.

(2) Fid-Dikjarazzjoni Konġunta [2] dwar ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju, 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u d-dokumenti tal-Kummissjoni [3], il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsejħu lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra ta' l-Unjoni biex jaddottaw regoli interni dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti li jieħdu kunsiderazzjoni tal-prinċipji u l-limiti msemmija fir-Regolament. Ir-reġim dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-ECB kif stabbilit fid-Deċiżjoni ECB/1998/12 tat-3 ta' Novembru, 1998, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumentazzjoni u l-arkivji tal-Bank Ċentrali Ewropej [4] għandhom għalhekk jiġu riveduti.

(3) Għandu jingħata aċċess aktar wiesa' għad-dokumenti tal-ECB, filwaqt li fl-istess ħin jiġu protetti l-indipendenza tal-ECB u tal-banek ċentrali nazzjonali (NCB) previżta bl-Artikolu 108 tat-Trattat u l-Artikolu 7 ta' l-Istatut, u l-kunfidenzjalita' ta' ċerti kwistjonijiet speċifiċi għat-twettiq tal-ħidmiet tal-ECB. Biex tiġi salvagwardjata l-effettivita' tal-proċess li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-ECB, inklużi l-konsultazzjonijiet u l-preparazzjonijiet interni tiegħu, il-proċedimenti tal-laqgħat tal-korpi tal-ECB responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet huma kunfidenzjali, sakemm il-korp relevanti jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-dibattiti tiegħu.

(4) Madankollu, ċerti interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu protetti b' mod ta' eċċezzjoni. Barra dan, il-ECB għandu bżonn jipproteġi l-integrita' tal-karti tal-flus ewro bħala mezz ta' ħlas inklużi, mingħajr restrizzjoni, il-karatteristiċi tas-sigurta' kontra l-iffalsfikar, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-produzzjoni, is-sigurta' fiżika tas-skakar u t-trasportazzjoni tal-karti tal-flus ewro.

(5) Meta n-NCB jipproċessaw talbiet għal dokumenti tal-ECB li jkunu fil-pussess tagħhom, huma għandhom jikkonsultaw lill-ECB biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiha ta' din id-Deċiżjoni sakemm ikun ċar jekk id-dokument jistax jiġi żvelat jew le.

(6) Biex joħloq aktar trasparenza, il-ECB għandu jagħti aċċess mhux biss għal dokumenti mħejjija minnu, imma wkoll għal dokumenti li huwa jirċievi filwaqt li fl-istess ħin jippreserva d-dritt biex it-terzi partijiet interessati jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' l-aċċess għal dokumenti mħejjija minnhom.

(7) Il-ECB għandu japplika proċedura li tinvolvi żewġ stadji biex jassigura li l-prattika ta' amministrazzjoni tajba hija rispettata.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Skop

L-iskop ta' din id-Deċiżjoni huwa li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-limiti li skondhom il-ECB għandu jagħti aċċess pubbliku għad-dokumenti tiegħu u biex tippromovi prattika ta' amminsitrazzjoni tajba dwar l-aċċess pubbiku għal dawn id-dokumenti.

Artikolu 2

Benefiċjarji u skop

1. Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali li toqgħod jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat f'xi Stat Membru, għandha dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-ECB, bla ħsara għall-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

2. Il-ECB jista', bla ħsara għall-istess kundizzjonijiet u limiti, jagħti aċċess għad-dokumenti tal-ECB lil kull perunsa naturali jew legali li ma togħqodx jew li m'għandhiex l-uffiċċju rreġistrat tagħha f'xi Stat Membru.

3. Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-ECB li jistgħu joħorġu minn strumenti tal-liġi internazzjonali jew atti oħra li jimplimentawhom.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni:

(a) "dokument" u "dokument tal-ECB" għandhom ifissru kull kontenut ikun xi jkun l-medju tagħhom (miktub fuq karta jew merfugħ f'forma elettronika jew bħala recording ta' ħoss, viżiv jew awdjoviżiv) mħejji jew miżmum mill-ECB u li għandu x'jaqsam mal-politika tiegħu, l-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet, kif ukoll id-dokumenti mħejjija mill-Istitut Monetarju Ewropew (IME) u mill-Kumitat tal-Gvernaturi tal-banek ċentrali ta' l-Istati Membri tal-Komunita' Ekonomika Ewropea (Kumitat tal-Gvernaturi);

(b) "terza parti" għandha tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kwalunkwe entita' barra l-ECB.

