EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006O0010

Linja ta' gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l- 24 ta' Lulju, 2006 fuq it-tisrif ta' karti tal-flus wara l-iffissar irrevokabbli tar-rati tal-kambju fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' l-euro (BĊE/2006/10)

OJ L 215, 5.8.2006, p. 44–46 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 118M, 8.5.2007, p. 1061–1063 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 10 Volume 007 P. 281 - 283
Special edition in Romanian: Chapter 10 Volume 007 P. 281 - 283
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 007 P. 29 - 31

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2006/549/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1061


LINJA TA' GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

ta' l-24 ta' Lulju, 2006

fuq it-tisrif ta' karti tal-flus wara l-iffissar irrevokabbli tar-rati tal-kambju fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' l-euro

(BĊE/2006/10)

(2006/549/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 106(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikolu 52 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 52 ta' l-Istatut jeħtieġ li l-Kunsill Governattiv jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-karti tal-flus iddenominati f'valuti b'rati tal-kambju fissi irrevokabilment jissarrfu mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊI) ta' Stati Membri parteċipanti fil-valur ta' parità rispettivi tagħhom. Dawn il-miżuri jinvolvu t-tisrif ta' karti tal-flus ta' Stat Membru parteċipant ġdid: (a) f'karti tal-flus u muniti euro; jew (b) għall-ikkreditjar ta' fondi f'kont. B'kuntrast, kull meta Stat Membru parteċipant ikollu perjodu transitorju, allura matul dak il-perjodu dawn il-miżuri jinvolvu minflok it-tisrif tal-karti tal-flus: (a) f'valuta nazzjonali ta' dak l-Istat Membru parteċipant ġdid; jew (b) għall-ikkreditjar ta' fondi f'kont.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta' l-euro (1) jipprovdi għal reġimi differenti possibbli tat-tibdil tal-flus kontanti għall-Istati Membri li jadottaw l-euro. Din il-Linja ta' Gwida tiżgura li t-tisrif tal-karti tal-flus ta' Stati Membri parteċipanti ġodda jista' jsir immaterjalment liema reġim nazzjonali tat-tibdil tal-flus kontanti jintgħażel.

(3)

Ċerti kategoriji ta' karti tal-flus, jiġifieri karti tal-flus imqattgħin ħafna u karti tal-flus li kienu mmarkati bħala parti mill-iskemi nazzjonali ta' l-immarkar biex ikun ffaċilitat u protett l-irtirar ta' karti tal-flus nazzjonali, ma jikkwalifikawx ġeneralment għat-tisrif u huma għalhekk esklużi mit-tisrif skond din il-Linja ta' Gwida.

(4)

Fil-każ li Stat Membru parteċipant ġdid ikollu perjodu transitorju, allura l-perjodu ta' l-arranġamenti skond din il-Linja ta' Gwida f'dak l-Istat Membru jkun itwal billi jikkonsidraw dan il-perjodu, għalkemm perjodu transitorju bħal dan m'għandux itawwal il-perjodu ta' tisrif għall-karti tal-flus ta' Stati Membri parteċipanti oħra ġodda.

ADOTTA DIN IL-LINJA TA' GWIDA:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Linja ta' Gwida:

“Stat Membru parteċipant” tfisser Stat Membru li jkun adotta l-euro;

“Stat Membru parteċipant ġdid” tfisser Stat Membru parteċipant li adotta l-euro imma fejn il-karti tal-flus u l-muniti euro m'humiex l-uniċi valuta legali;

“data ta' l-adozzjoni ta' l-euro” tfisser id-data meta l-abrogazzjoni ta' deroga partikolari ta' Stat Membru skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tidħol fis-seħħ;

“perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja” tfisser il-perjodu bejn id-data tat-tibdil tal-flus kontanti fi Stat Membru parteċipanti ġdid partikolari u l-aħħar data meta l-valuta nazzjonali ta' dak l-Istat Membru parteċipanti ġdid tista' tintuża bħala valuta legali flimkien ma' l-euro;

“data tat-tibdil tal-flus kontanti” tfisser id-data meta l-karti tal-flus u l-muniti euro jiksbu l-istatus ta' valuta legali fi Stat Membru parteċipanti ġdid partikolari;

“valuta nazzjonali” tfisser il-karti tal-flus u l-muniti ta' Stat Membru parteċipanti ġdid li nħarġu mill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru qabel id-data ta' l-adozzjoni ta' l-euro;

“karti tal-flus ta" Stat Membru parteċipanti ġdid’ tfisser karti tal-flus maħruġa mill-BĊN ta' Stat Membru parteċipanti ġdid li kienu valuta legali fil-jum qabel id-data ta' l-adozzjoni ta' l-euro u li huma ppreżentati lil BĊN ieħor jew l-aġent maħtur ta' dan ta' l-aħħar biex jissarrfu;

“perjodu transitorju” tfisser perjodu ta', l-aktar, tliet snin li jibda fi 00.00 siegħat (ħin lokali) fid-data ta' l-adozzjoni ta' l-euro u li jintemm fi 00.00 siegħat (ħin lokali) fid-data tat-tibdil tal-flus kontanti;

“BĊN ta' l-Ewrosistema” tfisser il-BĊN ta' Stat Membru parteċipanti (inkluż BĊN ta' Stat Membru parteċipant ġdid);

“valur ta' parità” tfisser il-valur li jirriżulta mir-rati tal-konverżjoni adottati mill-Kunsill ta' l-UE skond l-Artikolu 123(4) tat-Trattat, mingħajr differenza bejn ir-rati tal-bejgħ u x-xiri;

“l-immarkar” tfisser l-identifikazzjoni tal-karti tal-flus b'simbolu distintiv u speċifiku, per eżempju toqob magħmulin b'perforaturi, bħala parti mill-iskema nazzjonali ta' l-immarkar biex ikun iffaċilitat u mħares l-irtirar tal-karti tal-flus ta' Stat Membru parteċipant ġdid li nħarġu mill-awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru qabel id-data ta' l-adozzjoni ta' l-euro.

