EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0029

Deċiżjoni (UE) 2017/2080 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Settembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/9 dwar l-aċċess għal u l-użu ta' ċerta dejta TARGET2 (BĊE/2017/29)

OJ L 295, 14.11.2017, p. 86–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/03/2023; Impliċitament imħassar minn 32023D0549

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2080/oj

14.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/86


DEĊIŻJONI (UE) 2017/2080 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta' Settembru 2017

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/9 dwar l-aċċess għal u l-użu ta' ċerta dejta TARGET2 (BĊE/2017/29)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-ewwel u r-raba' inċiżi tal-Artiklu 3.1, u l-Artiklu 22 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Linja Gwida BĊE/2012/27 (1) tistabbilixxi sistema trans-Ewropea ta' trasferiment awtomatizzat ta' ħlas gross f'ħin reali (Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system — TARGET2).

(2)

TARGET2 tiffunzjona abbażi ta' pjattaforma teknika waħda msejħa l-Pjattaforma Komuni Unika (SSP), imħaddma mid-Deutsche Bundesbank, mill-Banque de France u mill-Banca d'Italia. Hija legalment strutturata bħala multipliċità ta' sistemi ta' ħlas gross f'ħin reali, li kull waħda minnhom hija komponent tat-TARGET2 imħaddma minn bank ċentrali tal-Eurosistema (BĊ). Il-Linja ta' Gwida BĊE/2012/27 tarmonizza r-regoli għall-komponenti tat-TARGET2 sa fejn hu l-aktar possibbli.

(3)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/9 (2).

(4)

Dejta ta' TARGET2 fil-livell tat-tranżazzjonijiet hija meħtieġa sabiex isiru analiżijiet relatati mas-sorveljanza makroprudenzjali, l-istabbiltà finanzjarja, l-integrazzjoni finanzjarja, l-operazzjonijiet tas-suq, il-funzjonijiet tal-politika monetarja u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Id-dejta hija meħtieġa wkoll għall-kondiviżjoni tar-riżultati aggregati ta' dawn l-analiżijiet. Għaldaqstant jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2010/9 jiġi estiż sabiex jippermetti aċċess għad-dejta għal dawn l-iskopijiet.

(5)

Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) huwa responsabbli għal attivitajiet operazzjonali fil-qasam tal-infrastrutturi tas-suq tal-Eurosistema. L-MIB huwa inkarigat ukoll minn inizjattivi u proġetti ġodda relatati mal-infrastruttura tas-suq, inkluża l-ġestjoni operazzjonali u funzjonali kemm ta' TARGET2 kif ukoll ta' TARGET2-Securities, skont il-mandat mogħti mill-Kunsill Governattiv. Il-Kumitat għall-Infrastruttura u l-Ħlasijiet tas-Suq (MIPC) huwa responsabbli biex jikkoordina s-superviżjoni tas-sistemi tal-ħlas inkluż il-koordinazzjoni tas-superviżjoni tat-TARGET2. Fir-rigward tat-TARGET2-Securities (T2S) u TARGET2, l-MIPC jikkontribwixxi wkoll għal kompiti assenjati għal-Livell 1 tal-governanza f'konformità mal-Linja ta' Gwida BĊE/2012/27. L-MIB u l-MIPC jassumu l-kompiti mogħtija lill-Kumitat tas-Sistemi ta' Ħlas u ta' Saldu taħt id-Deċiżjoni BĊE/2010/9,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/9 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Il-BĊi għandhom jaċċessaw dejta fil-livell tat-transazzjoni misluta minn TARGET2 mingħand il-parteċipanti kollha tal-komponenti kollha ta' TARGET2 għall-finijiet li tiżgura l-funzjonament effiċjenti ta' TARGET2 u s-sorveljanza tagħha. Il-BĊi jistgħu jaċċessaw ukoll id-dejta sabiex iwettqu l-analiżijiet meħtieġa għas-superviżjoni makroprudenzjali, l-istabbiltà finanzjarja, l-integrazzjoni finanzjarja, l-operazzjonijiet tas-suq, il-funzjonijiet tal-politika monetarja u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, skont il-prinċipju ta' separazzjoni.