Artikolu 4

Eċċezzjonijiet

1. Il-ECB għandu jiċħad l-aċċess għal dokument meta l-pubblikazzjoni ddgħajjef il-protezzjoni ta':

(a) l-interess pubbliku dwar:

- il-kunfidenzjalita' tal-proċedimenti tal-korpi tal-ECB fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet,

- il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunita' jew ta' xi Stat Membru,

- il-finanzi interni tal-ECB jew tan-NCB,

- il-protezzjoni ta' l-integrita' tal-karti tal-flus ewro,

- is-sigurta' pubblika,

- ir-relazzjonijiet finanzjarji internazzjonali, monetarji jew ekonomiċi;

(b) il-privatezza u l-integrita' ta' l-individwu, partikolarment skond il-leġislazzjoni tal-Komunita' dwar il-protezzjoni tad-data personali;

(ċ) il-kunfidenzjalita' ta' l-informazzjoni li hija protetta bil-liġi tal-Komunita'.

Il- ECB għandu jiċħad l-aċċess għal xi dokument fejn il-pubblikazzjoni ddgħajjef il-protezzjoni ta':

- l-interessi kummerċjali ta' xi persuna naturali jew legali, inkluża l-propjeta' intelletwali,

- il-proċedimenti tal-Qorti u l-avviż legali,

- l-iskop ta' l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-audits,

sakemm ikun hemm interess pubbliku superjuri għall-pubblikazzjoni.

2. L-aċċess għal dokument li jkollu opinjonijiet għal użu intern bħala parti mid-dibattiti u l-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-ECB jew man-NCB għandhom ikunu miċħuda anke wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, sakemm ikun hemm interess pubbliku superjuri li jkunu mikxufa.

3. Fir-rigward tad-dokumenti ta' terzi partijiet, il-ECB għandu jikkonsulta mat-terza parti interessata bil-għan li teżamina jekk eċċezjoni f'dan l-Artikolu hijiex applikabbli, sakemm ikun ċar li d-dokument għandu jew m'għandux jiġi kkomunikat.

4. Jekk xi partijiet biss tad-dokument mitlub ikunu koperti b' xi waħda mill-eċċezzjonijiet, il-partijiet li jifdal tad-dokument għandhom jiġu kkomunikati.

5. L-eċċezzjonijiet kif stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw biss għall-perjodu li matulu l-protezzjoni hija ġġustifikata abbażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu massimu ta' 30 sena sakemm ipprovdut speċifikament mod ieħor mill-Kunsill Governattiv tal-ECB. Fil-każ ta' dokumenti koperti bl-eċċezzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' interessi ta' privatezza u kummerċjali, l-eċċezzjonijiet jistgħu jkomplu japplikaw wara dan il-perjodu.

Artikolu 5

Dokumenti fin-NCB

Id-dokumenti mħejjija mill-ECB u li huma fil-pussess ta' xi BĊN, kif ukoll id-dokumenti mħejjija mill-IME jew mill-Kumitat tal-Gvernaturi jistgħu jiġu ppubblikati biss min-NCB salva l-konsultazzjoni minn qabel tal-ECB dwar l-iskop ta' l-aċċess, sakemm ikun ċar li d-dokument għandu jew m'għandux jiġi ppubblikat.

Alternattivament in-NCB jista' jirreferi t-talba lill-ECB.

Artikolu 6

Applikazzjonijiet

1. Applikazzjoni għall-aċcess ta' xi dokument għandha ssir lill-ECB [5] f'kwalunkwe forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni u f'mod preċiż biżżejjed biex il-ECB jkun jista' jidentifika d-dokument. L-applikant mhuwiex obbligat li jgħid ir-raġunijiet għall-applikazzjoni.

2. Jekk xi applikazzjoni mhijiex preċiża biżżejjed, il-ECB għandu jsaqsi lill-applikant biex jikkjarifika l-applikazzjoni u għandu jassistih biex jagħmel dan.

3. Fil-każ ta' xi applikazzjoni għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ta' dokumenti, il-ECB jista' jikkonsulkta b'mod informali ma' l-applikant, bil-għan li tinstab soluzzjoni ġusta.

Artikolu 7

L-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet tal-bidu

1. Applikazzjoni għall-aċċess ta' dokument għandha tiġi ttrattata minnufih. Konferma ta' riċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Id-Direttur Ġenerali tas-Sekretarjat u s-Servizzi tal-Lingwa tal-ECB għandu jew jagħti aċċess għad-dokument mitlub u jipprovdi aċċess skond l-Artikolu 9 jew, jgħid f'risposta bil-miktub, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda totali jew parzjali u jinforma lill-applikant bid-dritt tiegħu biex jagħmel applikazzjoni ta' konferma skond il-paragrafu 2, fi żmien għoxrin ġurnata ta' xogħol mir-riċevuta ta' l-applikazzjoni, jew tal-kjarifikazzjonijiet mitluba skond l-Artikolu 6(2).