Artikolu 2

Obbligu tat-tisrif b'valur ta' parità

1.   Il-BĊI ta' l-Ewrosistema għandhom jiżguraw, ta' lanqas f'post wieħed fit-territorju nazzjonali, weħedhom jew permezz ta' l-aġent maħtur tagħhom, li l-karti tal-flus ta' Stat Membru parteċipant ġdid jistgħu jew: (i) jissarrfu f'karti tal-flus u muniti euro; jew (ii) wara li ssir talba, ikunu ikkreditati f'kont miżmum ma' l-istituzzjoni li tagħmel it-tisrif, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru fejn qed isir it-tisrif tipprovdi din il-possibilità. Fiż-żewġ każijiet it-tisrif għandu jkun fil-valur ta' parità rilevanti.

2.   Jekk hemm perjodu transitorju fi Stat Membru parteċipanti ġdid, matul dak il-perjodu id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw għall-BĊN ta' dak l-Istat Membru parteċipanti ġdid, ħlief li skond is-subparagrafu (i) it-tisrif għandu jkun fil-valuta nazzjonali ta' dak l-Istat Membru aktar milli f'karti tal-flus u muniti euro.

3.   Il-BĊI ta' l-Ewrosistema jistgħu jillimitaw n-numru u/jew il-valur totali tal-karti tal-flus ta' Stati Membri parteċipanti ġodda li huma ppreparati li jaċċettaw minn kull parti partikolari:

(i)

għal kull tranżazzjoni partikolari; jew

(ii)

għal kull jum,

sa ammont ta' bejn EUR 500 u 2 500, bil-livell ta' l-ammont jvarja skond il-prattika nazzjonali.

4.   Il-BĊI ta' l-Ewrosistema huma responsabbli mir-ripatrijazzjoni tal-karti tal-flus ta' Stat Membru parteċipant ġdid li jsarrfu bis-saħħa ta' din il-Linja ta' Gwida lill-BĊN ta' l-Istat Membru minn fejn kienu nħarġu l-karti tal-flus msemmijin.

Artikolu 3

Karti tal-flus li ma jikkwalifikawx għat-tisrif

Karti tal-flus mqattgħin ħafna ta' Stat Membru parteċipanti ġdid m'għandhomx jikkwalifikaw għat-tisrif skond din l-Linja ta' Gwida. B'mod partikolari, l-ebda karta ta' flus m'għandha tikkwalifika għat-tisrif jekk tikkonsisti minn aktar minn żewġ partijiet ta' l-istess karta tal-flus mwaħħlin flimkien jew li kienet mħassra b'xi mezz ta' kontra s-serq. Barra minn dan, l-ebda karta tal-flus m'għandha tikkwalifika għat-tisrif jekk kienet suġġetta għall-immarkar jew imħassra b'mod li ma jkunx possibbli li tkun ivverifikata l-preżenza ta' l-immarkar.

Artikolu 4

Il-perjodu ta' kemm idumu l-arranġamenti skond din il-Linja ta' Gwida

1.   Fir-rigward ta' dawk il-karti tal-flus ta' Stat Membru parteċipant ġdid li jikkwalifikaw għat-tisrif, il-ħtiġijiet msemmijin fl-Artikoli 2 u 3 għandhom japplikaw:

(a)

mid-data ta' l-adozzjoni ta' l-euro ta' l-Istat Membru parteċipanti ġdid;

(b)

sakemm dawn il-karti tal-flus kollha ppreżentati għat-tisrif qabel l-iskadenza ta' perjodu ta' xahrejn wara d-data tat-tibdil tal-flus kontanti ta' l-Istat Membru parteċipanti ġdid, ikunu ssarrfu.

2.   Jekk Stat Membru parteċipant ġdid għandu perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja li huwa itwal minn xahrejn, il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1(b) għandu minflok ikun l-itwal tal-perjodi ta' ċirkolazzjoni doppja ta' l-Istati Membri parteċipanti kollha li għandhom l-istess data ta' l-adozzjoni ta' l-euro bħall-Istat Membru parteċipant ġdid partikolari.

3.   Il-perjodu ta' kemm idumu l-arranġamenti skond din il-Linja ta' Gwida għandu jkun l-istess għall-Istati Membri parteċipanti ġodda li għandhom l-istess data ta' l-adozzjoni ta' l-euro. Dan il-perjodu għandu jkun ekwivalenti għall-itwal perjodu li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2. L-eżistenza ta' perjodu transitorju fi Stat Membru parteċipant ġdid partikolari m'għandhiex ittawwal il-perjodu tal-kambju għall-karti tal-flus ta' Stati Membri parteċipanti oħra ġodda.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja ta' Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

L-indirizzati

Din il-Linja ta' Gwida hija indirizzata lill-BĊI ta' l-Istati Membri parteċipanti.

Magħmul fi Frankfurt am Main, nhar l-24 ta' Lulju, 2006.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2169/2005 (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1).


Top