2.   L-aċċess għad-dejta msemmija fil-paragrafu 1 u l-użu tagħha għal analiżijiet kwantitattivi u simulazzjonijiet numeriċi għandhom ikunu limitati għal li ġej:

(a)

sabiex jiġu żgurati l-funzjonament u s-sorveljanza effiċjenti ta' TARGET2, membru tal-persunal wieħed u sa tliet supplenti separatament kemm għat-tħaddim kif ukoll għas-sorveljanza ta' TARGET2. Il-membri tal-istaff u s-supplenti tagħhom għandhom ikunu membri tal-persunal li jieħdu ħsieb it-tħaddim ta' TARGET2 u s-sorveljanza tal-infrastruttura tas-suq.

(b)

għal kull analiżi oħra, grupp ta' 15-il membru tal-persunal li jmexxu r-riċerka, ikkoordinati mill-kapijiet tar-riċerka tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

3.   Il-BĊi jistgħu jaħtru lill-membri tal-istaff u lis-sostituti tagħhom. Il-ħatra ta' membri tal-persunal, inklużi l-kapijiet tar-riċerka, li jitħallew jaċċess dejta ta' TARGET2 skont il-paragrafu 2, għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni mill-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB). Il-ħatra ta' membri tal-persunal mis-superviżjoni, li huma permessi li jkollhom aċċess għad-dejta tat-TARGET2 skont il-paragrafu 2, għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni mill-Kumitat tal-Infrastruttura tas-Suq u Ħlasijiet (MIPC). L-istess proċeduri għandhom japplikaw għas-sostituzzjoni tagħhom.

4.   L-MIB għandu jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-garanzija tal-kunfidenzjalità tad-dejta fil-livell ta' transazzjoni. Il-BĊi għandhom jiżguraw konformità ma' dawn ir-regoli mil-membri tal-persunal tagħhom skont il-paragrafi 2 u 3. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' kwalunkwe regola oħra dwar il-kondotta professjonali jew il-kunfidenzjalità mill-BĊi, fil-każ ta' non-konformità mar-regoli speċifiċi stabbiliti mill-MIB, il-BĊi għandhom iżommu lil kwalunkwe membru tal-persunal innominat tagħhom milli jkollu aċċess għal u użu tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1. L-MIB għandu jimmonitorja l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu.

5.   Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi wkoll li jagħti aċċess lil utenti oħrajn fuq il-bażi ta' regoli preċiżi u ddefiniti minn qabel. F'dawk il-każijiet, l-MIB għandu jimmonitorja l-użu tagħhom tad-dejta u, b'mod partikolari, il-konformità tagħhom mar-regoli tal-kunfidenzjalità, kemm kif stabbiliti mill-MIB u kif stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2012/27 (*1);

(*1)  Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1).”."

2.

L-Artikolu 2(1) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“1.   Is-Simulatur TARGET2 għandu jiġi stabbilit għat-twettiq tal-analiżi kwantitattiva u s-simulazzjonijiet numeriċi msemmijin fl-Artikolu 1(1)”.

3.

L-Artikolu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   L-MIB għandu jistabbilixxi programmi ta' ħidma operazzjonali u ta' sorveljanza fuq medda ta' żmien medju u l-MIPC għandu jistabbilixxi programm ta' xogħol ta' sorveljanza li għandhom jitwettqu mill-membri tal-persunal innominati skont l-Artikolu 1(2) u (3), bl-użu ta' dejta fuq livell ta' transazzjoni.

2.   L-MIB jista' jiddeċiedi li jippubblika informazzjoni misluta mill-użu ta' dejta f'livell ta' transazzjoni, sakemm ma jkunx possibbli li jiġu identifikati l-parteċipanti jew il-klijenti tal-parteċipanti.

3.   L-MIB għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi. Id-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni mill-Kunsill Governattiv.

4.   L-MIB għandu jinforma regolarment lill-Kunsill Governattiv bil-kwistjonijiet kollha marbutin mal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.”;

4.

L-Artikolu 4 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38(3) tal-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2012/27, l-MIB għandu jikkoordina l-iżvelar u l-pubblikazzjoni minn BĊi ta' informazzjoni dwar il-ħlas fir-rigward ta' parteċipant jew klijenti ta' parteċipant imsemmija f'dak l-Artikolu.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta' Settembru 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1).

(2)  Deċiżjoni BĊE/2010/9 tad-29 ta' Lulju 2010 dwar l-aċċess għal u l-użu ta' ċerta dejta TARGET2 (ĠU L 211, 12.8.2010, p. 45).


Top