2. Fil-każ ta' ċaħda totali jew parzjali, l-applikant jista', f'għoxrin ġurnata ta' xogħol li jirċievi r-risposta tal-ECB, jagħmel applikazzjoni ta' konferma fejn isaqsi lill-Bord Eżekuttiv tal-ECB biex jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu. Barra dan, in-nuqqas tal-ECB biex iwieġeb fil-limitu ta' żmien preskritt ta' għoxrin ġurnata ta' xogħol biex jipproċessa l-applikazzjoni tal-bidu għandha tintitola lill-applikant biex jagħmel applikazzjoni ta' konferma.

3. F' każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta' xi applikazzjoni għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ħafna ta' dokumenti, il-ECB jista' jestendi l-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1 b'għoxrin ġurnata ta' xogħol, dejjem jekk l-applikant huwa nnotifikat minn qabel u jekk jingħataw raġunijiet dettaljati.

4. Il-Paragrafu 1 m'għandux japplika fil-każ ta' applikazzjonijiet eċċessivi u mhux raġonevoli, partikolarment meta jkunu ta' natura ripetittiva.

Artikolu 8

L-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet ta' konferma

1. Applikazzjoni ta' konferma għandha tiġi ttrattata minnufih. Fi żmien 15-il ġurnata ta' xogħol mill-irċevuta ta' din l-applikazzjoni, il-Bord Eżekuttiv għandu jew jagħti aċċess għad-dokument mitlub u jipprovdi aċċess skond l-Artikolu 9 jew, f'risposta bil-miktub, jagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda totali jew parzjali. Fil-każ ta' ċaħda totali jew parzjali, il-ECB għandu jinforma lill-applikant bir-rimedji disposti għalih skond l-Artikoli 230 u 195 tat-Trattat.

2. F'każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta' xi applikazzjoni għal xi dokument twil ħafna jew għal numru kbir ħafna ta' dokumenti, il-ECB jista' jestendi l-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1 b'15-il ġurnata ta' xogħol, dejjem jekk l-applikant huwa nnotifikat minn qabel u jekk jingħataw raġunijiet dettaljati.

3. In-nuqqas tal-ECB biex iwieġeb fil-limitu ta' żmien preskritt għandu jiġi kkunsidrat bħala risposta negattiva u għandha tintitola lill-applikant biex jibda proċedimenti bil-qorti u/jew jippreżenta lment lill-Ombudsman Ewropew, skond l-Artikoli 230 u 195 tat-Trattat, rispettivament.

Artikolu 9

Aċċess wara xi applikazzjoni

1. L-applikanti jistgħu jikkonsultaw id-dokumenti li għalihom l-ECB jkun ta' aċċess, jew fil-bini tiegħu jew billi jirċievu kopja, inkluża, meta disponibbli, kopja elettronika. L-ispejjeż biex tipproduċi u tibgħat il-kopji jistgħu jingħaddu lill-applikant. Dan il-ħlas m'għandux jaqbeż l-ispiża reali biex tipproduċi u tibgħat il-kopji. Il-konsultazzjoni fuq il-post, il-kopji ta' anqas minn 20 paġna A4 u l-aċċess dirett f'forma elettronika għandhom ikunu bla ħlas.

2. Jekk xi dokument ikun diġa' ġie rilaxxat mill-ECB u jkun aċċessibbli faċilment, il-ECB jista' jissodisfa l-obbligu tiegħu li jagħti aċċess għalih billi jinforma lill-applikant kif għandu jakkwista d-dokument mitlub.

3. Id-dokumenti għandhom ikunu fornuti f'verżjoni u format eżistenti (inkluż elettronikament jew f'format alternattiv) kif mitlub mill-applikant.

Artikolu 10

Ir-Riproduzzjoni ta' dokumenti

1. Id-dokumenti rilaxxati skond din id-Deċiżjoni m'għandhomx jiġu riprodotti jew sfruttati għal skopijiet kummerċjali mingħajr l-awtorizzazzjoni speċifika tal-ECB minn qabel. Il-ECB jista' jżomm din l-awtorizzazzjoni mingħajr ma jagħti raġunijiet.

2. Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola eżistenti dwar id-drittijiet ta' l-awtur li jistgħu jillimitaw id-dritt ta' terza persuna li tirriproduċi jew tisfrutta d-dokumenti rilaxxati.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet Finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Id-Deċiżjoni ECB/1998/12 għandha tiġi rrevokata.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fl-4 ta' Marzu, 2004.

Il-President tal-ECB

Jean-Claude Trichet

[1] Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar, 2004, li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, ĠU L 80, tat-18.3.2004, p. 33.

[2] ĠU L 173, tas-27.6.2001, p. 5.

[3] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

[4] ĠU L 110, tat-28.4.1999, p. 30.

[5] Indirizzat lill-Bank Ċentrali Ewropew, Diviżjoni Sekretarjat, Kaiserstrasse 29, D-60311 Frankfurt am Main. Faks: + 49 (69) 1344 6170. E-mail: ecb.secretariat@ecb.int.

--------------------------------------------------

Top